Il-Ħadd, 22 ta’ Marzu 2020: Kif ilu jsir mid-9 ta’ Marzu ’l hawn, il-quddiesa tal-Papa Franġisku mid-Dar Santa Marta kienet imxandra mill-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Vatikan. Fil-bidu tal-quddiesa tal-lum, il-Papa qal li f’dawn il-ġranet qed nisimgħu bl-aħbar ta’ tant vittmi li qed imutu anke waħedhom, mingħajr il-preżenza tal-għeżież tagħhom. Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom ukoll.
F’kumment dwar l-Evanġelju tal-lum meħud minn San Ġwann, li jirrakkonta l-istorja tar-raġel imwieled agħma, il-Papa ħeġġiġna nishru biex nintebħu meta Ġesù jkun għaddej minn ħajjitna u nikkonvertu lejh.
Dal-pass tal-Evanġelju jitkellem waħdu. Hu tħabbira ta’ Ġesù Kristu u fl-istess ħin huwa katekeżi. Nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq ħaġa waħda. Lili jolqotni dejjem dak li jgħid Santu Wistin: ‘Nibża illi jkun għaddej Kristu…’ Imma għaliex? ‘Nibża’ li jgħaddi minn ħdejja u ma nindunax, inħallih għaddej.’ Hemm ħaġa ċara: fil-preżenza ta’ Ġesù jwarrdu l-veri sentimenti tal-qalb, l-atteġġjamenti veri. Din hija grazzja u din kienet ir-raġuni għala Santu Wistin kien jibża’ li ma jindunax b’Ġesù għaddej minn ħdejh.
Hawnhekk kollox hu ċar: ifejjaq agħma u jfaqqa’ l-iskandlu. Minn dal-fejqan joħroġ l-aħjar tan-nies u l-agħar tagħhom.
L-agħma – l-għaqal tal-agħma jħallik mistagħġeb – kien imdorri jteftef b’idejh biex jiċċaqlaq, kien ixomm il-periklu, kien jinduna jekk ikun hemm il-periklu li jiżloq. Kien jiċċaqlaq bħal wieħed agħma. L-argumenti tiegħu kienu ċari, preċiżi, imbagħad juża wkoll il-lussu tal-ironija.
L-imgħallmin tal-Liġi kienu jafu l-liġijiet kollha, kollha kemm huma. Imma kienu mwaħħlin hemm. Ma kinux jifhmu meta jkun għaddej Alla minn fejnhom. Kienu ibsin, iggranfati mad-drawwiet tagħhom. Dan jgħidu Ġesù stess, fl-Evanġelju: ‘moħħhom biss fid-drawwiet tagħhom’. U jekk, biex iħarsu dawn id-drawwiet, kellhom għalfejn iwettqu inġustizzja, għalihom ma kinitx problema, għax skont id-drawwiet tagħhom dik ma kinitx titqies inġustizzja. Dik l-ebusija kienet iġġegħilhom jagħmlu l-inġustizzji. Quddiem Kristu kien jitfaċċa s-sentiment tal-għeluq.
Dan biss. Jien intikom parir li llum taqbdu l-Evanġelju f’idejkom, il-kapitlu 9 ta’ San Ġwann, u taqrawh id-dar, fil-kwiet, darbtejn, tlieta, biex tifhmu sewwa x’jiġri meta jgħaddi Ġesù: jitberrħu s-sentimenti. Tifhmu sewwa dak li jgħidilna Santu Wistin: ‘Nibża’ li jgħaddi l-Mulej u jien ma nintebaħx bih, ma nagħrfux.’ U hekk ma nikkonvertix. Tinsewx: illum aqraw darbtejn, tlieta, l-kapitlu 9 kollu ta’ Ġwanni.
Il-Papa temm iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa bil-barka sagramentali u stedinna mill-ġdid biex miegħu nagħmlu t-Tqarbina tax-Xewqa li issa ilu jirreċita dawn l-aħħar jiem, wara li jkun tqarben.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.