Illum il-Knisja tfakkar lil Beata Maddalena Caterina Morano


Fis-26 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Beata Maddalena Caterina Morano, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1847 sa 1898.

Twieldet fi Chieri, qrib Torin, fil-15 ta’ Novembru,1847, minn familja modesta li kienet ġejja minn razza nobbli. Meta kienet għadha ċkejkna, hi marret tgħix mal-familja tagħha f’Buttigliera d’Asti.

Ta’ tmien snin miet missierha, u bdiet taħdem id-dar bħala nissieġa. Saċerdot jiġi minnha qabbadha t-triq għall-istudju u għallimha l-ewwel lezzjonijiet fuq il-grammatika Taljana.

Meta għalqet 14-il sena, il-kappillan tal-post inkarigaha tieħu ħsieb orfanatrofju (asile) minkejja l-età żagħżugħa tagħha, waqt li hi kompliet tistudja u ħadet id-diploma ta’ għalliema li biha setgħet tgħallem fl-iskejjel elementari.

Dik il-ħabta f’pajjiżha bdiet tikber u tissaħħaħ istituzzjoni ġdida sależjana mibdija minn San Ġwann Bosco. Sadattant hi bdiet tħoss is-sejħa tidħol reliġjuża tal-klawsura. Ħadet il-parir ta’ Don Bosco, imma dan ma qabilx li tidħol soru klawstrali, u indirizzaha lejn il-kollaboratur tiegħu Don Giovanni Cagliero li stedinha tingħaqad mas-Sorijiet Ulied Marija Awżiljatriċi. Hi aċċettat u, wara n-novizzjat, għamlet il-professjoni reliġjuża fl-4 ta’ Settembru 1879, meta allura kellha 32 sena. F’dik l-okkażjoni talbet repetutament lil Ġesù: “Signore, non permettere che io muoia senza essere arrivata alla santità. Fammi Santa!” Sinjur, la tħallix li jiena mmut bla ma nkun wasalt għall-qdusija. Agħmilni qaddisa.

Billi kienet istruwita u kapaċi tgħallem, Swor Morano spikkat fost sħabha s-sorijiet, u għalhekk tawha inkarigi ta’ responsabbiltà, u fl-1881 kienet mibgħuta Sqallija fejn bdiet ħidma edukattiva tassew fekondi fost il-bniet u t-tfajliet.

Il-ħidma tal-Beata Maddalena Caterina Morano kienet tassew tal-għaġeb: f’26 sena waqqfet ma’ Sqallija kollha 19-il dar, 12-il oratorju, 6 skejjel, 5 orfanatrofji, 11-il laboratorju, 4 kunventi, 3 skejjel tar-reliġjon u qajmet l-ammirazzjoni ta’ kulħadd, inklużi l-awtoritajiet tal-post u l-ġerarkiji ekklesjastiċi. Fuqha kien jingħad: “Hija mara kbira, hija mara straordinarja.” Maħtura Superjura Provinċjali, hija impenjat ruħha wkoll biex tgħin fil-formazzjoni tal-għadd kbir ta’ vokazzjonijiet li nġibdu mill-ħeġġa tagħha u mill-klima komunitarja li kienet toħloq madwarha.

Swor Morano kienet bniedma magħquda kontinwament ma’ Alla, xewqana li ssir qaddisa u dedikata għal ħidma sależjana immensa. Ingħad fuqha li kienet kontinwament “titfa’ ħarsa waħda lejn l-art u għaxra lejn is-sema.”

Wara ħajja mimlija ko-erenza, mgħixa dejjem bil-fehma li “ma tostakola qatt l-azzjoni tal-grazzja b’ċedimenti għall-egoiżmu personali” Swor Maddalena Caterina Morano għalqet għajnejha għal din id-dinja f’Alì Marina, Messina, nhar is-26 ta’ Marzu 1908, b’marda tal-kanċer, meta kellha 61 sena.

Din l-Appostla salesjana ta’ Sqallija kienet iddikjarata Beata f’Catania mill-Papa Ġwanni Pawlu II fil-5 ta’ Novembru,1994.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.