Is-Sens Nisrani tat-Tbatija


Il-fidi nisranija toffrilna viżjoni ta’ kif għandna nħarsu lejn il-ħajja u proprju t-tbatija hija parti mill-ħajja ta’ kuljum.

Il-għala t-tbatija

Il-bniedem post-modern qiegħed jagħmel bosta mistoqsijiet. Kif Alla li huwa tant ħanin iħalli lill-bniedem ibati? Għaliex il-bniedem innoċenti jbati? Kif Alla jieħu ħsiebna u fl-istess iħallina nbatu. Għalkemm bosta għorrief u qaddisin insara ppruvaw jirriflettu fuq dawn il-problemi u ħarġu s-soluzzjonijiet tagħhom, madankollu l-problema tat-tbatija tibqa’ misteru.

job

Inħarsu lejn il-ktieb ta’ Ġob. L-awtur ta’ dan il-ktieb ipprova jwieġeb din il-mistoqsija. Għalkemm Ġob kien bniedem tajjeb madankollu Alla ppermetta li jgħaddi minn tbatijiet kbar. Ħbiebu ma setgħu qatt jifhmu għaliex il-bniedem innoċenti jbati u Elifaż ħabibu qallu: “Mhux għax kbir il-ħażen tiegħek, u, bla qjies il-ħtijiet tiegħek? (Ġob 22, 5). Iżda minkejja dan Ġob żamm sħiħ fil-fidi tiegħu.

Ir-mistoqsija l-għala l-bniedem ibati nsibuha b’mod perfett fuq il-Golgota. Sidna Ġesù Kristu, għalkemm l-Iben ta’ Alla jinsab imsallab fost uġigħat kbar. Qiegħed imut. Iżda huwa rrasenjat mar-rieda ta’ Alla. Għalkemm imsallab, frott tal-intriċċi tal-kapijiet tal-poplu, l-inġustizzja ta’ Pilatu u l-għira tax-xitan, huwa qiegħed jilqa’ kollox minn idejn Alla. Mhux hekk biss iżda qiegħed ibati għalina b’imħabba kbira li d-dinja qatt ma rat bħalha.

Ġesù Kristu ta’ lit-tbatija valur ġdid. Ma neħħihiex mid-dinja iżda għallimna permezz tal-passjoni li l-mumenti tat-tbatija mhumiex mumenti moħlija iżda permezz tagħha salvana mid-dnub u mill-mewt.

Min ibati “bi Kristu, fi Kristu u ma’ Kristu” u jieħu t-tbatija minn idejn Alla, tkun ġejja mnejn ġejja, ser isib sens f’ħajtu. Meta l-bniedem ikun għaddej minn xi tbatija u jirrikorri għand Alla ser isib serħan kbir. Ħadd qatt ma rrikorra għand Alla u sab il-konfużjoni.

Minkejja dan is-sens tat-tbatija, illum bosta persuni meta jkunu għaddejjin minn xi salib jibdew igergru u saħansitra ssib min jeħodha kontra Alla. Għalhekk xieraq li nagħtu risposta għal din il-problema.

Nibnu relazzjoni ma’ Alla

Jekk inħarsu lejn il-ġrajja tat-trasfigurazzjoni ta’ Kristu, insibu li San Pietru tant feraħ f’dawk il-mumenti li qallu: “Tajjeb li aħna hawn; jekk trid, nagħmel hawn tliet għarajjex wieħed għalik, wieħed għal Mosè u wieħed għal Elija” (Mt 17, 4). F’dawn il-mumenti ħassu kuntent li qiegħed ma’ Ġesù ttrasfigurat. U aħna rrridu nagħmlu wkoll din l-esperjenza bħal San Pietru. Meta nkunu għaddejjin minn żmien tajjeb għandna nirrikorru għand Alla u nibnu relazzjoni intima miegħu. Biex meta jiġi l-maltemp inkunu sodi u naraw sens fit-tbatija.

Iżda jekk inkomplu naqraw l-Evanġelji nsibu li meta San Pietru ġie wiċċ imb wiċċ mat-tbatija ċaħad lil Kristu għal tliet darbiet. Iżda ħass li għamel ħażin. Ma iddisprax bħal Ġuda. L-Evanġelju jgħidilna: “U ħareġ barra u beka biki tad-demm: (Mt 26, 75). Ma jfissirx li min jipprova jimxi wara Ġesù anki fit-tbatija mhija ser toħroġlu l-ebda tgergira jew mistoqsija.

Li ġġorr l-piż tat-tbatija mhijiex xi ħaġa faċli. Jekk naqraw l-istorja tal-passjoni naraw li Ġesù ma felaħx jerfa’ s-salib u għalhekk refgħu Xmun minn Ċireni. Kemm hija ħaġa sabiħa u nisranija meta l-bniedem jogħtor taħt il-piż tas-salib jipprova jsib min jgħinu. U proprju l-akbar għajnuna li nistgħu nsibu huwa Ġesù. Jekk inħarsu lejn il-kruċifiss żgur li minnu nieħdu kuraġġ u spirtu ta’ rassenjazzjoni.

Il-fidi nisranija turina li t-tbatija għandha valur

It-tbatija hija verament misteru. Iżda Santu Wistin jgħidilna li Alla qatt ma jippermetti t-tbatija kieku ma joħroġx il-ġid minnha. San Ġorġ Preca jgħallimna li għandna nieħdu t-tbatija minn idejn Alla tkun xi tkun il-kawża tagħha. Anki dak li joħroġ mid-dnub huwa rieda ta’ Alla.

Iżda fuq kollox it-tbatija hija rigal ta’ Alla. Nispjegaw ftit. Kieku ma għandhiex valur Alla ma kienx ser iħalli lil Ibnu Sidna Ġesù Kristu u lill-Verġni Marija jgħaddu minn tbatijiet kbar. Il-bniedem spiritwali fuq l-eżempju ta’ Ġesù u Marija jħares b’din il-lenti lejn it-tbatija.

Hija mezz ta’ tisfija minn nuqqasijiet tagħna. Meta jkun fil-prova l-bniedem jara li aħjar jdur lejn Alla u jitolbu aktar u jkun aktar magħqud miegħu. It-tbatija tgħallimna li din id-dinja tgħaddi u wara l-mewt hemm ħajja oħra. It-tbatija tgħallimna li għandna nkunu verament umli u li għandna bżonn ta’ Alla.

Iżda dan kollu jitlob umiltà kbira. It-tbatija hija l-misteru ta’ Alla. Iva Alla ħeba l-għerf tiegħu mill-għorrief ta’ din id-dinja. Min jissuppervja ser jiġrilu bħal dawk li bnew it-torri ta’ Babel li sabu sib konfużjoni.

Kitba ta’ Angelo Xuereb

 

 

Published by

laikosblog

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.