Nifs ġdid ieħor f’ħajti permezz tal-programm Jum Ġdid


Hekk nista’ tabilħaqq insejħilha l-esperjenza li l-Mulej tani grazzja nwettaq matul ix-xahar ta’ Jannar 2020 li fih kelli l-opportunità li nieħu sehem fil-programm li bih jinfetaħ il-jum ma’ NET FM, Jum Ġdid. Dan il-programm, li hu mtella’ u mxandar mill-preżentatur bravu Noel Bartolo, jixxandar mit-Tnejn sas-Sibt mill-5am sas-6am fuq NET FM.

F’din il-mixja li l-Mulej tani l-grazzja li nwettaq miegħu, ma’ Noel u anki mas-semmiegħa tan-NET FM, stajt nitgħallem ħafna u ħafna affarijiet! L-ewwel nett, l-għaliex għandi nibqa’ nsellem lil ħaddieħor b’ċaw u mhux, minflok, bit-tislima sabiħa Maltija u semitika saħħa? Tgħid li nixtieq lil dak jew dik li jkun u li tkun is-saħħa, f’kull sens, mhux aktar ta’ valur minn sempliċi ċaw? Almenu għalija ċaw żgur li ma tfisser xejn! Jekk mhux ukoll, u dan dejjem skont x’jgħid l-urban dictionary, li ngħid ċaw meta ma nkunx taljan jew taljana jfisser “li jien aħjar minnek” u allura meta qed ngħidha nkun pretensiv il-ħin kollu l-għaliex naħseb li jien aktar interessanti milli fil-fatt jien? Niftehmu: mhux għax m’għandniex naqra miċ-ċaw syndrome tafux ibda’ mis-soċjetà u spiċċa fil-knisja stess! Jekk dejjem irridu ngħidu l-verità u mhux ngħattu x-xemx bl-għarbiel.

Imbagħad, u b’rabta eċċellenti ma’ dan, il-Mulej tani din it-tweġiba jew aħjar ġibda mill-widnejn lili: id-doni li għoġbu jagħtini għandi nattribwiehom lilU! U lilU BISS! U mela jien, bil-ħila tiegħi, nista’ xi darba ngħid li minn żniedi nista’ nasal xi mkien? Żgur li le! Huwa l-Mulej waħdu li jagħnini bid-doni tiegħu! Mela jien, bl-umiltà kollha, għandi iva nattribwixxi kollox lilU! Għax Hu l-awtur ta’ kollox ħbieb! U, kif jgħid tajjeb San Ġakbu: La titqarrqux, aħwa għeżież tiegħi. Kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir (Ġak 1:16-17).

Kemm ġietni ħelu ħelu l-mistoqsija ħbieb fuq fommi fid-dawl ta’ dan kollu, f’dawn il-programmi: Naqsam jien dak li nkun sibt ma’ ħaddieħor? Jew, allaħares qatt, qed nagħmel bħal dak il-qaddej iblaħ u nofs ras bil-provi, li naħbi t-talenti li l-Mulej tani? Jew, tant kemm jien għajjur, li nispiċċa ninħela fil-għejra kontra min għandu talent li jien għandi għatx klubi li jkolli u hekk nispiċċa naħli l-enerġija li baqagħli fuq li nfittex nakkwista dak it-talent jekk mhux ukoll li ndaħħal lili nnifsi fi pjan ta’ kampanja li, l-għan aħħari tagħha, hu li nfixkel lil ħaddieħor milli jissokta jiżviluppa t-talent tiegħu u tagħha? Kemm hu fin ix-xitan hux sieħbi!

Xi ħaġa li ntbaħt, jew aħjar nebbaħni biha l-Mulej, waqt li kien qed itini l-grazzja li ninżel fil-fond ta’ dawn il-programmi, kienet li meta nisma’, minn qalbi, il-Kelma tal-Mulej, din, bil-mod il-mod, u dejjem jekk inħallieha u mhux indawwar b’ħajt tal-bronż il-feriti tiegħi biex jibqgħu jiddennuli hekk li ma jinxfu u jfiequ qatt, taf tibdilli l-mentalità tiegħi. F’kelma waħda, il-Kelma tal-Mulej taf tagħtini mod ġdid ta’ kif naħsibha. Allura, il-mistoqsija li nibtitli, waqt li konna qiegħdin nirrekordjaw dawn il-programmi, kienet din: Kemm lil Ġesù qed, fil-fatt, inħallieh, jibdilli l-mod ta’ kif nirraġuna? Kemm qed inħalli l-Ispirtu tal-Mulej jieħu n-nifs fija bit-talb li nħallieh jitlob fija? Jaqaw fgajtu bil-pjanijiet tiegħi?

Fil-mixja li konna qiegħdin nwettqu flimkien semmejna dwar l-importanza tal-qrar. Fil-fatt, nistgħu ngħaddu mingħajr il-qrar? Mill-esperjenzi li smajt ta’ min ipprova jinħeles minn dnubietu mingħajr ma jqerr ma kellix xi tweġibiet inkoraġġanti. Dan l-għaliex meta d-dnubiet ma nqerruhomx jikkankraw fina. U, ngħid jien, min irid li l-ispirtu tiegħu jibqa’ ikkankrat? Imfekkek? Marid u mdenni?

Nammettuh jew le dan id-diskors ilkoll inħossu s-sens ta’ ħtija meta ma mxejniex sewwa kemm mal-Mulej, ma’ xulxin u anki magħna nfusna. Dak li hu tajjeb għadu tajjeb. Anki jekk tbiddilna kif nidhru. Filwaqt li dak li hu ħażin għadu, fil-fatt, ħażin. U ħażin pesti! Għax jintenn u jnitten lili u lilek ukoll! Bl-iskola, bil-pożizzjoni, u, fuq kollox, bil-preżunzjoni! Mela, u f’dan id-dawl, hu bil-wisq opportun li nistaqsu, nibda’ minni l-ewwel wieħed: Kemm ilni ma nqerr? Kemm ilni ma nersaq lejn dan is-sagrament kbir tal-fejqan tiegħi?

Xi ngħidu mbagħad għat-talb mal-komunità Nisranija? Ħafna jilmentaw: Għax qed jiġrili hekk? Jistqasu? Dan kif ma nistax nieħu ruħ? Ma nafx l-għaliex kull ħaġa li mmiss qed tiġini għal sieqa! Imma stenna naqra ħija, oħti: ejja issa nistaqsi b’sinċerità lili nnifsi! Qed immur għall-quddiesa tal-Ħadd? Qed nitlob fid-dar? Ir-rużarju qed nitolbu kuljum? U l-Kelma ta’ Alla qed naqraha? F’hiex jien fis-sagrament tal-qrar? Jaqaw ilni ma nqerr?

U, ma’ dan kollu, l-għaliex ma nħallix il-kelma li tana l-Arċisqof Scicluna nhar l-Ewwel tas-Sena tal-2019, fl-omelija tal-quddiesa li fetħet uffiċjalment il-maratona tal-ġbir ta’ fondi bl-isem ta’ Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza, issir tiegħek u tiegħi? Fl-omelija, l-Arċisqof fakkar fl-importanza tat-talba ta’ San Ġorġ Preca: Sinjur Alla jien għandi bżonnok. Kemm qed nagħraf li għandi bżonn lill-Mulej f’ħajti? U kemm tabilħaqq qed nemmen li Ġesù, u ħadd ħliefU, ma huwa s-salvatur tiegħi? Għax huwa Hu waħdu li jista’ jsalvani minn dnubieti? Wara kollox x’ħajja hi din għalija li naħseb li nista’ ngħix ħajti qisu l-Mulej ma jeżiżtix? Għaliex qed inħoss li naf u li nifhem f’kollox? Donni jien waħdi għandi t-treġija ta’ ħajti?

Is-sensiela ta’ Jannar 2020 tal-programm Jum Ġdid għalija kienet ta’ kuraġġ kbir l-għaliex fakkrittni fuq li fakkrittni li t-tajjeb jibqa’ tajjeb u l-ħażin jibqa’ ħażin. U li, fuq kollox, irrid nagħti spazzju f’ħajti lill-Mulej li jsikket fija l-ħażen u jiftaħni għall-Ispirtu Qaddis tiegħu li fija jgħajjat ABBA MISSIER! Kos hux! X’nifs ġdid ieħor f’ħajti kien dan il-programm Jum Ġdid ta’ Jannar 2020 imtella’ minn Noel Bartolo fuq NET FM!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.