Kurċifiss skandaluż


Il-Ġimgħa, 28 ta’ Frar 2020: Messaġġ tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex fil-Preżentazzjoni tal-ktieb tar-Rev. Dr Martin Micallef OFMCAP “Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex” fis-Sala tal-Wirjiet tal-Ministeru għal Għawdex, il-Belt Victoria.

P1000965

KURĊIFISS SKANDALUŻ

Huwa providenzjali li l-preżentazzjoni tal-ktieb ta’ Patri Martin Micallef OFMCAP dwar il-Kurċifiss mirakoluż meqjum fil-Knisja tal-Kapuċċini qed issir illum, l-ewwel Ġimgħa tar-Randan. Il-Ġimgħat tar-Randan huma l-iktar jiem penitenzjali importanti matul is-sena, li fihom il-Knisja tistedinna nħarsu lejn Kristu fuq is-salib. Fil-kontemplazzjoni tagħna ta’ Ġesù li ta ħajtu sseħħ il-profezija tat-Testment il-Qadim: “Huma għad iħarsu lejn min nifdu” (Żak 12:10). Hija stedina li l-Knisja ilha tagħmel mill-eqdem żminijiet, u li nsibu xhieda tagħha f’diversi kitbiet tat-Testment il-Ġdid. Insemmi biss l-istedina li jagħmel l-awtur tal-Ewwel Ittra ta’ San Pietru: “Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu […] Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu” (2:21,24).

Għalhekk irrodd ħajr lil Patri Martin li permezz tal-istudju tiegħu llum qed jagħtina din l-opportunità. Qabelxejn nixtieq nuri li dan huwa studju approfondit li joħroġ għad-dawl is-serjetà tax-xbieha ta’ Kristu msallab. Fis-snin l-imgħoddija, kif ġara fil-Knisja tal-Kapuċċini, meta l-Kurċifiss kien jiġi espost, il-preżenza tiegħu kienet issir ġrajja importanti u quddiem din ix-xbieha kien jitwieled ambjent ta’ fidi fejn il-bniedem jagħraf il-bżonn ta’ Alla u għalhekk jinġabar quddiem din ix-xbieha biex jitlob kull tip ta’ grazzja u għajnuna. Il-preżenza ta’ wħud minn dawn kienet saħansitra ssir “mirakoluża” – jiġifieri ambjent misterjuż fejn Alla jiltaqa’ mal-bniedem.

Dan iwassalni biex nirrifletti fuq fenomenu li jibda jidher b’mod partikulari f’dawn il-ġimgħat tar-Randan u fi żmien il-Għid: il-preżenza tax-xbieha tal-Kurċifiss tiġi mmultiplikata u nibdew narawha kullimkien: knejjes, purċissjonijiet, wirjiet, posters, ritratti, reklami, drammi u rappreżentazzjonijiet oħra tal-Passjoni. Il-Kurċifiss sar faċilment xi ħaġa ta’ spettaklu, ġugarell f’idejn id-dilettanti, ornament ta’ valur għall-istoriċi tal-arti, u iktar ma nirriproduċuh f’elf daqs u f’elf mod, iktar nitilfu s-sinifikat tiegħu, inqas nemmnu fil-qawwa tiegħu. F’omelija li għamilt sentejn ilu kont għidt: “Xi kultant ngħid lili nnifsi li forsi jkun aħjar jekk naħbu l-kurċifissi li għandna u noħorġuhom darba kultant. Dan għaliex, ngħid għalija, għajnejna draw jaraw din ix-xena daqshekk makabra fejn dan il-bniedem-Alla huwa msallab għall-mewt. Tant aħna familjari ma’ din ix-xbieha li l-Kurċifiss ma għadux jagħmel effett fuqna… ma tantx għadu jissorprendina” (18.04.2014).

Mistoqsija sempliċi: X’jaħseb xi ħadd li mhux Kristjan u li jkun fi gżiritna f’dawn il-ġimgħat (u minn dawn għandna ħafna) u li jidħol fi knisja jew iżur xi wirja u jibda jara statwi u xbihat ta’ raġel marbut, imsawwat, inkurunat bix-xewk, imsallab u maqtul? Naħseb li jibqa’ impressjonat. U dan huwa l-effett li tlifna aħna. Għal ħafna l-Kurċifiss m’għadu jgħid xejn, għax drajna l-preżenza tiegħu. Ma ninsewx li kważi fl-ewwel millennju kollu l-Knisja kienet toqgħod ħafna attenta kif tesponi l-Kurċifiss. Ix-xbieha ta’ Ġesù msallab hija tant delikata u tant qiegħda f’riskju li tinftiehem ħażin li l-Knisja kienet tippreferi tirrappreżenta lil Kristu b’modi oħra. Ħafna drabi Kristu huwa ppreżentat ħaj, glorjuż u ttrasfigurat (kif narawh f’mużajċi fl-abside ta’ knejjes famużi) u dan għaliex hemm ir-riskju li l-Kristjani jisseparaw is-salib mill-bqija tal-Għid, u l-Kurċifiss jibda jirrifletti d-disperazzjoni u n-nuqqas ta’ fidi tagħna minflok il-fidi tagħna f’Ġesù mqajjem mill-mewt.

Dwar dan diġà jitkellem San Pawl f’waħda mis-siltiet l-iktar famużi mill-ittri tiegħu: “Għax il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1:22-25).

Nieqfu ftit fuq dak li jrid jgħid Pawlu. Is-salib huwa skandlu għal-Lhud, jiġifieri għal dawk in-nies li għandhom fidi konvinta u awtentika f’Alla, imma f’Alla tat-Testment il-Qadim u tal-Patt, mhux f’Alla kif irrivelah Ġesù Kristu. Dan Alla tat-Testment il-Qadim huwa dak li “sħab u dlam hemm madwaru; is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. In-nar jimxi quddiemu, u jeqred madwaru l-għedewwa tiegħu. Il-beraq tiegħu jdawwal id-dinja; tara dan l-art u titriegħed” (Salm 97:2-4). It-talba tal-Lhudi devot (u nżid ngħid ta’ ħafna minna l-Insara llum!) kienet tinkludi x-xewqa biex il-qawwa u l-ġustizzja ta’ Alla jeqirdu l-ħażin. Din hija l-mentalità li tieħu skandlu quddiem is-salib, mentalità li mhijiex biss tal-Lhud, imma li tmiss xi ftit jew wisq lil kull min hu reliġjuż: “Mela, meta aħna konna bla saħħa, Kristu, meta wasal iż-żmien, miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5:6-8). Fi kliem il-Papa Franġisku, “is-Salib ta’ Ġesù huwa l-Kelma li permezz tagħha Alla ta t-tweġiba tiegħu għall-ħażen tad-dinja. Xi kultant naħsbu li l-Mulej ma jweġibx għall-ħażen, li jibqa’ fis-skiet. Fir-realtà tkellem, u wieġeb, u t-tweġiba tiegħu hija s-Salib ta’ Kristu: Kelma li hija Mħabba, Ħniena, u Maħfra” (Messaġġ fi tmiem il-Via Crucis, 29.03.2013). Is-salib jiskandalizzana f’dan is-sens. Huwa skandlu kif huwa mifhum fl-Iskrittura: tfixkil li joħroġna miċ-ċertezzi foloz tagħna, mill-modi li ħafna drabi drajna naħsbu bihom.

Is-salib huwa bluha għall-Griegi. Għall-Griegi (li jissimbolizzaw il-mitoloġiji dominanti f’dik l-epoka) l-allat huma sempliċiment fotokopja mkabbra tal-bniedem. Huma qishom supermen li l-kobor tagħhom qiegħed fil-fatt li huma iktar qawwijin mill-bniedem, imma mhux tant differenti minnu. Għalhekk l-allat huma f’kompetizzjoni bejniethom u jgħiru għal xulxin, għandhom l-istess vizzji tal-bnedmin, u jissuspettaw fil-bniedem tant li jivvendikaw ruħhom minnu. Xi filosfi Griegi bdew jagħrfu l-assurdità ta’ din ir-reliġjożità, u bħala tweġiba jaslu biex jikkonċepixxu divinitajiet maqtugħin għalkollox mid-dinja u mill-bniedem, li jaħsbu u jgħixu biss għalihom infushom. Ngħidu aħna, għal Aristotli, Alla ma jistax iħobb, għax l-imħabba tfisser nuqqas li nħoss fija u li nfittxu fl-ieħor, u għalhekk Alla ma jħobb lil ħadd ħlief lilu nnifsu. Anki għal dan il-kurrent ta’ ħsieb li għadu fil-menti tal-bniedem kontemporanju, Kristu msallab huwa bluha, kif kien bluha għall-kurrenti ta’ ħsieb ateu li kienu jeżistu f’dak iż-żmien. Quddiem il-messaġġ li “Alla hekk ħabb lid-dinja” (Ġw 3:17), min hu konvint li m’għandux bżonn ta’ Alla jew li Alla ma jimpurtahx minnu, se jittratta lis-salib bħala bluha, bluha li tista’ tieħu diversi forom – anki tradizzjonijiet jew folklor.

Il-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Alla msallab, li skont il-Kardinal Martini hija l-essenza tal-Kristjaneżmu, twassalna biex inkunu tassew konvinti mill-fatt li “Alla ma jsalvax mit-tbatija imma bit-tbatija; ma jħarisniex mill-mewt, imma fil-mewt; ma jeħlisx mis-salib, imma bis-salib” (Dietrich Bonhoeffer). Għaliex għaraf il-kobor tal-Kurċifiss, l-istess ħassieb Luteran jasal biex jafferma li “Alla ma jsalvaniex bil-qawwa tiegħu, imma bid-dgħufija li dehret fi Kristu fuq is-salib”. L-istess ħsieb itennih San Girgor minn Nissa li jikteb li “l-Kurċifiss huwa teoloġija għal dawk li għandhom ħarsa li tinfed għax jikxef il-qawwa vera ta’ dak li huwa ‘kollox f’kollox’” (Diskors I fuq il-Qawmien ta’ Kristu). Eku ta’ dan insibuh fit-tagħlim ta’ Luteru li jgħid li “mhux biżżejjed li wieħed ikun jaf lil Alla fil-glorja u l-kobor tiegħu, imma huwa wkoll meħtieġ li nkunu nafuh fl-umiljazzjoni u l-waħx tas-salib… Fi Kristu, fil-Kurċifiss, hemm it-teoloġija vera u l-għarfien veru ta’ Alla” (Id-disputa ta’ Heidelberg, teżi 20).

Jalla dan il-misteru li l-Kapuċċin Patri Martin Micallef qed iqiegħed f’idejna, idawwal il-ħajja tagħna.