Rigal mill-isbaħ f’jum xitwi


Niftakar! … Kien jum mill-isbaħ! B’xemx li thennik! U żgur li mhux ħa therrik! Għax jherrik u jherrini xi temp imsaħħab! Iswed! Qisu xi ħadd li l-istonku tiegħu irid jaqla’ u ma jistax. Jaqq hux!

U, f’waħda mill-ġirjiet li kelli f’dak il-jum fl-Isptar Mater Dei, ħaditni f’sala partikulari. Pazjent talab biex iqerr. Hawn jien! Ibgħat lili! (Is 6:8), kienet it-tweġiba tiegħi. Iġri! Aqgħad! Għax il-ħin kien qed isir! U, il-quddiesa ta’ filgħaxija tas-Sibt, ma kinitx le fil-bogħod. Avolja kien qed isir il-ħin. Il-grazzja tal-Mulej m’għandhiex ħin! Għalhekk ma stajtx le nibqa’ għaddej. Qisu ma kien sejjaħli ħadd. Inkella nkun ministru, jiġifieri qaddej, tal-indifferenza! Tax-xitan! U mhux ta’ Kristu! Li jieqaf ħdejn min isejjaħlu! U kif, wara kollox, jgħidilna li għandna nagħmlu aħna s-saċerdoti Papa Franġisku! Ejjew ma ninsewx ħbieb: Il-ministru tal-indifferenza qatt, qatt u qatt, m’hu se jagħmel id-differenza! Huwa dan wieħed minn dawk li aqta’ kemm qed ibiegħed nies mill-Mulej u mill-Knisja tiegħu! Intant!…

Għalhekk, wara li dħalt fis-sala u qarartu kont se mmur minn fejn ġejt. Sakemm niltaqa’ ma’ familja ħelwa. U, il-missier, kellu flok, li kliemu, bl-Ingliż, baqgħu ittimbrati f’moħħi. Tant li niżlu minn gerżumti u marru dritt dritt għall-qalbi. Għall-erwieħ! Mela ma waqfux le fuq l-istonku tiegħi. Għalkemm, u dan nista’ ngħidu liberament, qagħduli fuq l-istonku wkoll. Għax li kieku ma qagħdux fuq l-istonku kieku kif bħalissa jien qiegħed hawn u qed naqsam magħkom din l-esperjenza?

Il-kliem, kif għedtilkom, baqgħu stampati f’moħħi. Tgħidlix: Iva aqlagħha! Għidilna x’inhuma?! Jekk tħobb it-televiżjoni, il-films jew l-entertainment, taf daqsi li qabel tkun ħa ssir xi ħaġa importanti jrid jkun hemm il-mument tas-suspense. Inkella jekk naqbdu u ngħidu l-affarijiet kif inhuma, fatti biss, x’saħħa tibqagħlek sieħbi li f’ħajtek tibqa’ tikkumbatti? Kif jista’ ikun li tikkumbatti jekk kollox jibqa’ linja dritta? Int taf xi tfisser linja dritta? Taf kemm hi perikoluża li jkollok linja dritta f’ħajtek?

Jekk ma tafx staqsi lil min jaħdem fl-Isptar, min studja l-mediċina u min le, iżda li l-esperjenza mal-morda għallmietu fuq li għallmietu! Għax fil-ħajja, it-tieqa tal-għerf, il-bidu ta’ kull tagħlim, m’huwiex il-ktieb oħxon. Inkella l-pdfs! Li ġieli jgħammxulek għajnejk biex taqrahom! Le ħbieb! Fil-ħajja, li tagħmel id-differenza hi l-osservazzjoni! Għax, l-osservazzjoni twassal għal vera azzjoni! Liema azzjoni, mingħajr osservazzjoni, tispiċċa bla viżjoni! U, xi ħaġa mingħajr viżjoni toħloq indannazzjoni!

Il-linja dritta hi s-sinjal ta’ min qalbu waqfet! M’għadhiex tħabbat aktar! M’għadhiex le tagħmel, fuq il-monitor, is-sinjali għoljin u ċkejknin, bħall-muntanji u l-għoljiet. Li daqqa jidhru li huma beraq tas-sajjetti u oħra taħsibhom donnhom skieken li jaqtgħu u bil-ponta! Oh kemm hi mejta qalb li ma tafx tistagħġeb! Qalb li trid tintossika ruħha bir-razzjonaliżmu! Qalb li trid trabbi l-qoxra tal-ħadid u l-azzar! Qalb hekk mhix qalb! Qalb hekk mejta! Int ħares lejn il-wiċċ ta’ min qalbu ma tafx tistagħġeb! Ara kemm mewt iġib madwaru fil-familja, fis-soċjetà, fil-kunvent, fuq il-post tax-xogħol u tad-divertiment! Qalb hekk kritika ma toħodhiex! Qalb hekk, samma daqs il-blat, qatt ma tikber! U, l-unika soluzzjoni li hemm għall-qalb hekk hi waħda: Mulej iftaħha għalik u eħles minn magħha lill-qlub vittmi tagħha illum qabel għada! Skont il-wegħda tal-għażiża Kelmtek segħana: Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għoll[i] ċ-ċkejknin! (Lq 1:52).

Għax huma biss iċ-ċkejknin li jafu jistagħġbu! Huwa ċ-ċkejknin li jaf jieħdu kritika b’qalb kbira u mhux ħadra! Huma ċ-ċkejknin li, meta jweġġgħuhom, ma jiħdarux! Huma ċ-ċkejknin li jafu jgħixu b’għaqal l-uġiegħ li jgħaddu minnu! Huma ċ-ċkejknin li jafu jħossu! Huma ċ-ċkejknin li jaraw lill-Mulej f’kollox! Huma ċ-ċkejknin li għandhom inqas kliem u ħafna fatti! Huma ċ-ċkejknin li għandhom il-vera viżjoni! Huma ċ-ċkejknin li diskorshom ħelu manna! U anki meta jkun iebes ikun tant ħelu! Għax mimlijin ħniena tal-Ispirtu s-Santu! Huma ċ-ċkejknin li ma jafux jippjanaw biex ikissru lil min, f’moħħhom, huwa vulnerabbli! Huma ċ-ċkejknin li jaslu mhux fejn jixtiequ huma iżda fejn il-Mulej iridhom jaslu! Huma ċ-ċkejkin li huma ta’ theddida serjissma għal min il-poter telgħalu għal rasu u ħaddarlu qalbu! Huma ċ-ċkejknin li, illum jew għadda, se jgħaddu bħar-romblu fuq min bħalissa jaħseb li għandu t-tmun f’idejh sempliċiment għax qed jippersegwitahom! U jgħaddu minn fuqu mhux b’disprezz iżda bis-sewwa tal-Mulej tal-Eżerċti!

Mela x’kellu miktub ħbieb dak ir-raġel fuq il-flok tiegħu f’dak il-jum xitwi? X’kien hemm imniżżel fuq dak il-flok li kien kollu tagħlim? Hemm hi t-tagħlima! Hemm hi l-verità! Li żgur mhix farsa! Bħalma jaħsbu xi wħud li huma wisq magħluqin fihom infushom! U fejn id-dwejjaq issa laħqilhom profondità hekk kbira li, jekk ma jarawx x’se jagħmlu, se jegħrqu u jifgaw fiha!

NO PAIN NO POWER! Mingħajr tbatija m’hemmx setgħa! Dik hi l-problema ta’ uħud fostna! Jiġifieri: NO PAIN YES POWER! Kif jista’ ikun? Kif jien nippretendi li jkolli s-setgħa jekk qabel ma nkunx batejt? Le! Minix qed ngħid għal dawk li issa qed jaħkmu u mhux imexxu! Għax qiegħdin jinqdew bil-weġgħat tagħhom biex joħoloqu firda. Klikek ta’ tmexxija. Uffiċjali jew mhux uffiċjali. Minix nirreferi għal dawk li kritika ma joħduhiex. Għax: hawn isir li ngħid jien! Tmiem dawn mhux fil-bogħod! Qiegħed wara l-kantuniera! Għax il-Mulej se jġelled lill-ispirti ħżiena li hemm jixxalaw fihom u f’dawk ta’ madwarhom, f’tal-klikka. Sakemm dawn l-ispirti joqtlu lil xulxin. Kif jgħidilna l-Ktieb bibliku tal-Kronaki!

Min veru jmexxi u mhux jaħkem hu dak li lest ibati basta jagħmel lil dawk li jmexxi kuntenti. Għax jaqdihom. Jhennihom u mhux jherrihom! Għax jifhimhom! U jagħtihom kuraġġ u tama għax jirrispettahom! U moħħu mhux li joħloq il-klikek imxajtna imma l-komunità u l-ispirtu Trinitarju ta’ familja! It-Trinità, li mhix klikka imma familja! It-Trinità, li hi trasparenza! It-Trinità, li hi viżjoni tal-imħabba vera fil-prattika! It-Trinità, li hi skola ta’ komunjoni u fidi! It-Trinità, il-vera skola ta’ min jaqdi u mhux ta’ min qed jiġi servut għax paxxut! It-trinità, li tgħin lil min qed imexxi jara lil dawk li suppost qed imexxihom bħala persuni li jgħożżhom b’imħabba ta’ missier u omm u qatt bħala targets għall-vendikazzjonijiet infernali!

Min jaqla’ fuq rasu għax iġib l-għaqda dak hu l-veru mexxej. Dak hu l-veru għannej tas-setgħa li tifdi u tagħti l-ħajja, u l-ħajja bil-kotra u għal kulħadd. L-aktar, għad-dgħajjef!

Patri Mario Attard OFM Cap