Il-Ħamis, 20 ta’ Frar 2020: ‘In-nies min jgħidu li jien?’ ‘Intom min tgħidu li jien?’ Dawn il-mistoqsijiet insibuhom fl-Evanġelju tal-Liturġija tal-lum. Minnhom il-Papa Franġisku ħa spunt biex għamel ir-riflessjoni tiegħu waqt il-quddiesa fil-kappella tad-Dar Santa Marta.
L-Evanġelju, afferma l-Papa, jgħallimna t-toroq li diġà għaddew minnhom l-appostli, biex insiru nafu min hu Ġesù. Huma tlieta: l-għarfien, l-istqarrija, it-triq li fassal Alla għal Ibnu.
Kull darba li naqbdu l-Evanġelju f’idejna, ħaġa li nagħmluha regolarment, aħna nkunu qed nippruvaw insiru nafu lil Ġesù. Dan nagħmluh ukoll meta nieħdu lit-tfal għad-duttrina, meta neħduhom il-quddies. Imma dan ikun biss l-ewwel pass. It-tieni hu li nistqarru lil Ġesù.
U dan ma nistgħux nagħmluh waħedna. Fil-verżjoni ta’ Mattew Ġesù jgħid lil Pietru: ‘Dan mhux ġej minnek. Dan urihulek il-Missier.’ Hu biss bil-qawwa t’Alla li aħna nistgħu nistqarru lil Ġesù. Ħadd ma jista’ jgħid ‘Ġesù hu l-Mulej’ u jistqarru mingħajr l-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, jgħidilna San Pawl.
Ma nistgħux nistqarru lil Ġesù mingħajr l-Ispirtu. Għalhekk, il-komunità nisranija għandha tfittex dejjem il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu biex tistqarr lil Ġesù, biex tgħid li Hu Alla, li Hu Iben Alla.
Imma x’inhu l-għan tal-ħajja ta’ Ġesù, għalfejn ġie fid-dinja? It-tweġiba għal dil-mistoqsija tfisser li aħna qbadna t-tielet triq biex nagħrfuh aħjar.
Il-Papa fakkar li Ġesù beda jgħallem lid-dixxipli li kellu jbati, joqtluh u mbagħad iqum.
Li nistqarru lil Ġesù jfisser li nistqarru mewtu, il-qawmien tiegħu. Dan mhux l-istess bħal meta ngħidu, ‘Inti Alla’ u nieqfu hemm, le: ‘Int ġejt għalina u mitt għalina. Int qomt mill-imwiet. Int ittina l-ħajja. Int wegħedtna l-Ispirtu s-Santu biex imexxina.’
Li nistqarru lil Ġesù jfisser li naċċettaw it-triq li l-Missier għażel għal Ibnu: l-umiljazzjoni. Lill-Filippin Pawlu jiktbilhom: ‘Alla bagħat lil Ibnu, li xejjen lilu nnifsu, sar qaddej, sar umli sal-mewt, sal-mewt tas-salib.’
Jekk ma naċċettawx it-triq ta’ Ġesù, it-triq tal-umiljazzjoni li Hu għażel biex isalvana, mhux biss ma nkunux Insara, iżda jkun jistħoqqilna dak li Ġesù qal lil Pietru: ‘Tbiegħed minni, ja xitan!’
Il-Papa Franġisku nnota li Satana jaf tajjeb li Ġesù hu Iben Alla, imma Ġesù jirrifjuta l-istqarrija tiegħu l-istess kif ibiegħed minnu lil Pietru li kien qed jagħżel triq li ma kinitx dik magħżula minn Ġesù.
Infatti, li taċċetta t-triq ta’ Ġesù, afferma l-Papa, ifisser li taċċetta l-umiltà u l-umiljazzjoni. U meta l-Knisja ma timxix f’dit-triq, tkun qed tiżbalja, issir tad-dinja.
Meta aħna naraw tant Insara tajbin, ta’ rieda tajba, imma li jħalltu r-reliġjon ma’ kunċett soċjali tat-tjubija, ta’ ħbiberija, meta naraw tant kjeriċi li jgħidu li jimxu wara Ġesù, imma jfittxu l-unuri, it-toroq tal-glorja, it-toroq tal-mondanità, ma jkunux qed ifittxu lil Ġesù, ikunu qed ifittxu lilhom infushom. Ma jkunux kristjani; jgħidu li huma kristjani, imma tal-isem biss, għax ma jkunux qed jaċċettaw it-triq ta’ Ġesù, it-triq tal-umiljazzjoni. U meta fl-istorja tal-Knisja naqraw dwar tant isqfijiet li għexu hekk, tant papiet mondani li ma għaddewx mit-triq tal-umiljazzjoni, ma aċċettawhiex, jeħtieġ nitgħallmu li dik mhix it-triq it-tajba.
Il-Papa temm bi stedina biex nitolbu l-grazzja tal-koerenza nisranija, biex il-kristjaneżmu ma nużawhx biex nixxabbtu; nitolbu l-grazzja li nimxu wara Ġesù fit-triq tiegħu, sal-umiljazzjoni.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.