Lectio Divina tal-5 Ħadd tar-Randan. Sena “A”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw 11, 1-45):  Il-Ħadd li għadda Ġesu ta d-dawl lill-għama, mhux biss biex jiddobba ftit għal din il-ħajja, iżda biex ikun jista’ jħares lejn id-destinazzjoni aħħarija tiegħu.  Min ma jagħmilx hekk, jgħaddi ħajtu jaħrab mill-mewt u jilludi ruħu li m’hu se jmut qatt.

Oħrajn li jaċċettaw l-idea tal-mewt forsi jiġuhom ħafna dubji: “Wara l-mewt se nispiċċa fix-xejn, jew f’xi abbiss mudlam?  U l-Ġenna fejn hi? Ħadd ma ġie minn hemm biex jgħidilna! Mela, x’sens fiha l-ħajja?” Oħrajn la jaħsbu u l-anqas jitkellmu fuq il-mewt. Din għalihom ‘taboo’. Imma min għandu saqajh it-tnejn mal-art, u jemmen li hu maħluq għal Alla Etern u Infinit, jgħid bħas-Salmista: “Għallimni ngħodd jiemi, u b’hekk nasal għall-għerf ta’ qalbi.” (Salm 90). B’hekk naċċettaw, mhux bil-biżgħa imma bil-għaqal, li l-ħajja tagħna hija limitata, u hemm bżonn ngħixuha sew.  Min mingħalih mhux se jmut, ma jarax il-bżonn li jgħix sew.  Il-Fidi biss tista’ titfa’ xaqq dawl fuq il-mistoqsijiet li jqanqlu fina l-ħsieb tal-mewt.

  1. Fis-silta tal-lum tajjeb li l-ewwel niċċaraw punt. Ġesu qajjem lil Lazzru mill-mewt. Aħjar ma nużawx il-kelma ‘rxoxta’ ħalli din inħalluha għal meta, wara l-mewt, nirxuxtaw għall-ħajja li ma tintemm qatt aktar. Nistgħu nużaw ‘rianimazzjoni’,  għax fil-fatt, wara numru ta’ snin, Lazzru miet.  Dan ma jfissirx li Lazzru ma mietx tassew,  li kien f’xi koma, u Ġesu irrijanimah: kif ġieli jiġri llum f’xi sptar.  Fil-fatt għalhekk Ġesu stenna erbat ijiem, għax il-Lhud kienu jaħsbu li r-ruħ iddum tlitt ijiem biex tħalli l-ġisem. Kieku mar qabel kien ikun hemm min jgħid li Lazzru kien għadu ma mietx. Għal hekk il-Lhud li kienu preżenti dak in-nhar stagħġbu mhux ftit meta Ġesu qajmu.  Ġwanni jieħu dal-fatt biex jurina li Ġesu huwa sid il-ħajja kemm dik t’issa bijoliġika u, aktar u aktar, dik eterna.  F’dan l-ewwel qawmien ta’ Lazzru għadna ma wasalniex għar-rebħa totali fuq il-mewt. Din titwettaq mal-qawmien mill-imwiet darba għal dejjem –  l-ewwel  ta’ Kristu, imbagħad tagħna.
  2. F’Betanja nsibu familja fejn m’hemmx missirijiet u wlied, m’hemmx min jikkmanda u min jobdi, imma hemm aħwa rġiel u nisa. Din tirrapreżenta l-Komunita Nisranija.  Membru ta’ dil-familja jintlaqat minn marda kiefra.  Ħutu jibagħtu jgħidu lil Ġesu: “Il-membru li tħobb int marid.”  Ir-rejazzjoni ta’ Ġesu hi: “Din mhix marda tal-mewt – i.e. mhiex se twassal għall-qerda tiegħu. Mhux dik il-mewt li biha l-bniedem jitlef l-umanita’ u l-identita tiegħu ta’ iben il-Missier.  Din marda li twassal għall-mewt bijoloġika biss, u permezz tagħha se nuri l-glorja t’Alla u se jissebbaħ l-Iben t’Alla.”
  3. Ġesu kien iħobbhom lil Marta, Marija u Lazzru, hekk kif aktar tard se jħobb lill-Komunita Nisranija. Ġesu jisma’ li Lazzru marid imma ma jagħmel xejn; u Lazzru jmut. Din mhijiex nuqqas ta’ mħabba min-naħa ta’ Ġesu, imma b’dal-fatt irid jgħallimna li aħna m’aħniex anġli imma bnedmin, u l-ħajja tagħna bijoloġika hija għal did-dinja biss u għandha t-tmiem.  Wara l-mewt, il-persuna (mhux ir-ruħ biss) bl-istorja u bl-esperjenzi kollha tagħha tidħol fis-saltna t’Alla. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi GĦANDU (mhux se jkollu) l-Ħajja Eterna.  Mela din il-ħajja se tidħol il-Ġenna mhux il-katavru mqajjem mill-mewt.  Mela hija din il-ħajja, li tibda f’did-dinja f’għaqda waħda m’Alla permezz tal-Ewkaristija, li se tkompli fil-Ġenna.
  4. Ġesu jmur Betanja imma ma jidħolx il-belt fejn kulħadd kien qed jibki lil Lazzru. Dawn jidhru li ma kellhomx tama, dawl u ħjiel tal-pjan t’Alla għall-bniedem. Ippruvaw jikkunslaw lil aħwa kif jagħmlu xi Nsara bi kliem li ma jirriflettix il-Fidi tagħna fl-eternita: “Lungi giorni! Kuraġġ! Life goes on!” eċċ. Fl-omeliji hemm bżonn li nitkellmu anqas fuq il-mejjet u aktar fuq l-Irxoxt.
  5. Marta toħroġ tilqa’ ‘l Ġesu rrabjata: “Kieku kont hawn ħija ma kienx imut.” Ġesu jispjega li ħallieh itemm il-ħajja bijoloġika tiegħu biex jagħti aktar importanza lil dik eterna. Dil-mewt ma turix ir-rebħa assoluta fuq il-mewt: din titwettaq b’dik il-ħajja li ma tmissa l-ebda mewt.  Ġieli f’xi funeral, l-aktar ta’ xi ħadd żagħżugħ, ikun hemm min jirrabja: “Għaliex Ġesu ħallieh imut? Jeżisti Alla jew le?”  Propju għalhekk illum Ġesu jrid jgħallimna li hu ġie fid-dinja mhux biex jeħlisna minn dil-mewta naturali imma minn dik li toħnoq fina ċ-ċans tal-Ħajja Eterna.  Marta tkompli: “Jien naf li kulma titlob ‘l Alla hu jagħtihulek.”  Marta għada ma tafx sew li Ġesu mhux biss profeta imma r-rigal tal-ħajja, anzi Hu il-Ħajja. Għada fuq livell uman, u għall-kliem ta’ Ġesu “Ħuk jerġa’ jqum” hi twieġeb: “Naf li fl-aħħar jum jerġa’ jqum”. Din l-idea li miljun sena oħra il-mejtin fl-oqbra se jirxuxtaw hija assurda.  Kif jista’ Alla l-Missier iħallina mejtin għall-miljuni ta’ snin? Din spjegazzjoni li għada ġejja mir-Rabbini ta’ żmien Marta. Hi xtaqet li ma tistenniex daqshekk biex terġa’ tħaddan lil ħuha.  Il-Knisja li hemm illum Betanja hija mudlama. Id-dawl jidħol biss min-nofs tal-parti ta’ fuq tal-koppla.  Dan ifisser li quddiem l-enigma tal-mewt, għal xejn infittxu dawl madwarna. L-unika dawl fuq hekk jiġi biss minn Kristu, u li issa dad-dawl se joffrih lil Marta: “Jien hu l-qawmien u l-ħajja…dan ma jmut qatt.”  Biex forsi nifhmu aħjar dan il-misteru, ejjew nimmaġinaw tewmin fil-ġuf, li jitkellmu, jsiru jafu lil xulxin u d-dinja ta’ madwarhom,  li għalissa hija biss fil-ġuf. Jitwieled l-ewwel wieħed. L-ieħor li jkun għadu fid-dlam jaħseb li ħuh telaq, miet. Fil-fatt ikun ħalla l-ħajja tiegħu fil-ġuf biex għadda għal ħajja oħra, aħjar u meraviljuża.
  6. Ġesu jibki. Mhux bħal-Lhud li bkew iddisprati, jqattgħu ħwejjiġhom, eċċ. Ġesu, propjament qabiżlu d-dmugħ, għax anki għal Ġesu il-mewt hija traġedja li ġġib ħafna tbatija. Anki n-Nisrani li jitlef xi qarib se jħoss in-nuqqas tiegħu, avolja jaf li wara ftit snin se jerġgħu jinagħqdu l-Ġenna.
  7. Meta Taljan jgħid: “Metti sopra una pietra” ifisser spiċċa kollox, ma nitkellmux aktar fuqu – p.e. l-argument. Meta Ġesu jgħid: “neħħu l-ġebla” ifisser li ma spiċċax kollox mal-mewt. Għax aħna se ngħaddu minn dil-ħajja għal ħajja oħra. Marta għada dubjuża: “Issa beda jinten – issa tard wisq.”  Ġesu jqawwilha qalbha: “Jekk temmen tara l-glorja t’Alla, lil hinn mill-qabar.”  Min għadu jaħseb li se ngħaddu mill-mewt għall-ħajja eterna għadu midfun taħt blata. Biex inbiddlu dan il-ħsieb irridu ngerrbu l-ġebla ‘l bogħod minna.
  8. “Lazzru oħroġ!” Il-mejjet joħroġ imma għadu marbut u, b’maktur ma’ wiċċu, ma jarax. Lazzru qam imma għadu bis-sinjali ta’ wieħed midfun. Dment li aħna hawn,  għadna marbutin, i.e. mhux kompletament ħielsa.  “Ħollulu l-faxex, u ħalluh imur, jiġifieri,  meta jerġa’ jasal il-waqt u ma tkunux tistgħu żżommuh aktar, ħalluh imur fid-Dar tal-Missier.”

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/fr fernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading