Il-Papa Ljun XIV mal-Awtoritajiet fi Spanja

VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV FI SPANJA
(6-12 TA’ ĠUNJU, 2026)
LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, MAS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU
DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
Palazz Irjali, Madrid
Is-Sibt, 6 ta’ Ġunju 2026

Maestà,
Altezzi Rjali,
distinti Awtoritajiet u membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

Niżżi ħajr lill-Mulej u nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi għall-istedina biex nagħmel dal-vjaġġ appostoliku fi Spanja: itinerarju b’ħafna waqfiet li kull waħda minnhom se tikxifli xi apsett tal-għana multiformi ta’ pajjiż kbir li rċieva l-Kelma tal-Evanġelju kważi żewġ millennji ilu.  It-tradizzjoni dejjem rabtet l-ewwel evanġlizzazzjoni tal-Peniżola Iberica mal-predikazzjoni tal-Appostlu Ġakbu l-Kbir.  Dir-rabta fiha importanza teoloġika konsiderevoli, għax hi espressjoni tal-fatt li l-Knisja lokali hi tkomplija mal-missjoni appostolika mwielda nhar Penetkoste.  Ir-rabta mill-aktar antika bejn il-fidi nisranija u din l-art, jekk min-naħa mhix teżawrixxi l-identità kumplessa tal-poplu tagħkom, mill-oħra sawret profondament il-kultura tiegħu u hija sors ta’ tama u gwida fost l-isfidi li jkollna niffaċċjaw ilkoll flimkien bħala familja umana.  Niftakar fl-espressjoniiet ta’ fidi popolari li f’kull belt u villaġġ jirrappreżentaw drammaturġija propja tas-salvazzjoni b’ritmu annwali u fil-kuntest tal-ħajja.  Flimkien mal-patrimonju artistiku u mużikali, flimkien mal-għadd kbir ta’ konfraternitajiet u assoċjazzjonijiet ta’ natura karitattiva, huma xhieda tal-laqgħa għammiela bejn Ġesù Kristu u l-poplu tagħkom.  Poplu mimli entużjażmu, iħobb u juri li jħobb il-ħajja!

Ninsab fostkom biex nikkonferma, ninkoraġġixxi, nispira u nġedded il-fidi ta’ dawk li jemmnu fl-Evanġelju u biex inġib rikonċiljazzjoni profonda u koperazzjoni bejn id-diversi spirti ta’ dan in-nazzjon.  Tabilħaqq, l-istess storja tiegħu turi li mhux il-kultura ta’ kunflitt, iżda l-kultura tal-laqgħa tiġġenera stabbiltà u prosperità.  Meta wieħed iħares aktar mill-qrib, il-messaġġ ta’ paċi, li llum il-ġurnata, sfortunatament, jinstema’ inġenwu għal xi wħud, provokattiv għal oħrajn, jaċċettawh dawk li mhumiex  marbuta ma’ ideoloġiji dominanti iżda huma miftuħin għall-verità.  Kif għallimna l-Papa Franġisku , fil-fatt teżisti “tensjoni bipolari bejn l-idea u r-realtà.  Ir-realtà sempliċement hi, waqt li l-idea tiġi elaborata.  Bejn it-tnejn għandu jkun hemm djalogu kontinwu, u nevitaw li l-idea tispiċċa tinfired mir-realtà.  Hu perikuluż li ngħixu f’saltna tal-kelma waħidha, tax-xbieha, tas-sofiżmu” (Eż app. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 231).  Infatti – jikteb -, “ir-realtà hi superjuri għall-idea” (ibid.).  Il-verità dejjem hi akbar minna u għaldaqstant tħallina mistgħaġba u tiġbidna lejn mogħdijiet ta’ purifikazzjoni u rikonċiljazzjoni, li bihom, id-djalogu mal-oħrajn – u mal-Ieħor, bl-ittra kapitali – isir fundmentali.

F’dan id-dawl nixtieq insemmi żewġ ilħna ta’ dal-pajjiż li minn ħames sekli ‘l hawn baqgħu jmantnu l-ħajja tal-Knisja u r-riċerka spiritwali ta’ bosta, lil hinn mill-konfini viżibbli.  Huma San Ġwann tas-Salib u Santa Tereża ta’ Avila, li saru ħbieb minħabba l-ħerqa kbira tagħhom għall-Misteru divin.  Il-mistika tagħhom hi waħda b’għajnejha miftuħa, jiġifieri mhix maqtugħa mill-istorja, iżda, għall-kuntrarju, tieħdok lejn l-għeruq tal-kwistjonijiet, lejn il-qalba tar-realtà.  B’mod partikolari, fl-interpretazzjoni tat-trasformazzjonijiet u fil-mod kif naffrontaw it-tensjonijiet li jsawru żmienna daqstant mudlam, tgħinna t-tema tal-lejl, tant għażiża għal San Ġwann tas-Salib, li qed niċċelebraw is-sena tal-ġublew tiegħu.  Fl-għatx li kellu għad-dawl, paradossalment tgħallem japprezza d-dlam – “lejl hieni” (1) – bħala ħin li fih ir-ruħ tinħeles minn dak li kienet taħseb li taf u li għandha.  Illum ukoll, kemm aktar ibeżżgħana dak li lil ħafna jnissel fihom id-dalma tar-raġuni u l-vjolenza tal-emozzjonijiet: dak li mhux magħruf, li minħabba fih ikollna s-sensazzjoni li m’għandniex mapep, aħna diżorjentati.  Allura, fil-ħajja pubblika wkoll, hemm bżonn ta’ rġiel u nisa li jagħrfu jaraw id-dawl fid-dlam, fil-għan, bidu possibbli, qiesu verità li tirfed bħal dawl li għadu jgħammex, iżda li – jekk ikollna fiduċja u nsibu l-paċi – imexxina b’mod ddelikat lejna nfusna: “Lejl li mexxejtni!  O lejl amabbli aktar mill-ewwel żerniq!  O lejl li għaqqad il-Maħbub mal-maħbuba, il-maħbuba trasformata fil-Maħbub!” (2).   Żmienna, li fid-dieher hu mħarbat bin-nuqqas ta’ ekwilibriju u bil-kunflitti, hu mxennaq għal -paċi profonda, għal għarfien ġdid tal-persuna umana u d-dinjità invjolabbli tagħha, għaċ-ċiviltà tal-imħabba” ( cfr Enċ. Magnifica humanitas, 186).

Santa Tereża tiddeskrivi l-istess itinerarju bit-tixbiha tal-kastell interjuri.  Bil-mogħdija minn kamra għal oħra lejn l-imkejjen l-aktar interni – jiġifieri, lejn il-fond tal-qalb, santwarju tal-verità -, l-ispazju jikber, il-moħħ jinfetaħ, jissolvew  il-kuntradizzjonijiet, it-tensjonijiet jinħallu, l-oħrajn isibu posthom, l-univers isir id-dar.  Mhix ħarba mistika, iżda ftuħ radikali lejn totus Alius et semper Novus (ieħor għal kollox u dejjem ġdid), li jitwettaq meta nerġgħu lura fina nfusna.  Din id-dimensjoni tal-bniedem hi r-raġuni għala għandhom ikunu mħarsa l-libertà reliġjuża u tal-kuxjenza.

Illum donnu li qed tikber minflok tonqos it-tentazzjoni li tinkiseb il-popolarità bit-tkebbis tan-nar tal-polarizzazzjoni; id-dinjità umana hi pprofanata bla waqfien.  Għalhekk hemm bżonn kultura, interjorità, edukazzjoni ħielsa u ta’ kwalità, traxxendenza.  Madankollu, minn dawn l-iljieli mudlama, irġiel u nisa fidili għall-verità kienu mqanqlin biex jgħaddu minn kamra għal oħra sal-punt li fih, fil-kuxjenza, tħaddnu flimkien il-ġustizzja u l-paċi.  Mil-libertà tagħhom nitgħallmu nkunu liberi aħna.

Il-Knisja Kattolika trid tkun servizz għal dan l-għatx tal-qalb umana.  Mhux bl-impożizzjoni, imma bix-xhieda evanġelika sostnuta mill-ġgajta tal-martri u l-qaddisin, u hi lesta biex tkun ta’ servizz għall-ġejjieni ta’ poplu li qed ifittex ir-rikonċiljazzjoni u l-paċi.

Għall-imħabba tal-verità, nistieden lil kulħadd biex jabbanduna n-narrattivi li jifirdu u jippolarizzaw ir-realtà soċjali u l-istorja tagħha, biex minn simplifikazzjonijiet sterili tgħaddu għal apprezzament għammiel tal-kumplessità.  Hawnhekk nara vokazzjoni speċifika għall-Ewropa, li tagħha Spanja hi protagonista oriġinali u fundamentali.  Hi r-rigal li l-Kontinent il-Qadim jista’ jagħti lid-dinja jekk irid jibqa’ żgħażugħ, bħalma hu żgħażugħ min iħoss li għandu futur u missjoni li għadhom jisfidawh.  Napprezzaw il-kumplessità u nistudjawha, nitgħallmu ma niċħduhiex u ngħixuha bħala barka, nevitaw il-kriterji identitarji msejsin fuq l-identità li jidhru li qed jiċċaraw kollox u li minflok jimlew id-dinja bil-fatati u l-għedewwa: dan hu l-kompitu ta’ min warajh għandu storja kbira.  It-tekonoloġiji l-ġodda saru ambjent artifiċjali li fih l-għażliet fundamentali tagħna għandhom sfida kbira: jeżasperaw il-preġudizzji, idagħjfu l-ħsieb kritiku, interessi prepotenti jiżirgħu taħbit il-qalb tal-mewt.  Min-naħa l-oħra, is-sewwa jaf jirreżisti u jasal.

Min-naħa ta’ min għandu responsabbiltajiet ekonomiċi, politiċi u istituzzjonali hemm bżonn qabża ta’ kwalità, tibdil tar-rotta fl-investimenti, fl-iskola, l-università u r-riċerka, fuq il-komunitajiet lokali u fuq is-soċjetà ċivili bħala ambjent ta’ parteċipazzjoni u medjazzjoni kulturali.  Is-sigurtà li wisq spiss nilludu ruħna li tista’ tiġi mill-armi u l-ħitan, pjuttost timmatura meta nitgħallmu nixmu t-triq mal-ieħor, nikbru flimkien, spalla ma’ spalla.  Xhud ta’ dan hi l-istess storja tagħkom.  Il-preżenza tal-Iżlam fi-Peniżola Iberika, per eżempju, kienet realtà politika, kulturali u reliġjuża għal żmien twil.  Matul dak iż-żmien ma kienx hemm biss konfront, kien hemm tifttxija ta’ spajzu għal kuntatt, konversazzjoni u djalogu dwar is-sens tal-verità bejn l-insara, il-musulmani u l-lhud.  Fl-iskola tat-traduzzjonijiet ta’ Alfonso X l-Għaref, esperti mit-tlett reliġjonijiet kienu kkollaboraw fit-traduzzjoni tal-patrimonju rikk Għarbi, Griek u Għebrajk, u taw kontribut għat-tifrix ta’ testi bħalma huma, fost l-oħrajn, dawk tal-filosfi Averroè (1126-1198) u Maimonide (1138-1204).  B’mod partikolari, bliet bħal Cordoba u Toledo kienu saru mkejjen ta’ medjazzjoni bejn il-lingwi, ir-reliġjonijiet u l-għarfien.  Iżda din hija l-verità li jirrakkuntaw il-bliet Ewropej, l-istratifikazzjoni storika tagħhom, in-nisġa ta’ solidarjetà li matul is-sekli taffiet id-differenzi ta’ bejniethom bit-trasformazzjoni ta’ kunflitti li dehru inevitabbli, f’mumenti ta’ tiġdid.

Kif għallimna iben nobbli ieħor ta’ din l-art, fil-provi u l-fallimenti huwa possibbli li naħsbu kollox mill-ġdid: Injazju ta’ Loyola kellu dan il-kuraġġ li jagħti krittu lin-niket u l-faraġ ta’ qalbu b’eżerċizzju ta’ dixxerniment u immaġinazzjoni li bihom għażel il-paċi minflok l-armi, il-qaddisin minflok is-setgħanin.  Fehem li t-tajjeb li kien jattirah ma kienx utopija u hekk il-kriżi li kellu nbidlet fi grazzja.  L-istess jista’ jiġri “lin-novitajiet” li llum jifxluna u li minħabba fihom is-sensibbiltajiet tagħna jġibu n-nuqqas ta’ qbil.  “Nevitaw kliem li jumilja jew li jmeri.  Nagħżlu ċ-ċarezza li ddawwal u l-onestà li tiftaħ it-toroq.  Ma nberkux entużjażmi inġenwi, ma nżoqqux biżgħat sterili.  Pjuttost ejjew nipproponu kriterji ta’ dixxerniment – id-dinjità tal-persuna, id-destinazzjoni universali tal-ġid, l-għażla favur il-foqra, il-kura tad-Dar komuni tagħna, il-paċi – u nittrasformawhom fi drawwiet: proġettazzjoni responsabbli, valutazzjoni tal-impatt uman u soċjali, inklużjoni tal-aktar dgħajfa, alfabetizzazzjoni diġitali, riċerka u industrija orjentati lejn il-ġustizzja u l-paċi (Enċ. Magnifica humanitas, 14).

Maestà, Altezzi Rjali, Sinjuri, nesprimi apprezzament għal fedeltà li pajjiżkom għandu lejn id-dritt internazjzonali u l-multilateraliżmu, li jissarraf f’impenn attiv għall-paċi u s-solidarjetà bejn il-popli.  Fl-istess ħin nikoraġġikom biex bejnietkom ukoll tikkultivaw id-djalogu u l-ħbiberija soċjali, biex tagħtu kas tal-opinjoni tal-foqra u taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-ġejjieni, biex it-talbiet tal-awtonomija u dawk tal-għaqda tibdluhom f’armonija pożittiva, biex issaħħu l-proċess tal-għaqda fl-Ewropa mhux b’kontrapożizzjoni għal setgħat oħra, iżda bħala don għall-familja umana kollha.

Alla jbierek lil Spanja!

 ________________________________________

[1] S. Giovanni della Croce, Notte oscura, Canto dell’anima, 3: Opere, Roma 1979, 347.

[2] Ibid., 5.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading