Il-Ġimgħa, 7 ta’ Frar 2020: Fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Papa Franġisku qalilna biex ma nibżgħux mill-umiljazzjonijiet, anzi nitolbu lill-Mulej jibagħtilna ‘xi ftit’ biex jagħmilna umli ħalli b’hekk nimitawh aħjar.
F’riflessjoni li għamel fuq l-Evanġelju tal-ġurnata, il-Papa spjega li Ġwanni l-Battista kien mibgħut minn Alla biex juri t-triq, ‘il-mixja ta’ Ġesù’. L-aħħar wieħed mill-profeti, fakkar Franġisku, kellu l-grazzja li jgħid: ‘Dan hu l-Messija.’
Il-Battista ma ġiex jipprietka li kien ġej Ġesù biex iħejji lill-poplu, imma ġie biex jagħti xhieda ta’ Ġesù Kristu b’ħajtu stess.
Li tagħti xhieda tat-triq magħżula minn Alla għas-salvazzjoni tagħna, hija t-triq tal-umiljazzjoni. Dan jgħidu b’mod ċar Pawlu fl-Ittra lill-Filippin: ‘Ġesù xxejjen billi ħa l-mewt, anzi l-mewt tas-salib.’
Dil-mewt fuq is-salib, din it-triq li biha xxejjen, li biha sofra l-umiljazzjoni, hi triqitna wkoll, it-triq li Alla juri lin-Nisrani biex jibqa’ miexi ’l quddiem.
Kemm Ġwanni kif ukoll Ġesù, kompla Franġisku, kellhom it-tentazzjoni tal-vanità, tas-suppervja: Ġesù fid-deżert ittantat mix-xitan, wara s-sawm; Ġwanni quddiem id-dutturi tal-liġi li staqsewh kienx il-Messija. Seta’ wieġeb li kien ‘il-ministru tiegħu’. Madankollu umilja ruħu.
It-tnejn li huma kellhom l-awtorità quddiem il-poplu għax il-predikazzjoni tagħhom kienet awtorevoli. It-tnejn li huma għaddew minn waqtiet ibsin, speċi ta’ ‘dipressjoni umana u spiritwali’, kif iddeskriviha l-Papa: Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani u Ġwanni fil-ħabs, mhedded ‘mis-susa tad-dubju’ jekk Ġesù kienx verament il-Messija. It-tnejn li huma jintemmu bl-aktar mod umiljanti: Ġesù fuq is-salib, il-mewt tal-agħar kriminali, terribbli kemm fiżikament u wkoll moralment, għarwien quddiem il-poplu; Ġwanni l-Battista b’rasu maqtugħa minn suldat, ġewwa l-ħabs, fuq ordni ta’ re mdgħajjef mill-vizzjijiet u korrott minħabba l-kapriċċ ta’ ballerina u l-mibegħda tal-adultera Erodjade.
Il-profeta, il-kbir profeta, l-akbar bniedem li qatt twieled minn mara, kif sejjaħlu Ġesù stess, kif ukoll Iben Alla, għażlu t-triq tal-umiljazzjoni. Huma juruna li din hi t-triq li aħna l-Insara għandna nterrqu. Infatti, il-Beatitudnijiet jisħqu li t-triq hi dik tal-umiltà.
Ma nistgħux inkunu umli mingħajr umiljazzjonijiet, iċċara l-Papa. Għalhekk hu stieden lill-Insara biex jisiltu tagħlima mill-messaġġ li ttina l-Kelma t’Alla f’dil-ġurnata.
Meta nippruvaw nidhru, fil-Knisja, fil-komunità, biex niksbu xi ħaġa jew xi grad, inkunu qed nagħżlu t-triq tad-dinja. Hija triq mondana mhux it-triq ta’ Ġesù.
Dit-tentazzjoni tat-tixbit tista’ tolqot ukoll lir-rgħajja. Jibdew jaħsbu: ‘Din hi inġustizzja, din umiljazzjoni, ma nistax naċċettaha.’
Imma jekk ir-ragħaj ma jimxix fit-triq tal-umiljazzjon, ma jkunx dixxiplu ta’ Ġesù: ikun xabbatur bis-suttana. M’hemmx umiltà jekk tkun nieqes mill-umiljazzjoni.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.