Illum il-Knisja tfakkar lil San Gabrijel tal-Addolorata


Fis-27 ta’ Frar l-Knisja tfakkar lil San Gabrijel tal-Addolorata, Reliġjuż li għex bejn is-snin 1838 sa 1862.

Twieled f’Assisi fl-1 ta’ Marzu 1838 u għammduh fl-istess jum u semmewh għal San Franġisk. Missieru, Sante Possenti, li bħala gvernatur tal-Istati Pontifiċji ħtieġlu jiċċaqlaq minn post għall-ieħor, fl-aħħar mar joqgħod għal kollox fi Spoleto.

Fil-kulleġġ ta’ Spoleto, Franġisk kien maħbub ħafna minn sħabu. L-ewwel f’ħafna suġġetti, jinteressa ruħu fit-teatru u fil-kaċċa u kien iħobb ukoll il-ballijiet.

Iżda b’għaġeb kbir għan-nies ta’ Spoleto, fil-21 ta’ Settembru 1856, l-għada tal-gradwazzjoni tiegħu, ta’ 18-il sena, telaq biex jibda n-novizzjat mal-Patrijiet Passjonisti f’Morrovalle, u għażel l-isem ta’ Gabrijel tal-Addolorata. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fin-novizzjat, sar mudell tal-osservanza u tal-perfezzjoni għal kulħadd.

Imma l-qaddis miet fis-27 ta’ Frar 1862 bil-marda tat-tiżi. F’Isola del Gran Sasso, fl-Italja, tlett ijiem qabel ma għalaq erbgħa u għoxrin sena, meta kien għadu rċieva biss l-ordnijiet minuri u kien kważi lest għas-saċerdozju.

San Gabrijel tal-Addolorata ġie ddikjarat Beatu minn San Piju X fl-1908 u fost dawk preżenti għall-okkażjoni, kien hemm dik li darba kienet in-namrata tiegħu. Il-Papa Benedittu XV ikkanonizzah fit-13 ta’ Mejju 1920.

Il-fdal tiegħu jinsab meqjum fil-Bażilika ddedikata lilu f’Isola del Gran Sasso, tal-Patrijiet Passjonisti. Huwa ġie msejjaħ San Alwiġi ta’ żmienna u mudell taż-żgħażagħ.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com