Barka f’ħames barkiet

Print Friendly, PDF & Email

Inkun qed nistennieha, tista’ tgħid, kull sena. Eżattament kif tibdà s-sena li tkun! Il-grazzja tibda taħdem, sewwasew, meta inkun qed inqaddes. Ibda’ mill-quddiesa tal-vġili, li ħafna drabi nqaddisha fl-Isptar Mater Dei, minħabba li ninzerta xogħol. U, xogħol il-grazzja tal-Mulej fija jissokta anki f’nhar l-Ewwel Jum tas-Sema. Jiġifieri, fis-Solennità ta’ Marija Omm Alla, Sultana tal-Paċi. Kemm inkun irrid li widnejja jitħaddnu magħha! Mal-barka tal-paċi! Fil-jum iddedikat, proprju, lill-paċi!

Hekk iħabbrilna l-Ktieb tan-Numri, ir-raba’ ktieb tal-Bibbja, huwiex il-kanone Lhudi jew dak Nisrani, żgur li ma jagħmilx differenza fl-ordni ta’ dan il-ktieb! Għax, kemm f’lejlet u f’nhar l-Ewwel Jum tas-Sena, ta’ kull sena, mal-Knisja kollha, ikolli iva l-grazzja li nħabbar, bħala Nisrani u, bla ma jistħoqqli, saċerdot, il-barka saċerdotali: Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem! (Num 6:24-26).

Din il-barka għażiża li, bl-ilsien Lhudi, nsejħulha ברכת כהנים (birkat kohanim), il-barka saċerdotali jew il-barka tas-saċerdoti. Dan l-għaliex skont it-Torah (li tfisser il-Liġi u li din tikkonsisti fl-ewwel ħames kotba tal-Iskrittura, f’kelma waħda l-Ġenesi, l-Eżodu, il-Levitiku, in-Numri u d-Dewtoronomju), Aron il-qassis bierek lill-poplu. U l-Mulej, (YHWH), wiegħed fil-vers tal-Ktieb tan-Numri 6:27: Hekk huma jsejjħu ismi fuq ulied Iżrael, u jiena nberikhom. Interessanti li skont xi studjużi Lhud il-barka hi riżultat tax-xewqa tal-Mulej li l-barka tiegħU tkun simbolizzata fl-idejn tal-qassisin, jiġifieri tal-kohanim Lhud.

Tradizzjonalment, il-qassisin Lhud kienu jbierku lin-nies wara kull servizz ta’ talb fit-tempju. Wara l-qerda ta’ Ġerusalemm, fil-Ġudajiżmu, ħafna mis-sinagogi tallum jispiċċaw it-talb tagħhom b’din il-barka tassew qawwija. Hu x’inhu l-każ, din il-barka tibqa tassew speċjali! Dan l-għaliex hi barka ġejja direttament mill-Mulej innifsu! U, bħalma nafu, dak kollu li ġej mill-Mulej warrablu ħa jgħaddi għax b’saħħtu! Anzi! Jista’ kollox!

F’din il-barka qed naffermaw. Kif jgħidilna eżatt Ġesù, l-Iben ta’ Alla, il-Messija, li kull ma titolbu fit-talb tagħkom, emmnu li tkunu ġa qlajtuh, u jingħatalkom (Mk 11:24). U meta nitolbu b’din iċ-ċertezza ta’ fidi li l-Mulej ikun diġà wettaq minn qabel dak li nkunu se nitolbuh fil-kliem, l-għaliex quddiemU hemm biss preżent, allura l-barka tkun tista’ letteralment toħroġ il-qawwa tagħha fuqna!

Liema qawwa qiegħdha f’dawn il-ħames kelmiet jew aħjar wegħdiet, li jseħħu meta tintalab din il-barka. L-ewwel, il-Mulej jħarsek! Il-protezzjoni! Għandna bżonn ħbieb tal-protezzjoni? Tiċċajta! Ħa nħallu l-Kelma ta’ Alla, il-Bibbja, tgħallimna u turina hi kemm tabilħaqq għandna bżonn ta’ din il-protezzjoni!

Ma jħalli qatt li riġlek jogħtor; ma jongħosx dak li jħarsek. Ara, la jongħos u lanqas jorqod
dak li jħares lil Iżrael. Il-Mulej hu dak li jħarsek; il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.
Ma tolqtokx ix-xemx binhar, anqas il-qamar billejl. Iħarsek il-Mulej minn kull deni;
hu jħarislek ħajtek. Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem (S 121:3-8). Ġesù jgħidilna biex lill-Missier tagħna tas-Sema nitolbuH hekk: U la ddaħħalniex fit-tiġrib, iżda eħlisna mid-deni.’ (Mt 6:13).

Imbagħad, din il-barka straordinarja tfakkarna fuq it-tieni kwalità tagħha: Hija barka li turi l-glorja ta’ Alla! Għax, meta nitolbuha fuq xulxin, fuqna nfusna, u, saħansitra, fuq min għamlilna jew qed jagħmlilna l-ħsara, din il-barka iddaħħal il-persuna fil-glorja tal-Mulej! Tgħid is-sitwazzjoni u l-persuna tibqa’ l-istess meta xi ħadd ikun qed jitlob fuqha l-glorja tal-Mulej? Tgħidilna l-Kelma setgħana ta’ Alla dwar dan:

Imma jien, fil-ħaqq, għad nara ‘l wiċċek; meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek (S 17:15).
Lilu tagħti barkiet għal dejjem, tferrħu u thennih bis-sebħ ta’ wiċċek (S 21:7). Dan hu n-nisel ta’ dawk li jfittxuh; li jfittxu ‘l wiċċek, Alla ta’ Ġakobb (S 24:6). La taħbix wiċċek minni, la twarrabx bl-herra l-qaddej tiegħek. Inti l-għajnuna tiegħi; tħallinix u titlaqnix,
Alla tas-salvazzjoni tiegħi (S 27:9). Issa, din it-tfittxija għal wiċċ il-Mulej, tinstab, mingħajr dubju ta’ xejn, f’Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla u l-Messija Imwiegħed mill-profeti, meta jgħid, ċar u tond: Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu (Mt 11:27). Dan Ġesù li, San Ġwann, fil-Prologu tiegħu, jgħidilna hekk għalih: U l-Verb sar bniedem u għammar fostna, u aħna rajna l-glorja tiegħu, il-glorja li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità (Ġw 1:14). U, fl-istess Prologu, jgħidilna, fl-aħħar vers tiegħu: Lil Alla għadu ħadd ma rah; imma għarrafhulna l-Iben il-waħdieni ta’ Alla, li hu fi ħdan il-Missier (Ġw 1:18).

It-tielet ħsieb fuq din il-barka hi li din hi waħda ta’ ħniena. Is-Salm 67 jgħidilna: Iħenn għalina Alla, u jberikna; idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu! Biex jingħarfu fuq l-art triqatek, fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha. Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ, għax trieġi l-popli bis-sewwa, u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha. L-art tat il-frott tagħha; iberikna Alla, Alla tagħna! Iberikna Alla, u tibża’ minnu l-art kollha minn tarf għall-ieħor! (S 67:2-8).

Imbagħad Ġesù, ta’ Alla u Bniedem li hu, jgħidilna: Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: ‘Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb ma’ l-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom’ (Lq: 27-36).

Ir-raba’ barka li fiha din il-barka tabilħaqq qawwija hi din: hi barka ta’ mħabba. U hawn ħbieb ma nistgħux ma nsemmux dak li jgħidilna l-Mulej permezz tal-profeta Ġeremija: Bi mħabba ta’ dejjem ħabbejtek, għalhekk il-ħlewwa tiegħi rfajt għalik (Ġer 31:3). U Ġesù jgħidilna: Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom (Ġw 13:34-35). Ġesù jħobbna l-għaliex jieħu responsabbiltà għalik u għalija! Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif (Mt 11:28-30).
Kemm jagħmel sens hux dan il-kliem f’dinja, f’soċjetà, f’familja, fi Knisja, f’ħajja komunitarja u ikkonsagrata lill-Mulej, f’ħajja fuq il-postijiet tax-xogħol u f’dik tad-divertiment fejn it-tfittxija f’min ħa jwaħħal f’min u f’min ħa jakkuża lil min u f’min ħa jirvina lil min, basta jkun paxxut u paxxuta, hi tal-biża’! Hi, fi ftit kliem, imxajtna tal-imxajtnin!

Fl-aħħar nett, din il-barka tal-Ktieb tan-Numri hi waħda tas-sliem. Jgħidilna Ġesù nnifsu: Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi (Ġw 14:27). U lill-appostli beżgħana tiegħu, li ittradewh għax ħallewh waħdu jbati, arawh kif jittrattahom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Mbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20:19-23). F’kelma waħda, jerġa’ jafdahom ħbieb! Għax dan Alla hu u mhux sempliċi rappreżentant tiegħU, midneb u midinba bħal ħaddieħor! Alla dejjem Alla jibqa’! Fl-aħħar nett, San Pawl, fit-Tieni Ittra tiegħu lit-Tessalonkin, ifakkarna: Jagħtikom is-sliem il-Mulej tas-sliem innifsu dejjem u f’kollox. Il-Mulej magħkom ilkoll (2 Tess 3:16).

Din hija l-ġawhra tal-ġawhriet li biha nibdew l-Ewwel tas-Sena. U din il-ġawhra għandha tkun dik li tmexxi kull jum tas-sena. U mhux biss ta’ din is-sena, 2020, imma wkoll ta’ kull jum ta’ ħajjitna! Mela ejja nitolbuha fuq xulxin, fuq uliedna, fuq żwieġna, fuq in-nisa tagħna, fuq il-ġenituri tagħna, fuq is-sieħeb u s-sieħba tagħna, fuq ħbiebna, fuq il-partijiet, fuq is-sorijiet, fuq il-qassisin, fuq l-isqfijiet, fuq in-nies li jgħidu li ma jemmnux bil-basal u, b’mod speċjali, fuq l-għedewwa tagħna. Għax IT-TAJJEB VERU LI JIRBAĦ LILL-ĦAŻIN! B’din il-barka Alla l-Imbierek DEJJEM jirbaħlu lix-xitan għax jgħarrqu fi mħabbtu!

Ejjew nibdew kull jum tagħna b’din il-barka speċjali, għax ġejja direttament mill-Mulej innifsu, li magħha għandha dawn il-ħames barkiet ta’ protezzjoni, sebħ, ħniena, mħabba u sliem! Għalina u għall-oħrajn! Huma min huma!

Ibierkek il-Mulej u jħarsek! Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem! (Num 6:24-26). Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: