Sbuħitek ja Jum!


Ja jum xitwi! Tant sabiħ u ħlejju! Tant kiesaħ u fl-istess ħin sħun! Għax int, li int tant imdawwal u li iddawwal saħansitra lil min qam mhux f’postu. L-għaliex ħajtu u ħajjitha kemm qed tagħtih u tagħtiha fuq wiċċu u wiċċha!

Imma jien u nħares lejk, ja jum hekk xemxi, jum li l-ebda stampa jew ritratt ma jistgħu qatt iġibuk kif int, daqskemm int irrepetibbli, int lili tgħallimni bil-bosta. Il-kesħa tiegħek, għalkemm taf tidħol u ixxoqq l-għadam, imma ħej kemm hi safja! Sabiħa! U li tiftaħli pulmunija! Għax, ja jum sabiħ, taf x’qed tgħallimni din sbuħitek, hekk qadima u ġdida? Li ħadd bħalek ma jaf il-prezz tas-sbuħija x’inhu!

O kemm jinsew, dawk li jaħsbu li s-sbuħija hi sempliċiment dak li ddellek mal-wiċċ jew ma’ kull parti oħra tal-ġisem, li s-sbuħija vera tiġi mis-sagrifiċċju! Li, fil-qalba ta’ kull sbuħija sinċiera, hemm tgħix il-kelma RELAZZJONI! Kemm toġgħobni ja jum din il-kelma! Għax min minna jrid joqgħod waħdu jew waħedha? Min minna jrid jew trid iqatta’ u tqatta’ il-bqija ta’ ħajtu u ħajjitha sulu u sula? Imma xi tfisser ja jum li tkun fis-sbuħija tar-relazzjoni?

Aktar ma nħares lejn sbuħitek, ja Jum, aktar ninduna kemm int tabilħaqq relazzjoni. Int, waħdek lanqas teżiżti. Fil-fatt, int teżiżti għax qiegħed f’relazzjoni ma’ tant ħlejjaq oħra. Għalhekk, nista’ ngħidlek, ja Jum, li int dawl. U dawl li jdawwal u qatt li jifga. Int dawl li jagħti l-ħelsien u qatt ma jifga l-ħelsien ta’ ħlejqa oħra. Hi liema hi. Int dawl li jħalli l-ħlejjaq l-oħra jagħmlu mixjiethom u mhux le jidħol fuqhom u jaħkimhom! O Jum! Kemm int relazzjoni! Għax int ġejt mir-RELAZZJONI! Int ġej mid-dawl tal-eternità! Mix-XEMX li hi aqwa mix-xmux l-oħra kollha f’daqqa! Int ġej mid-dawl ta’ dejjem! Int l-istess mogħdija tal-Jum ta’ dejjem! Dak il-Jum li, meta nagħsruh sewwa, x’jibqa’ minnu jekk mhux imħabba? U imħabba bla tarf?

Ja Jum sabiħ, sbuħit il-Jum, int m’intix mela sbuħija tossika! L-għaliex tifga lil min jarak bil-fantasija! Le! Int ja jum tfakkarni, il-ħin kollu, li l-imħabba vera, li tant jien u ħuti l-bnedmin għandna bżonn, anki jekk niħmaru jew intemtmu biex naslu nammettuha, m’hijiex le fantasija! Għax, fi sbuħitek ja Jum, kif nista’ nara lili nnifsi bħala tajjeb biss? Li għandi kapaċitajiet tajba u xejn x’nirranġa? X’pożittività din hi ja Jum hekk sabiħ meta nara fija li jien it-tajjeb tat-tajbin u l-qaddis tal-qaddisin? X’intiena O Jum meta naħseb hekk! U x’faqar ta’ ħsieb meta nwaħħalha f’rasi li jien m’għandix x’nirranġa! Li jien tajjeb u tajba! U għalhekk li ħadd ma jista’ għalija! Kemm ikun buffu mill-kbar nett meta naħseb li jien l-aqwa tal-aqwa! Li bħali m’hawn ħadd! Għaliex mela, ja Jum, qed neqred li spiċċajt waħdi? Min lest li joqgħod miegħi? Min lest li jissaporti li jitnigges bil-wire ippuntat tas-suppervja tiegħi? Hawn xi eroj li lest jingiref għalija?

Għalhekk, għinni ja Jum ħa nara dak li tassew jien! Għinni numilja ruħi u ninduna li, fil-ħajja, jien ukoll għandi bżonn l-għajnuna! Għax jien ukoll għadni ma wasaltx. Għax jien ukoll fadalli x’nitgħallem. Għax jien ukoll, anki jekk nagħti l-impressjoni li jien xi incredible Hulk, imma, u fil-fatt, jiena miżeru u miżera. Irrispettivament kemm niddritta u nuri snieni. Anki jekk fil-ħanek ma tantx baqgħali għax iż-żmien aqta’ kif niżżilhomli!

Ja sbuħit il-Jum sebbaħni bl-għarfien tiegħek li jien ma nistax inkun it-tweġiba għall-persuna li nħobb. Li ma nistax le nagħti l-imħabba kollha possibbli li dik il-persuna qed titlob minni. Iżda, bl-umiltà tiegħek, fakkarni iva biex inkun il-via, it-triq, is-suġġeriment, it-tabella għal dik il-persuna sakemm tifhem li hemm xi ħadd magħha. Li jismagħha. Li jurieha t-triq. Li jimsħilha dmugħha tal-ferħ u n-niket li ġġarrab. Għax, meta bil-grazzja ta’ Dak li ħalaqlek sbuħitek, jiena ninfetaħ għal din ir-rejaltà daqstant sabiħa, kemm u kemm ja Jum nista’ jien inkun ta’ barka għal min inħobb!

Sbuħitek, ja Jum, qed tgħallimni li jekk irrid nagħmel ħajti u ħajjet min inħobb sabiħa jeħtieġli nikber fil-ħbiberija. Dik il-ħbiberija li taf il-limiti tagħha. Għax taf dnubietha. Għax, ja Jum, mis-sema ‘l isfel aħna kif aħna? Mhux ilkoll midinbin? Mhux ilkoll nispiċċaw bl-iskossi? Iżda xi ġmiel meta jien ja Jum, bħalek, minflok ma noqgħod inwaħħal f’dawk l-affarijiet l-oħra kollha li huma mdallma naqbad u ndawwalhom, x’differenza nagħmel hux? Hemm int ja Jum sabiħ! Minflok li toqgħod tgerger u teqred tintefa’ tħobb billi ddawwal! U hekk tħalli impronta mill-isbaħ fuq dak li int f’relazzjoni magħhom!

Ja Jum, dawlek hekk sabiħ u qawwi, u bil-wisq ġeneruż, ifakkarni kemm hu sabiħ is-sagrifiċċju! Għax liema ħajja hi tabilħaqq sabiħa, liema relazzjoni hi denja tal-kelma relazzjoni, jekk ma tkunx immarkata bis-sagrifiċċju? Dak is-sagrifiċċju li jgħallimna nħobbu! Dak is-sagrifiċċju li jgħallimna napprezzaw! Dak is-sagrifiċċju li jgħallimna nqisu l-istess ħajja bħala rigal! Dak l-istess sagrifiċċju li jgħallimna fuq is-siwi taż-żmien! U tal-persuni!!! U, fuq kollox, dak is-sagrifiċċju li jġagħlna nduru lejn IL-PERSUNI! Lejn l-għażiża Trinità Qaddisa, tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu! Għax, ja Jum sabiħ, x’aħna aħna mingħajr l-imħabba tat-Tlett persuni f’Alla wieħed? X’aħna aħna mingħajr l-għożża tal-qaddejja tal-qaddejja tagħhom, Marija, Ommna u oħtna? Ilbiesha mhux ix-xemx? Bħalma imlibbes int, ja Jum hekk sabiħ?

Iżda, dan is-sagrifiċċju, ma jiġix le b’xi impożizzjoni. Inkella b’xi theddid. Għax l-imħabba vera, ja Jum sabiħ, ma theddidx u lanqas ma tikkmanda. L-imħabba, ja Jum, ma tikkastigax. L-imħabba tħobb biss taf. U tħobb bl-akbar ħelsien. Għalhekk mela, bħalek, ja Jum daqstant sabiħ, l-imħabba ma tintefaħx biha nfisha, ma titkabbarx fuq l-oħrajn; ma tagħmilx dak li m’hux xieraq; ma tfittixx dak li hu tagħha, xejn ma tinkorla; ma żżommx f’qalbha għad-deni,
ma tifraħx bl-inġustizzja (1 Kor 13:4-6).

Jum sabiħ, sbuħitek tant ċara u bla ebda tikmixa, tfakkarni fiċ-ċarezza tar-ruħ meta taħfer u, bil-grazzja tal-Mulej, kapaċi tibda’ paġna ġdida! Oh kemm hi mbierka dik ir-ruħ li ma tibqax tgħix fl-imgħoddi! Li ma tibqax tirrepeti bħall-papagall x’għamlulha u kemm batiet minnhom! Għax, jekk dik ir-ruħ trid tgħid xi litanija, ħa tirrepeti lil Dak li ħalaqha l-innu li ma jispiċċa qatt ta’ Radd il-ħajr! U ħa tfaħħar lil Dak li ħalaqha għal kull ma taha! Għar-riħ, għax-xita, għan-nida, għas-sħana, għall-kesħa, għas-skiet, għall-għana ħlejju tal-għasafar, għas-saħħa, għad-dawl, għas-smiegħ, għall-mixi, għar-raġuni, għall-għarfien, u l-bqija! Oh ja Jum sabiħ! X’kelma sabiħa hi din tal-għarfien! Għarfien li jaf meta għandu jgħid iva u jissoda fil-le! Għarfien li ma jimxix kif iridu jmexxuh l-imħuħ magħluqa u msejkna ta’ madwaru, li jinstabu jduru u jiżfnu max-xibka tal-qerq. Imma dak l-għarfien li jagħraf it-tajjeb mill-ħażin, li jagħraf l-aktar tajjeb mit-tajjeb u l-aħjar mill-aktar tajjeb!

Kemm qed nieħu gost inkellmek, ja Jum sabiħ! Għax, aktar ma nħares lejn sbuħitek, aktar qed ninħeles mill-biża tal-qrejjen u d-dnub. Mill-biża li jġib xedaq snien li ma jammettix li qed jixjieħ u jitbiegħed minn din id-dinja tal-ħakma bla sens. Oh, ja Jum sabiħ! X’sigurtà fik! Int l-imħabba li tgħallimni nafda. Imma nafda mhux għax mhux ħa jigdmuni imma l-għaliex is-sigurtà aħħarija tiegħi qiegħdha f’Dak Alla li ma jittradini qatt! F’Dak Alla li jagħtini u mhux joħodli! F’dak Alla li aktar kemm jigdmuni u jabbużaw mit-tjubija u l-ġenwinità li tefa’ fija Hu aktar se jiftaħli toroq f’toroq ta’ fejqan!

Għalhekk f’dawlek, ja Jum bil-wisq sabiħ, jien ma nibżax! Imma nifraħ! F’dawlek, ja Jum, għalkemm dgħajjef jiena qawwi! U qawwija! F’dawlek m’għandix għalfejn niddefendi lili nnifsi! Għax f’dawlek jien ħaġa waħda mal-JIEN LI JIEN (Eż 3:14)! F’dawlek ja Jum, għalkemm ġejt imqarraq u imqarqa għal ma nafx kemm-il darba minn dawk li jħokku u jgħixu miegħi, jiena mħaddan u mħaddna mill-onestà bla tarf tiegħek!

Jum sabiħ int id-dawl tiegħi għax iddawwal fija d-Dawl etern li jaf jirrispetta d-drittijiet ta’ persuni bħali! Li jagħraf u japprezza d-differenzi u ma jgħaffiġġx fuqhom! Li ma jħawwadx il-JIEN mal-egoiżmu! Li jurini kif nirreċiproka! Li jgħinni nkun solidali! Li jgħinni nirrispetta l-awtonomija tal-oħrajn u mhux nikkontrollahom! Li jgħinni nippromovi l-ġid u l-iżvilupp personali, spiritwali u professjonali tal-persuna l-oħra! Li jgħinni nidħol u nbati, imqar għal ftit mumenti, mal-persuna li qed tbati! Li jurini bl-għaqal li nuża r-raġuni u mhux ninġarr minn dak li nħoss! Li nirrispetta l-kuxjenza ta’ ħaddieħor! Li jgħinni niftaħ għajnejja għall-inkwiet ta’ xi ħaġa li trid tinbidel minn inkwiet ta’ ossessjoni fuq xi ħadd! Għax, l-imħabba vera mhix ossessjonata imma delikata! L-imħabba vera tiffrankalek u mhux tara kif se twikkilek battikata!

O Jum sabiħ, insellimlek! Għal dak li int! U għal dak li għallmittni dik sbuħitek!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.