Nerġgħu nduru lejn Kristu


L-Erbgħa tar-Rmied, 26 ta’ Frar 2020: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria.

Tqeghid tar-Rmied 2020

NERĠGĦU NDURU LEJN KRISTU

Fil-lingwa tagħna għandna qawl li jgħid li min ma jbiddilx, iqammel! Dan japplika wkoll għall-ħajja Nisranja tagħna, għax jekk ħajjitna ma tkunx proċess ta’ bidla kontinwa, hemm ir-riskju li nqammlu. Qed nuża kliem goff, imma jien imħasseb bil-kbir dwar kif ħafna qed jgħixu l-Vanġelu.

Mhux ser nagħmel listi twal biex insemmi n-nuqqas ta’ koerenza fil-ħajja Nisranija; biżżejjed insemmi eżempju wieħed: iz-zekzik u t-taqtiq fuq xulxin… il-vjolenza, xi drabi makabra, li nagħmlu lil xulxin! Mhux qed nirreferi għall-vjolenza fiżika, imma għal dik morali. Ma nużawx skieken biex inqattgħu lil xulxin, imma ninqdew bl-ilsien u bil-pinna. Kif nistgħu nagħtu spjegazzjoni lid-dinja li aħna dixxipli ta’ Kristu, meta bejnietna hawn daqshekk firda, għira, vendetta, mibegħda, demm ħażin! Hawn min jehda jtertaq u jħammeġ lill-proxxmu tiegħu. Kapaċi naslu biex naħarqu lil dak li jkun. Ma nkellmux lil xulxin, indawru wiċċna meta niltaqgħu fit-triq, nirredikolaw lil xulxin, nigdbu fuq xulxin… Imbagħad iċ-ċirasa fuq il-kejk tkun meta, minkejja din il-barbarija kollha, niltaqgħu madwar il-mejda tal-Ewkaristija. Litteralment sirna spettaklu għad-dinja! Ma nafx kif iħossuhom ħuti fis-saċerdozju, imma jien inħossni sfinit.

Ħafna drabi wieħed ma jbiddilx għax ikun dara jgħix fil-ħmieġ. L-abitudni twassalna biex naċċettaw kollox u għalhekk wieħed la jinħasel u lanqas ibiddel u għalhekk iqammel. Id-drawwiet tagħna, anki dawk psewdoreliġjużi, kapaċi jeqirduna għax imewtu fina saħansitra s-sensibbiltà umana.

Illum, permezz tal-profeta Ġoel, Alla qed jgħidilna: “Duru lejja bi qlubkom kollha… ċarrtu qlubkom u mhux ilbieskom, u erġgħu duru lejn il-Mulej Alla tagħkom” (2:12). Din hija l-istedina qawwija li nagħmel lill-Knisja tagħna f’Għawdex fil-bidu ta’ dan ir-Randan. Nerġgħu nduru lejn Alla. Din hija l-konverżjoni li aħna mistiedna ngħixu f’dawn l-erbgħin jum. San Benedittu fir-Regola tiegħu jikteb li “l-ħajja tal-irħieb hija randan sħiħ, għax il-ħajja kollha għandha tkun impenn għall-konverżjoni [bidla]”. Għalkemm għal ħafna, kemm irħieb u kemm Insara komuni, huwa kważi impossibbli li jgħixu din it-tensjoni spiritwali, is-sejħa tagħna hija li nistinkaw biex kuljum ninbidlu – biex kuljum induru lejn Alla li ħafna drabi żarmajnieh tant kemm nieħdu kunfidenza żejda miegħu u ma’ dak kollu li għandu x’jaqsam miegħu.

Il-mistika u ħassieba Franċiża Simone Weil tgħid li l-konverżjoni tfisser li wieħed iniżżel l-għeruq tiegħu fi Kristu. Fil-ktieb tagħha The Need for Roots: prelude towards a declaration of duties towards mankind, Weil tgħid li l-agħar marda soċjali hija meta jmutu l-għeruq… u l-akbar ħtieġa tar-ruħ hija li jkollha għeruq tajba. Meta l-għeruq jitmermru, ir-ruħ ma jkollhiex saħħa biex il-bniedem jinbidel. Ir-Randan huwa żmien tajjeb biex aħna nivverifikaw fejn huma l-għeruq Insara tagħna. Simone Weil tikteb li hemm żewġ veleni li joqtlu l-għeruq: il-flus u l-edukazzjoni. Inħoss li din it-twissija ta’ din il-mistika tgħodd ħafna għas-soċjetà tagħna li minħabba dawn il-veleni qed titlef l-għeruq umani u Kristjani tagħha.

Il-flus huma meħtieġa għall-ħajja, għax bla flus la tgħannaq u lanqas tbus; imma meta l-flus saru alla, allura flok barka nbidlu f’saħta. Huwa fatt magħruf li l-ħajja ta’ ħafna (individwi u familji) tilfet is-sabiħ tagħha, għax flok ma jfittxu l-flus biex jgħixu, qed jgħixu għall-flus. Ir-ritmu tal-ħajja sar jiġi ddettat mill-finanzi. Biex ingeddsu aktar, hemm min issagrifika kull regola. Għalkemm il-ġid kotor, ma aħniex aktar kuntenti!

Meta Simone Weil tgħid li l-edukazzjoni wkoll tista’ tkun velenu, mhix qed tgħid li l-edukazzjoni fiha nfisha hija xi ħaġa ħażina, imma hi tikkritika dik it-tip ta’ edukazzjoni li ma tindirizzax lill-bniedem sħiħ, kif kien it-tagħlim fil-Greċja antika. Dak li huwa meħtieġ għall-ħajja li tixraq lill-bniedem mhux tant il-ħażna ta’ tagħrif (knowledge) imma l-għerf (wisdom). Edukazzjoni frammentarja u pragmatika ma tikkomunikax l-għerf. Fuq kollox, edukazzjoni li mhix miftuħa għat-traxxendent mhix edukazzjoni kompluta. Jista’ jiġri li l-bniedem ikollu ħafna informazzjoni, imma ma jkunx iffurmat. Dak li jgħodd mhux kemm għandna ggradwati imma kemm għandna persuni li saru jħobbu l-verità u qed jiġru warajha biex isiru jafuha.

Dan jgħodd ukoll f’dik li hija l-formazzjoni Nisranija tagħna – għandna sistema fejn liż-żgħar u lill-adolexxenti nippruvaw ngħaddulhom tagħrif dwar Alla mingħajr ma nnisslu fihom ix-xewqa għal Ġesù. L-istess jista’ jingħad dwar il-katekeżi tal-adulti: il-predikazzjoni tkun suċċess meta ddaħħal lil dak li jkun f’relazzjoni personali ma’ Ġesù. Anki t-tagħlim tat-teoloġija jista’ jkun “velenu” jekk dan jibqa’ biss fuq livell ta’ għarfien u ma jsirx esperjenza. Għax wieħed jista’ jikseb grad fit-teoloġija imma xorta waħda ma jkollux għeruqu mniżżla fi Kristu.

Fid-dawl ta’ dan kollu, nagħlaq b’appell li jagħmlilna l-Papa Franġisku fil-messaġġ li tana għal dan ir-Randan: “Nixtieq intenni lil kull Nisrani dak li diġà ktibt liż-żgħażagħ fl-Eżortazzjoni appostolika Christus vivit: ‘Ħares lejn id-dirgħajn miftuħa ta’ Kristu msallab, ħallih isalvak dejjem mill-ġdid. U meta tersaq biex tqerr dnubietek, emmen bil-qawwa kollha fil-ħniena tiegħu li teħilsek mill-ħtija. Ikkontempla d-demm tiegħu mxerred b’tant imħabba u ħallih isaffik. Hekk tista’ titwieled dejjem mill-ġdid’. L-Għid ta’ Kristu mhuwiex ġrajja tal-imgħoddi: bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu huwa dejjem attwali u jagħtina li bil-fidi naraw u mmissu l-laħam tal-ġisem ta’ Kristu f’tant persuni li qed ibatu.

Jiswielna ta’ ġid li nikkontemplaw iżjed fil fond il-Misteru tal-Għid, li bih waslitilna l-ħniena ta’ Alla. Fil-fatt, l-esperjenza tal-ħniena hija possibbli biss f’laqgħa ‘wiċċ imb wiċċ’ mal-Mulej mislub u rxoxt ‘li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija’ (Gal 2:20). Djalogu ta’ qalb ma’ qalb, ta’ ħabib ma’ ħabib. Għalhekk it-talb hu tant importanti fi żmien ir-Randan. Qabel ma huwa dmir, dan jesprimi l-bżonn kbir li nwieġbu għall-imħabba ta’ Alla, li dejjem tiġi qabilna u tweżinna. Fil-fatt, in-Nisrani jitlob fl-għarfien li hu maħbub bla ma jistħoqqlu. It-talb jista’ jieħu bosta xejriet differenti, imma dak li tassew jiswa f’għajnejn Alla huwa li hu jinżel fil-fond tal-qalb tagħna, u jasal biex jigref l-ebusija tagħha, biex idawwarha lura dejjem iżjed lejh u lejn ir-rieda tiegħu.

Għalhekk, f’dan iż-żmien it-tajjeb ejjew inħalluh jeħodna bħalma għamel ma’ Iżrael fid-deżert (ara Hos 2:16), biex hekk sa fl-aħħar nistgħu nisimgħu l-leħen tal-Għarus tagħna, inħalluh jidwi fina b’qawwa u disponibbiltà ikbar. Aktar ma nħallu l-Kelma tiegħu tmissna, aktar ħa jirnexxilna nduqu l-ħniena tiegħu li hu joffrilna b’xejn. Għalhekk, ma nħallux jiġi għalxejn dan iż-żmien ta’ grazzja, bl-illużjoni prużuntuża li aħna s-sidien taż-żminijiet u tal-modi ta’ konverżjoni tagħna lejh”.