L-Erbgħa, 8 ta’ April 2020: Illum nitolbu għan-nies li f’daż-żmien ta’ pandemija jagħmlu n-negozju minn fuq dahar id-dgħajjef; japprofittaw ruħhom mill-ħtiġijiet tan-nies: il-mafjużi, l-użuraj u tant oħrajn. Jalla l-Mulej imissilhom qalbhom u jikkonvertihom.
Omelija
L-Erbgħa tat-Tniebri hu msejjaħ ukoll ‘l-Erbgħa tat-Tradiment’, il-jum li fih il-Knisja tkellimna dwar it-tradiment ta’ Ġuda. Ġuda jbigħ lill-Imgħallem.
Meta naħsbu fil-fatt tal-bejgħ tan-nies, jiġina f’moħħna l-kummerċ tal-iskjavi biex mill-Afrika jittieħdu l-Amerika – ħaġa antika; imbagħad il-kummerċ, per eżempju, tat-tfajliet Yazidi mibjugħin lid-Daesh… Imma hi xi ħaġa ’l bogħod, ħaġa… Illum ukoll jinbiegħu n-nies. Kuljum. Jeżistu Ġuda li jbiegħu lil ħuthom: jisfruttawhom fuq ix-xogħol, ma jħallsuhomx kif imiss, jiċħdulhom id-drittijiet, jinjoraw id-dmirijiet tagħhom… Anzi, ħafna drabi jbiegħu wkoll l-għeżeż affarijiet. Jiena naħseb li biex ikun komdu l-bniedem jasal ibiegħed minnu lill-ġenituri u ma jarahomx iżjed; iqegħidhom għall-kenn f’dar tal-anzjani u ma jmurx jarahom… ibigħ. Hemm qawl magħruf li meta jitkellem dwar nies bħal dawn jgħid, ‘Dan kapaċi jbigħ ’l ommu.’ U jbigħuha. Issa rashom mistrieħa, qegħdin hemm: ‘Ħudu ħsiebhom intom…’
Illum il-kummerċ tan-nies jixbah dak tal-bidu: għadu jsir. U dan għaliex? Għaliex qalu Ġesù: lill-flus tahom sinjorija. Ġesù qal: ‘Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus’ (cf. Lq. 16, 13), żewġ ‘sinjuri’. Hi l-unika ħaġa li Ġesù jqiegħed fuq l-istess livell u kull wieħed u waħda minna jrid jagħżel: jew taqdi ’l Alla, u tkun ħieles fl-adorazzjoni u l-qadi; jew taqdi ’l-flus, u tkun ilsir tal-flus. Din hi l-għażla; u hawn bosta li jrid jaqdu lil Alla u lill-flus fl-istess ħin. Dan ma jistax isir. Fl-aħħar mill-aħħar ikunu jagħmlu tabirruħhom li qed jaqdu lil Alla biex jaqdu lill-flus. Dawn huma l-isfruttaturi moħbija li soċjalment jidhru impekkabbli, imma jagħmlu l-kummerċ minn taħt il-mejda, anke bil-persuni: bla skruplu. L-isfruttament uman hu li tbigħ lill-proxxmu.
Ġuda telaq, imma ħalla warajh id-dixxipli, li mhumiex dixxipli tiegħu imma tax-xitan. Aħna ma nafux kif kienet il-ħajja ta’ Ġuda. Forsi kien tifel normali, bl-ansjetajiet tiegħu wkoll – għax il-Mulej sejjaħlu biex ikun dixxiplu – imma hu qatt ma rnexxielu jsir dixxiplu: ma kellux fomm ta’ dixxiplu u qalb ta’ dixxiplu, kif rajna fl-ewwel qari. Kien dgħajjef fid-dixxipulat, imma Ġesù kien iħobbu… Imbagħad l-Evanġelju jfehemna li kien iħobb il-flus. Fid-dar ta’ Lazzru, meta Marija tidlek riġlejn Ġesù bil-fwieħa tiswa ħafna, hu jagħmel dik ir-riflessjoni u Ġwanni jenfasizza: ‘Hu ma qalx hekk għax kien iħobb il-foqra imma għax kien ħalliel’ (cf. Ġw. 12, 6). Il-kilba għall-flus ġagħlitu jaqbeż il-linja: jisraq, u bejn is-serq u t-tradiment il-pass qasir. Min iħobb il-flus iżżejjed jasal jittradixxi biex ikollu aktar, dejjem: hija regola, huwa fatt. It-tfajjel Ġuda, forsi tajjeb, b’intenzjonijiet tajbin, jispiċċa traditur sal-punt li jmur is-suq biex ibigħ: mar għand il-qassisin il-kbar u qalilhom ‘Xi tridu ttuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f’idejkom?’ (cf. Mt. 26, 14). Fil-fehma tiegħi dal-bniedem kien tilef moħħu.
Ħaġa li tiġbidli l-attenzjoni hi li Ġesù qatt ma’ juża l-kelma ‘traditur’; jgħid li se jkun ittradut, imma lilu ma jsejjaħlux ‘traditur’. Ebda ħin ma jgħid: ‘Itlaq ’l hemm, ja traditur.’ Qatt! Anzi jsejjaħlu ‘Ħabib’ u jbusu. Il-misteru ta’ Ġuda: kif inhu l-misteru ta’ Ġuda? Ma nafx… Don Primo Mazzolari spjegah aħjar minni… Iva, jagħmilli tajjeb nikkontempla dak il-kapitell ta’ Vezelay: kif intemm Ġuda? Ma nafx. Hawnhekk Ġesù jhedded bil-kbir; jhedded bil-kbir: ‘Ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f’idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn!’ (cf. Mt. 26, 24). Imma dan ifisser li Ġuda jinsab l-infern? Ma nafx. Jien inħares lejn dak il-kapitell. U nisma’ l-kelma ta’ Ġesù: ‘Ħabib’.
Imma dan imexxi ħsiebna lejn ħaġa oħra, aktar reali, illum ukoll: ix-xitan kien daħal f’Ġuda. Kien ix-xitan li wasslu sa dal-punt. U kif intemmet l-istorja? Ix-xitan ma jħallasx kif mistenni: ma tistax tafdah iħallas. Iwiegħdek kollox, jurik kollox, u fl-aħħar iħallik waħdek fid-disperazzjoni tiegħek biex titgħallaq.
Ġuda, qalbu bla sabar, itturmentata mir-regħba u tturmentata mill-imħabba lejn Ġesù – imħabba li ma rnexxilhiex issir imħabba… itturmentat minn daċ-ċpar, imur lura jitlob maħfra, jitlob is-salvazzjoni. ‘Aħna x’għandna x’naqsmu? Ara int…’ (cf. Mt. 27, 4) Ix-xitan hekk jitkellem, imbagħad jitlaqna fid-disperazzjoni tagħna.
Niftakru ftit f’tant Ġuda istituzzjonalizzati ta’ did-dinja, li jisfruttaw in-nies. U niftakru wkoll fil-‘Ġuda’ ċkejken li hemm ġo kull wieħed u waħda minna, fil-mument li jkollna nagħżlu bejn il-lealtà u l-interess. Kull wieħed u waħda minna jasal li jittradixxi, li jbigħ, li jagħżel skont kif jaqbillu. F’kull wieħed u waħda minna hemm il-possibbiltà li nħallu l-ġibda tal-flus jew tal-ġid jew tal-ġid futur, tiġbidna. ‘Ġuda, fejn tinsab?’ Imma l-mistoqsija li nagħmel lil kull wieħed u waħda minna hija: ‘Int, Ġuda, il-Ġuda ċkejken li hemm fija: fejn tinsab?’
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.