Illum il-Knisja tfakkar lill-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes


Fil-11 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lill-Verġni Mqaddsa Marija ta’ Lourdes, li dehret fl-Lourdes fis-sena 1858.

Lourdes, belt żgħira ħdejn il-Pirinej, il-muntanji li jifirdu lil Franza minn Spanja, kienet ftit magħrufa sal-1858. Dak li kellu jagħmilha ċentru ta’ attrazzjoni għad-dinja kollha kienet grotta moħbija u minsija minn kulħadd – grotta fil-blat ta’ Massabielle, li kienet isservi bħala post ta’ kenn lir-rgħajja tal-post u lill-merħliet tagħhom. Minnha bdiet dik l-opra grandjuża tal-ħniena ta’ Marija.

Fil-11 ta’ Frar 1858, il-Madonna dehret għall-ewwel darba, fl-aħħar ġurnata tal-Karnival, lil tfajla fqajra ta’ erbatax-il sena li ħarġet għall-ħabta tal-ħdax minn darha ma’ oħtha iżgħar minnha u ma’ ħabiba oħra, u marret biex issib xi ftit zkuk għan-nar. Kienet Bernardetta Soubirous, xebba sempliċi u marradija, iżda innoċenti u twajba, li l-Madonna għażlitha bħala strument għall-pjan tagħha – għodda umana ċkejkna ta’ ħidma kbira u divina.

Waqt li t-tfajla kienet tfittex post mnejn tista’ taqsam ix-xmara Gave, ħasset bħal buffura riħ qawwija żżommha u f’nofs ta’ dawl qawwi rat bilwieqfa fid-daħla tal-grotta sinjura ta’ sbuħija singulari u ta’ mġiba maestuża. Kienet tidher ta’ xi għoxrin sena, la twila u lanqas qasira. Kellha libsa twila bajda aktar mis-silġ, marbuta ma’ qaddha b’faxxa lewn is-sema b’għoqda quddiem u nieżla rduppjata sa rkopptejha.

Rasha kienet mgħottija b’velu abjad, jinżel sal-art, u fuq kull riġel kienet tiddi warda tad-deheb. F’idha kellha kuruna sabiħa tar-rużarju, biż-żibeġ bojod minsuġin bid-deheb u b’salib tad-deheb. Idejha kienu mgħaqqdin quddiem sidirha u għajnejha fissi lejn is-sema, bħal waħda qiegħda titlob. F’din l-ewwel dehra s-sinjura tas-sema għallmitha trodd is-salib bid-devozzjoni; u waqt li kienet tgħodd iż-żibeġ tal-kuruna bdiet tħeġġiġha bl-eżempju ħalli tgħid hi wkoll ir-rużarju.

Fit-tieni jum tad-dehra, it-tfajla, imwissija minn ommha, xeħtet ftit ilma mbierek fuq is-Sinjura, u hi bi tbissima ta’ ħlewwa wriet kemm dan kien jogħġobha.

Fit-tielet dehra stiednet lil Bernardetta biex tiġi fil-grotta għal ħmistax-il jum fuq xulxin, u wegħditha hena kbir, mhux f’din id-dinja, iżda fl-oħra.

F’dawn id-dehriet is-Sinjura ħeġġitha biex titlob għall-midinbin, biex tbus l-art u tagħmel penitenza; talbitha wkoll biex tgħid lis-saċerdoti ħalli jibnulha knisja hemm, fejn il-popli jistgħu jmorru jitolbu. Urietha post fil-grotta, u qaltilha biex tixrob u tinħasel bl-ilma li beda ħiereġ minn hemm minnufih. B’kollox dehritilha tmintax-il darba, ġo għar, mill-11 ta’ Frar sas-16 ta’ Marzu, 1858.

Waqt id-dehriet il-Madonna kienet tgħaddi ż-żibeġ tal-kuruna bejn subgħajha filwaqt li Bernadette titlob ir-Rużarju. Għat-talba tal-kappillan, f’kull dehra lis-Sinjura li kienet qed tidhrilha kienet issaqsiha x’jisimha.

Kien fil-25 ta’ Marzu, festa tal-Annunzjazzjoni, għall-mistoqsija li Bernadette reġgħet għamlitilha dwar x’kien jisimha, is-Sinjura għaqqdet il-palmi ta’ idejha flimkien u b’leħen ċar wieġbet bid-djalett ta’ Lourdes: “Jiena l-Immakulata Konċizzjoni.” Id-domma tat-Tnissil Bla Tebgħa ta’ Marija kienet ġiet definita mill-Papa Piju IX inqas minn erba’ snin qabel. It-tmintax u l-aħħar dehra saret nhar il-festa tal-Madonna tal-Karmnu, fis-16 ta‟ Lulju 1858.

Id-dehriet ħallew impressjoni qawwija fuq Bernadette. Meta darba neputija tagħha staqsietha: “Zi, hija xejn sabiħa l-Madonna?”, Bernadette weġbitha: “Hija tant sabiħa li, min jaraha darba, jkollu seba’ mitt sena sa jmut biex ma jitlifha qatt iktar!”

Sadattant il-poplu, miġbud mill-għeġubijiet li bdew isiru u l-grazzji li bdew jinkisbu, beda kull ma jmur jiżdied, minn dehra għall-oħra. Mhux ta’ min jistagħġeb li l-kobor tal-folla beda jħasseb ’l-awtoritajiet ekkleżjastiċi minn banda u l-oppożizzjoni ta’ awtorità ċivili anti-reliġjuża u atea mill-oħra. Iżda l-lealtà u s-sinċerità tat-tfajla, flimkien mal-fejqan sopranaturali li kien ġa beda jsir fil-beraħ, rebħu fuq kull xkiel u kull biża’, u ftit xhur kienu biżżejjed biex iwasslu l-isem ta’ Lourdes barra mill-fruntieri ta’ Franza. L-aħħar dehriet saru quddiem bosta eluf ta’ fidili.

Fid-19 ta’ Mejju 1866, fil-preżenza ta’ Bernardette, kienet saret l-ewwel quddiesa fil-kappella (Kripta), li 25 raġel, fosthom missierha, kienu ħadmu għal tliet xhur, lejl u nhar, jaqtgħu il-blat biex lestewha. F’din il-knisja Ġesù Ewkaristija jkun espost minn filgħodu sa filgħaxija, għax il-fini tal-Madonna hu li permezz tagħha, il-bnedmin jersqu iktar qrib lejn Ġesù. (Fuq il-lemin ta’ din il-knisja, taqsam it-triq, hemm il-Kappella kbira tar-Rikonċiljazzjoni fejn ikun hemm qrar b’ilsna differenti.

Terġa’ fuq il-lemin ta’ din il-kappella hemm għolja li ma’ tulha hemm l-istazzjonijiet tal-Via Sacra bi statwi kbar tal-bronż). Imbagħad inbniet il-Bażilika ta’ Fuq, li l-artal tagħha jiġi sewwa sew fuq l-għar fejn dehret il-Madonna. Fl-1901 ġiet ikkonsagrata l-Bażilika tar-Rużarju. Tissejjaħ hekk għax barra l-artal maġġur fiha ħmistax-il kappellun li jirrappreżentaw il-ħmistax-il misteru tar-rużarju. Fil-25 ta’ Marzu 1958 infetħet il-Kappella ta’ taħt l-art iddedikata lil San Piju X, li tesa’ 30,000 ruħ, biex meta jkun il-maltemp il-funzjonijiet isiru fiha.

Bernardetta għexet għal sentejn oħra f’darha, u mbagħad talbet biex tidħol mas-Sorijiet tal-Karità ta’ Nevers, u saret soru magħhom fl-1865. Għexet 14-il sena oħra, qalb ħafna mard u sofferenzi, u mietet fis-16 ta’ April tas-sena 1879, b’sinjali mhux ordinarji ta’ qdusija. Baqgħet sa mewtha ssostni li kull ma qalet kien kollu minnu. Il-Papa Piju XI iddikjaraha beata fl-1925 u qaddisa fit-8 ta’ Diċembru 1933.

Permezz ta’ dawn id-dehriet, il-Madonna tistieden il-midinbin għall-indiema u tqanqal fil-Knisja l-ħeġġa għat-talb u mħabba ikbar speċjalment fl-għajnuna lill-morda u lill-foqra. Wieħed mill-messaġġi tal-Madonna kien li ngħidu r-Rużarju.

Illum Lourdes huwa wieħed mill-aktar santwarji Marjani li jżuruh nies, fejn l-għadd ta’ mirakli kbar li saru, ġeneralment waqt il-Purċissjoni bis-Sagrament, huma monument ħaj tal-interess kbir li Marija għandha fina l-bnedmin mifdijin bid-Demm ta’ Binha. Mill-1992 il-Papa Ġwann Pawlu II iddikjara l-11 ta’ Frar Jum Internazzjonali tal-Morda.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com