Issa li bdejna r-Randan moħħi, qalbi u ruħi bilfors li jkollhom jimxu, jridu jew ma jridux, il-mixja tagħhom! Jew aħjar dik il-mixja li jkun iddiżinjalhom sa’ mill-bidu taż-żmien il-Mulej, il-Ħanin u l-Feddej! U, ngħid is-sewwa, Alla ħares ma kienx hekk l-għaliex u li kieku!…
Għalhekk, kull darba li nkun għall-kwiet, l-aktar fl-Isptar għażiż tagħna ta’ Mater Dei, fejn hemmhekk, bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, li waħedha hi l-verità u mhux dak li xi ‘għaref’ jew ‘għarfa, jista’ jinterpreta, jekk dejjem jirnexxielu, ta’ x’inhi jew tista’ tkun tabilħaqq, jien, Patri sempliċi u ċkejken, Kapuċċin, fuq l-eżempju ta’ San Franġisk missieri li tant kien iħobb il-morda, inqatta’ iva l-biċċa l-kbira ta’ ħajti fil-kariżma ewlenija tiegħu, u tagħna l-Kapuċċini, jiġifieri x-xogħol mal-morda, fl-Isptar! Għalhekk inħobbu ħuti jien lil San Franġisk, l-għaliex miegħu m’hemmx tidwir ta’ kliem, tqaħqiħ, ġbid ta’ uċuħ u argumenti sottili biex wieħed jagħmel dak li jaqbillu billi jpaxxi r-rieda moqżieża tiegħu u mhux dak li jridu jagħmel il-Mulej innifsu fl-evanġelju mqaddes. Meta jgħidlu, iswed fuq l-abjad: Kont marid u ġejt tarani (ara Mt 25:36). Mela, kif dejjem għex u għallem b’ħajtu u mhux minn fuq xi pulptu iddrittat il-Fqajjar ta’ Assisi! Intant!…
Issa, meta nkun qiegħed fl-ambjent naturali tiegħi, ta’ Kapuċċin, mal-morda fl-Isptar Mater Dei, spiss u spiss titlagħli l-kelma, jew aħjar il-mistoqsija tal-mistoqsijiet. Almenu f’dan il-perjodu f’ħajti: X’inhu r-Randan għalija?
Toġgħobni din il-mistoqsija l-għaliex hi bħaż-żrara fiż-żarbuna. Li, nipprova kemm nipprova ma nagħtix kasha waqt il-mixja tiegħi, xorta waħda ħej mill-ewwel tibgħatli l-messaġġ persistenti tagħha. Għax tniggiżli għarqubi! U bir-raġun! Għax, b’din it-tingiża ħelwa tagħha, hi tkun qed tgħidli: Hawn jien (S 40:8). Iva ħi! X’inhu r-Randan għalija? Aktar mal-Mulej jagħtini grazzja li nimxi ‘il quddiem fil-ħajja, l-għaliex nikber fiż-żmien u, nittama fuq li nittama, li nħallih ikabbarni fil-grazzja wkoll, aktar qed nintebaħ kemm ir-Randan, qabel kollox, mhu xejn għajr imbuttatura biex wieħed jgħix is-Seba’ Kelmiet ta’ Ġesù f’ħajtu. U f’ħajjitha.
Din il-biċċa tas-Seba’ Kelmiet huma ħafna dawk li jaħslu jitfixklu fiha. Dan l-għaliex, dawn it-talin, jogħġobhom jeħlu biss mas-Seba’ Kelmiet li tant nisimgħu dwarhom fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa. Hekk jibqgħu jduru magħhom u ma jagħmlux pass li hu pass lejn is-sewwa kollu (Mt 3:15). Kos hux! Qisu dawn il-Kelmiet tal-kelmiet posthom hu biss f’dan iż-żmien biex imbagħad, mal-bqija tas-sena, tant kemm tispiċċalhom id-data tal-iskadenza tagħhom li proprju ħadd ma jindenja ruħu jħares lejhom fil-jiem li jkun għad fadal minnha! Ma taħsbux bħali ħbieb li meta dan iseħħ tassew li nkunu missejna l-qiegħ? U nkunu missejnieh waħda sew? U jekk, f’każ, din il-verità kbira nkunu nsejnieha, mill-ewwel l-esperjenza ta’ ħajjitna din tfakkarhielna minnufih! Biex ma ngħidx ukoll, tgħajjathielna ma’ wiċċna! Ħbieb, nemmen jew ma nemminx, is-Seba’ Kelmiet huma l-istess ħajti! L-ewwel ta’ bniedem u bniedma u mbagħad ta’ Nisrani u Nisranija! Araw kemm hu veru!
L-ewwel Kelma: Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu (Lq 23,34). Missier! Min minna jista’ jgħix bla figura tal-missier? Dan anki jekk xi ħadd ikun tassew iħobbna għax jħeġġiġna nikbru f’dak li hu sewwa u jiftħilna għajnejna b’xi parir parirun, mhux ovvja li ngħidulu: Qisek missieri? Mela, jekk bniedem tad-demm u l-laħam hu hekk aħseb u ara mela kemm il-Mulej hu tassew Missierna! U, dan Missierna, jaħfer lil min jagħmillu l-ħsara avolja Hu jagħmillu l-ġid! Għax, min jobgħod, u jobgħod lil min għamillu l-ġid, veru li l-wires ta’ moħħu ilhom li marru! Bilħaqq, u mingħajr maħfra, int u jien nistgħu ngħixu? Żgur li le!
It-tieni Kelma: Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi (Lq 23:43). Illum! Issa! Għax kull darba li nitlob maħfra u nagħraf li għandi bżonn ninbidel tassew li jkolli l-grazzja li nidħol fis-Saltna tad-dawl u s-sliem! Għax nidħol fil-healing mode! U mela ejja nitlob maħfra lil min weġġajt! U anki, iva, immur għall-qrar li jfejjaq mill-imrar!
It-tielet Kelma: Mara, hawn hu ibnek … Hawn hi ommok (Ġw 19:26-27). X’nistgħu nagħmlu mingħajr omm? Diżażtri! Għax, il-figura ta’ omm, aqta’ kemm għandna bżonnha f’ħajjitna! Bħalma għandna bżonn il-figura ta’ l-iben! U l-bint! Inkella ma’ min tassew se naqsmu l-imħabba li għandna fina? Lil min se ngħadduha? U aħna, l-Insara, l-għaliex ma nerġgħux naqbdu bejn idejna l-Kuruna tar-Rużarju ħa nerġgħu nitolbu mill-ġdid din it-talba qawwija li lilna tant u tant tagħmlilna ġid? Għax hi t-talba tal-Omm? Li lilna f’qalbna iżżomm?
Ir-raba’ Kelma: Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? (Mt 27:46). Kemm hu ikrah meta nħossuna waħedna! Qisna l-abbandunati! Għax inħossuna l-ikkundannati! Imma Ġesù lilna qed jgħallimna nitolbu. Anki fit-tiġrib! Meta nħossuna li ħadd m’hu qed jagħti kasna! Proprju hawn li mħabbtU tkun tant kbira. Kulma għandna nagħmlu hu li nitolbu Salm 22 jew 91 meta nħossuna waħedna.
Il-ħames Kelma: Għandi l-għatx! (Ġw 19:28). Min minna ma jħossx ċertu għatx? Dak l-għatx għall-imħabba? Dak l-għatx li jħobb? U tħobb? U mhux anki Ġesù dan l-għatx ħassu fuq is-salib? U lejn min kien indirizzat dan l-għatx ta’ Ġesù jekk mhux għal ruħi u għal ruħek? Aħna, li aħna tiegħU?
Is-sitt Kelma: Kollox hu mitmum! (Ġw 19:30). U din, Ġesù, qalha b’punt ta’ esklamazzjoni! Għax għajjatha! Emfasizzaha waħda sew! U kellu l-għaliex jgħajjatha u jisħaqha! L-għaliex f’ħajtu ma tilifx mument li hu mument fejn fih ma igglorifikax lill-MissierU. Għax wettaq ir-rieda tiegħU! U jien, ħajti, qed ngħixha jew naħliha? Qed ngħożżha jew nagħtiha bis-sieq?
Is-seba’ Kelma: Missier, f’idejk jien nerħi ruħi (Lq 23:46). Ħalla ġismu minxur ma’ salib. U DemmU jitgelgel mat-toroq ta’ Ġerusalemm. Ħwejġu f’idejn is-suldati. Imma ruħu f’idejn il-Missier afdaha! U jien, ruħi, f’idejn min fdajtha? F’idejn il-flus? F’idejn il-karigi? F’idejn l-egoiżmu tiegħi? F’idejn il-pjaċiri fiergħa ta’ din il-ħajja?
Ħbieb, tafu li din ir-ruxxmata mistoqsijiet aktar u aktar ikkonvinċietni li r-Randan hu għejxien għaqli uman, spiritwali u Nisrani?
Patri Mario Attard OFM Cap