Talba lil San Ġorġ Martri, Patrun u Protettur tal-Għawdxin, f’dan iż-żmien ta’ emerġenza globali tal-Coronavirus
O Martri bla mirbuħ ta’ Ġesù u Protettur l-aktar qawwi tal-Insara, aħna mtaqqla u mbikkma, nerfgħu għajnejna lejk f’dan iż-żmien ta’ tiġrib. Inti qiegħed tara wisq tajjeb, mis-Sema, il-mard qalil li qed iwaqqa’ fil-hemm popli sħaħ u li minnu wkoll ġejja l-miżerja tagħna.
O Kbir Tawmaturgu, għal dik l-imħabba lejn Alla, li biha int stqarrejt bla biża’ l-Fidi mqaddsa, u f’ġieħ it-tbatijiet li ġarrabt fil-martirju glorjuż tiegħek, ieqaf magħna u warrabna mit-triq tas-saram. Idher int għalina quddiem it-tron ta’ Alla; urilu demmek imxerred għalih u għall-merti tiegħu itolbu jberikna u jżommna ’l bogħod minn kull ħażen.
O Anġlu difensur tagħna l-Għawdxin, magħżul minn Alla sabiex tgħasses fuq gżiritna, fik aħna nqiegħdu t-tama tagħna għax żguri mill-protezzjoni tiegħek. Nitolbuk: itfa’ ħarstek ħanina fuqna, aqta’ xewqitna, isma’ talbna, u b’għajnunietek int hennina. Amen.
San Ġorġ Martri, Patrun tagħna, itlob għalina, biex ikun jistħoqqilna dak li wegħedna Kristu.
Din hija talba adattata minn dik approvata mill-Isqfijiet ta’ Għawdex fi żmien iż-Żewġ Gwerer Dinjija tas-seklu l-ieħor biex tingħad lil San Ġorġ Martri, meqjum sa mill-qedem bħala Patrun u Protettur tal-Għawdxin.
Wara s-sejħa li saret lis-saċerdoti minn Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fit-13 ta’ Marzu 2020 biex “f’din is-siegħa delikata li għaddej minna pajjiżna nsejħu l-patroċinju tal-Omm tagħna l-Madonna Ta’ Pinu u tal-qaddisin San Ġorġ, Sant’Ursula u l-Papa San Girgor”, fil-Bażilika ta’ San Ġorġ fil-Belt Victoria nħarġet min-niċċa fil-knisja l-istatwa titulari tal-qaddis Patrun ta’ Għawdex b’talb votiv għall-ħarsien tiegħu kontra t-tixrid tal-COVID-19.
Il-Knisja parrokkjali ta’ San Ġorġ kienet reġgħet inbniet fl-1678 bħala radd il-ħajr lil San Ġorġ talli Għawdex inħeles mill-pesta li kienet laqtet lil Malta tliet snin qabel. Mill-ġdid fl-1813, l-Għawdxin talbu lil San Ġorġ jeħlishom mill-marda qerrieda.
L-istess statwa titulari ta’ San Ġorġ (1838) ukoll hija “ex-voto” wara l-epidemija tal-kolera tal-1837. U meta l-istess virus tfaċċa mill-ġdid fl-1865, in-nies talbet mill-ġdid l-interċessjoni ta’ San Ġorġ. F’bosta okkażjonijiet oħra matul l-istorja ta’ pajjiżna, l-istatwa ta’ San Ġorġ inħarġet apposta fil-knisja biex sarlu talb speċjali: fl-1846, l-1877, l-1881, l-1885 u l-1923 ittieħdet ukoll f’pellegrinaġġi penitenzjali lejn il-Knisja tal-Kapuċċini b’talb għax-xita; fil-25 ta’ Lulju 1940 ix-xbieha nħarġet għall-qima għal xahar sħiħ minħabba t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-Isqof Gonzi rrakkomanda t-talba msemmija, waqt f’Jannar 1972 reġgħet inħarġet minħabba l-kriżi politika f’pajjiżna.
Fil-Katidral ta’ Għawdex ukoll, ix-xbieha ta’ Sant’Ursola Verġni u Martri, flimkien ma’ San Ġorġ meqjuma bħala Kompatruna ta’ Għawdex, ġiet imqiegħda fuq l-altar maġġur. Mhux l-ewwel darba fl-istorja li l-istatwi taż-żewġ qaddisin inħarġu flimkien f’purċissjoni biex isir talb votiv.
Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ qed tħeġġeġ ukoll biex, flimkien mat-talb ħerqan, fl-ispirtu penitenzjali tar-Randan, il-fidili Nsara jagħtu karità li tmur speċifikament għall-għajnuna tal-morda u l-familji tagħhom.
Imqar mis-skiet ta’ knisja vojta (l-Insara huma mfakkra li jistgħu jżuruh biss għal żjajjar privati u qatt fi gruppi), il-qaddis megalomartri San Ġorġ ikompli jinterċedi għall-poplu tiegħu. Kif għalaq l-Isqof Grech dik l-ittra sabiħa, “meta wieħed jiftakar li l-antenati tagħna meta talbu bl-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin sabu s-serħan tal-qalb u u tal-moħħ, fil-limiti u l-inċertezzi tagħna wkoll aħna nduru lejhom”.
Kitba ta’ Francesco Pio Attard
Ritratt: Andrew Formosa