Għażiż Prospero!

Print Friendly, PDF & Email

L-aħbar tal-mewtek tassew li ħasditni! Għax qatt f’mitt sena, għażiż Prospero, ma kont nobsor li se tħallina hekk! Ħabta u sabta! Daqshekk malajr! Għalhekk, b’mewtek, infetħitli ġerħa li qajla issa se tagħlaq! L-għaliex min tassew jixtieq li jitlef persuna tant għażiża f’ħajtu?

Forsi min jismagħni nitħaddet fuqek b’dan il-mod jaħseb li kont niekol il-kirxa miegħek. Imma mur għidilhom li jien lilek kont nafek mill-bogħod ‘il bogħod. Nammetti! Qabli kien hemm rassa kbira ta’ nies li, bħal Ġesù, kienet tabilħaqq tross fuqek il-ħin kollu! Min jaf kemm studenti kellhom bżonn l-għajnuna tiegħek! U min, imsieken, lil dawn se jaqbad ilumhom milli ma jiksrulekx rasek? Min għal ħaġa u min għal oħra? Huwa x-xogħol tat-teżijiet mhux faċli? L-aktar, imsieken, jekk kienu jsibu xi eżaminaturi li, jew id-dimenzja inkella l-gula għas-suċċess akkademiku għas-skapitu ta’ oħrajn, għala l-alligators, malajr nessithom li xi darba kienu studenti huma! O għażiż Prospero! Kif inhi l-ħajja tal-università! Veru?

Imma int ma kontx hekk! Pjuttost l-oppost! Int kont dejjem hemm għall-istudenti. U dejjem lest biex tgħinhom u tiffurmahom. Għax kienet l-għaxqa tiegħek li l-Knisja jkollha saċerdoti ta’ sinsla li jieħdu ħsiebha u jreġuha! Dan l-għaliex int, għażiż Prospero, bħala għalliem u espertissmu tal-Kelma ta’ Alla, l-aktar ta’ l-evanġelista Ġwanni, fuq l-eżempju għażiż ta’ missierna Wistin, fihmt x’inhi l-qalba tal-imħabba. Għalik l-imħabba vera hi l-ħbiberija! Kemm narak, O għażiż Prospero, li fihmt sewwa l-kliem li qal Ġesù fi Ġwanni 15:15: Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom.

Emminni għażiż Prospero! Aktar ma naqra u nisma’ fuqek aktar qed nifhem kemm din l-attitudni qaddisa tal-ħbiberija għalik kienet mod ta’ ħajja. Nifhem. Ma kontx il-patri tal-paniġierċi. Ma kontx tgħajjat mill-pulptijiet. Kif ġieli nagħmel jien meta l-Mulej, fi ħnientu, u għax jarani fil-bżonn, isejjaħli biex bija jinseġ xi wieħed ‘l hawn u ‘l hemm. Imma ħej kemm ħajtek kienet għajta! Għajta waħda ta’ mħabba kif mfissra fil-ħbiberija! U kemm int, b’dak l-għerf mimli ħlewwa li kien joħroġ minn fommok, ġagħalt numru kbir ta’ studenti, u anki esperti bħalek, sempliċiment jistagħġbu kif l-Ispirtu s-Santu kien jitkellem permezz tiegħek!

Għażiż Prospero, bħalissa, bid-dmugħ f’għajnejja, qed inġib quddiem għajnejja lecture li kont tajtna fl-iskola ta’ Santu Wistin. Emminni li bħalissa nsejt x’kien it-titlu tiegħu. Għax jien, biex il-Mulej jagħtini l-grazzja nħarbex xi ħaġa ta’ malajr, irrid tassew li nisraq il-ħin. Iva ħi! M’għandix il-ħin li noqgħod sieq fuq sieq fuq is-siġġu, bil-kafè ħdejja, nixxaħxaħ infittex. Jien, ħajti, bħal kbir Wistin missierna, dejjem għaddej. Għalkemm għadni ma ksirtx ir-record tiegħu li norqod biss tlett sigħat u mill-bqija talb, xogħol, komunità, talb u xogħol!

Madankollu, f’din in-naqra ħin li l-Mulej qed jagħtini għad-diżpożizzjoni tiegħi, f’dan il-jum, fil-kunvent imsemmi għall-maħbuba Trinità, qed inġibek quddiem għajnejja tgħallimna. B’dik is-sempliċità u l-umiltà tant karatteristika tiegħek. U, kull darba li tiġini d-dehra tiegħek f’moħħi, liebes il-clergy u bis-salib kardinalizju fuq sidrek, u dak wiċċek imżejjen b’dik it-tbissima ta’ tifel li jaf jistgħaġeb quddiem il-ġawhra li sab, emminni li nerġa’ nieħu saħħti mill-ġdid! U ninsa’ kollox! U, bħalek, nitfa’ għonqi għall-madmad ħelu u t-toqol ħafif tal-appostolat li jagħtina nwettqu l-Feddej!

Propju wara dak il-lecture, fejn kelli l-grazzja li nisimgħek, għażiż Prospero, kont ġejt inkellmek. U int, ta’ bniedem għaref, umli u espertissmu mhux biss tal-kotba imma ukoll tal-ktieb tal-ħajja komunitarja, għedtli kelma li nibqa’ inġorrha dejjem f’qalbi. Wara li kont tarraftlek li wara kont sejjer naħdem fl-Isptar Mater Dei, fix-xift ta’ billejl, int kont għedtli: Ngħir għalik li taħdem l-isptar mal-morda!

Għażiż Prospero, illum nara is-sbejjaħ ismek f’dan il-kumment tant għaqli u qaddis tiegħek! Għax, f’dan il-kumment, rajt l-għana tal-Ispirtu s-Santu fik! Dak l-għana li mill-kotba u l-kisbiet akkademiċi li kapaċi jissarraf f’karità! L-aktar ma’ ħutna l-morda li, is-suġġett tiegħek stess, u li int tant kont espert fuqu, il-Kelma ta’ Alla, tgħallimna li fihom Ġesù qiegħed! U li min jgħid li jħobb lil Ġesù għandu jaqdih fihom stess!

Għedtli li tgħir. Imma mhux għira qattiela u li tkisser lil min ixxomm li għadu talent. Imma dik qaddisa. U li tgħin lil ħaddieħor ikabbar it-talent li l-Mulej jagħtih. Għedtli li tgħir imma mhux biex tikkompeti miegħi iżda biex miegħi xtaqt issarraf dak li tgħallimt matul is-snin. U issaħħaħni fid-don li l-Mulej tani li naħdem ma’ Ġesù fl-Isptar, ma’ ħutna l-morda. Ħa nserraħlek rasek għażiż ħabib u għalliem tiegħi Prospero! Dan ix-xogħol int ilek issa tagħmlu s-snin! Min jaf kemm serraħt qlub ta’ nies imnikkta kull fejn għallimt u żort! Min jaf kemm kont ta’ sollief għal min, fid-dinja akkademika, tilef it-triq! It-tbissima ta’ wiċċek u s-sens umoristiku tiegħek, flimkien ma’ ħajja awtentika ta’ kontemplazzjoni fl-azzjoni, għamluk, bħal Wistin missierna, duttur tal-ħajja u mhux tal-karta.

Madankollu, il-kumment tiegħek li għaddejtli rigward ħidmieti fl-isptar, mal-morda, nibqa’ napprezzah tul ħajti kollha! Għax int, mingħajr ma kont taf, kont wieħed fil-lista ta’ persuni li lili, bihom, il-Mulej ikkonfermali s-sejħa tiegħi li nibqa’, bil-grazzja tiegħu, naħdem fl-Isptar Mater Dei bħala Kappillan sal-aħħar nifs ta’ ħajti! Grazzi għażiż Prospero! Kemm tabilħaqq għanieni l-messaġġ tiegħek! Kollu għerf, imħabba u umiltà!

Imbagħad, ħaġa oħra li laqtitni immens f’ħajtek, għażiż Prospero, kienet li int kont tant miftuħ għax-xogħol pastorali. Minkejja li ktibt ħafna idejk xorta waħda sabu l-ħin jagħtu l-barka tal-assoluzzjoni fil-qrar imqaddes. Għalkemm għallimt ħafna bil-leħen tiegħek, dak leħnek, hekk mgħallem, tant li semgħuh sewwa esperti kbar fit-teoloġija u l-patristika daqstant ieħor semgħu l-midneb u l-midinba meta, fis-skiet tal-konfessinarju, ġew għandek u għand Alla għax tassew emmnu li int qiegħed minflok Alla! Xi ġmiel li int użajt dak leħnek, daqshekk mgħallem, biex tgħidilhom, f’Isem Alla u l-Knisja tiegħu, U jien naħfirlek dnubietek! X’erba’ kelmiet dawk għażiż Prospero! X’vanġelu ħaj hu dak! Il-vanġelu tal-maħfra tal-Mulej!

Għażiż Prospero, ħa jkolli nieqaf hawn! Għax nibża’ li dwarek nibda’ u ma nieqafx! Imma veru li mhux ħa nieqaf! Għax bik il-Mulej saħħaħli ruħi, ġismi, ix-xogħol tiegħi mal-morda fl-isptar, is-sejħa kapuċċina, l-imħabba agostinjana u l-kitba u t-tagħlim fuq l-eżempju tal-kbir Wistin. Naf li bħalissa, fis-sema, San Franġisk qed jgħannqek waħda minn u ma’ qalbu! Għax int, mingħajr ma taf, ħadtlu ħsieb wieħed minn uliedu! U le! X’jien ngħid! Ħa tibqa’ toħodlu ħsiebu! Għax it-talb tiegħek, l-għerf li l-Mulej tak fit-teoloġija, fil-ħajja ikkonsagrata u dik pastorali, qiegħdin dejjem f’qalbi!

Grazzi ta’ kollox għażiż Prospero! U ibqa’ kellimni! Urini! U ħarriġni ħa nkun bħalek, id-dixxiplu l-maħbub ta’ Kristu! Berikni!

Jagħtik il-Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi fuqek, tistrieħ fil-paċi. Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: