Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Anġela Salawa


Fit-12 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Beata Anġela Salawa, Lajka li għexet bejn is-snin 1881 sa 1922.

Anġela Salawa twieldet f’familja reliġjuża ġewwa Siepraw, qrib Krakovja, il-Polonja, fid-9 ta’ Settembru, 1881. Missierha kien jismu Bartlomiej u ommha kienet jisimha Ewa, u kienet il-ħdax-il wild tal-familja. Kienet debboli ħafna u ta’ saħħa dgħajfa.

Fl-1897, marret toqgħod ma’ oħtha ikbar minnha fi Krakovja u hemm bdiet taħdem ta’ seftura, fid-djar tas-sinjuri. Damet għal xi għoxrin sena f’dan ix-xogħol. Sadanittant kienet tiġbor it-tfajliet u tħarriġhom għal dan is-servizz.

Fl-1913, saret lajka tal-Ordni Franġiskan. Fl-ewwel Gwerra Dinjija, kienet tgħin lill-priġunieri kollha, mingħajr kas ta’ x’nazzjonalità huma jew x’reliġjon iħaddnu. Kienet wkoll tiġri fl-isptarijiet u ddur bis-suldati feruti u tqatta’ ħinijiet twal tikkurahom.

Fl-1917, is-saħħa dgħajfa tagħha ma ppermettitilhiex tagħmel iżjed dan l-appostolat. Qabditha marda u damet issofri, fi tbatija kbira, għal ħames snin. Fid-djarju tagħha kitbet “Jien ngħix skont ir-rieda tiegħek, immut meta inti trid; salvani għaliex inti tista’!” Darba oħra kitbet: “Għażiż Ġesù, nixtieqek tkun adorat kif inti kont distrutt.”

Hija mietet fit-12 ta’ Marzu, 1922. Mietet fil-faqar, iżda b’fama ta’ qaddisa. Il-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, ibbeatifikaha fl-1991, fi Krakovja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com