Bil-kustat imċarrat

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 8 ta’ April 2020 (L-Erbgħa tat-Tniebri): Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fil-Liturġija Penitenzjali fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb.

BIL-KUSTAT IMĊARRAT

Bħall-ġemgħa li fuq il-Kalvarju kienet qed tħares lejn dak li nifdu, aħna wkoll illum għandna quddiem għajnejna diversi xeni ta’ bnedmin “minfuda”. Il-Kalvarju sar ġrajja kontemporanja. F’temp ta’ ftit ġimgħat għejejna naraw xeni tal-ħerba li qed jagħmel il-mikrobu. Bħal lanza misnuna, il-mikrobu jinfed u jagħmel ġerħat fil-bnedmin u fis-sistemi tagħna. Qegħdin naraw:
– swali ta’ sptarijiet mimlija sa ruħ ommhom bil-pazjenti, kif ukoll swali mimlija twiebet lesti għad-difna;
– familji feruti għax ħabta u sabta l-għajxien tagħhom mhedded;
– ħaddiema “minfuda” għax intemm il-kuntratt tax-xogħol tagħhom jew il-ġejjieni tal-impjieg tagħhom huwa inċert;
– iċċarrtet l-istampa li aħna xi razza superjuri u li ħadd ma jista’ għalina;
– iġġarrfu ħafna mill-garanziji li tawna s-sistemi ekonomiċi u teknoloġiċi: ix-xjenza mhix it-tweġiba ta’ kollox;
– qed nintebħu li kemm ir-raġuni u kemm ir-reliġjożità tagħna kienu rabbew is-sadid!

Dan ix-xenarju jaqtgħalna qalbna! Bħal-Lhud li f’waqt minnhom quddiem il-kruha ta’ Kristu fuq is-salib għattew għajnejhom għax ma setgħux jissaportu t-toqol ta’ din ix-xena (ara Iż 53:2), ma nistagħġibx li aħna wkoll niġu ttentati li nagħlqu għajnejna biex ma narawx aktar dawn il-ġerħat miftuħa.

Imma proprju biex ma naqtgħux qalbna, illejla għandna bżonn inserrħu l-ħarsa tagħna fuq il-Kurċifiss: “Inħarsu lejn dak li nifdu”. Għaliex, kif jgħid it-teologu Bonhoeffer, “is-salib huwa d-distanza infinita li Alla qiegħed bejnu nnifsu u kull xbieha reliġjuża oħra li aħna jista’ jkollna”. Xejn daqs is-salib ma jista’ jikxef il-wiċċ veru ta’ Alla. Is-salib huwa ż-żrara li ġġarraf l-idoli kollha tagħna.

Jekk is-suldat bil-lanza ċarrat il-kustat ta’ Ġesù, bl-istess daqqa huwa kompla jċarrat il-purtiera li kienet qed taħbi min hu Alla. Permezz ta’ din in-nifda nafu minn hu Alla. Is-salib mhux il-kelma tagħna l-bnedmin dwar Alla, imma kelmet Alla dwaru nnifsu. Mhux Ġesù huwa Alla, imma Alla huwa Ġesù. Għax lil Alla ħadd minna ma rah, imma rajna lil Ġesù li fuq is-salib għamel l-aqwa stqarrija ta’ kemm iħobbna. “Meta aħna konna bla saħħa, Kristu… miet għall-ħżiena. Bilkemm wieħed imut għal wieħed tajjeb, għad li wieħed għandu mnejn jagħmel il-qalb u jmut għal wieħed ġeneruż. Iżda Alla wriena l-imħabba tiegħu meta Kristu miet għalina, aħna li konna għadna midinbin” (Rum 5:6-8). Is-salib ta’ Ġesù huwa l-penitenza li Alla ta lilu nnifsu għall-ħażen li hawn fid-dinja. Quddiem it-tiċrit li hawn fis-soċjetà, Alla mhux ser jgħidilna “ħażin għalikom”, imma għax iħobbna jgħid “ħażin għalija” – jitgħabba bil-ħażen tagħna!

Għalhekk waqt li l-Kalvarju tad-dinja mċarrta jistedinna biex nidħlu f’qoxritna u, filwaqt li nagħmlu ftit il-kontijiet magħna nfusna u mal-oħrajn, nirrevedu l-iskemi tagħna u nikkoreġu r-rotta li konna tajna lilna nfusna u lill-ġemgħa, il-ħarsa tagħna lejn Ġesù bil-kustat miftuħ tagħmlilna kuraġġ, għax minn dak il-kustat minfud ħarġu l-aħħar qatriet ta’ demm u ilma li kien għad fadal mal-qalb umana ta’ Alla tħabbat għal kulħadd, b’mod partikulari għal min huwa ferut bid-dnub u l-konsegwenzi ta’ għażliet ħżiena.

Nagħmel id-dnub mejjet meta nagħmel lili nnifsi flok Alla, meta naqta’ qalbi minn Alla, meta ma naċċettax li Ġesù jħobbni anki jekk jiena midneb, meta ma nemminx li bil-qawmien tiegħu Ġesù rebaħ il-mewt. Niftakru li Tumas ukoll kellu d-dubji serji tiegħu dwar il-fidi. Kien biss meta qiegħed idu fuq il-pjagi, partikularment fuq il-ferita tal-ġenb miftuħ ta’ Ġesù, li rnexxielu jegħleb il-kriżi tal-fidi u jintelaq f’idejh (ara Ġw 20:27). Kien meta serraħ ħarstu fuq il-kustat miftuħ li Tumas daq il-ħlewwa tal-miżerikordja ta’ Alla u għamel rikonċiljazzjoni miegħu. San Bernard għandu din ir-riflessjoni sabiħa: “Min huwa dgħajjef isib l-għożża u l-mistrieħ biss fil-pjagi tal-Feddej; ukoll jekk tkun dnibt u tlift il-paċi tal-kuxjenza, tinfixilx, għax il-Mulej kien minfud b’lanza”.

Qabel ma waqfet qalbu bid-daqqa fannada tal-lanza, Ġesù tana l-aqwa rigal li qatt seta’ jagħtina: tana lil Ommu bħala Ommna. Kien biss wara li għamel dan li ħass li seta’ jgħid: “Kollox mitmum”. Qabel ma telaq, bagħatna għand Marija “għax ma jridx li nimxu mingħajr Omm” (Il-Ferħ tal-Vanġelu, 285). Marija taf x’inhu d-dulur, għax sejf nifdilha qalbha – dan is-sejf ma kienx biss it-tbatija naturali li kull omm tħoss ma’ binha fit-tbatija, imma kien iffurmat ukoll mid-dubji u l-waqtiet tad-dlam li hija ġarrbet waqt li kienet tikkonfronta ruħha mal-Kelma ta’ Binha!

Wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, magħruf bħala l-Psewdo-Kriżostmu, ixebbah “is-sejf li jinfed il-qalb” ta’ Marija mat-tentazzjoni. Huwa jikteb li Marija kienet mingħajr dnub, imma b’daqshekk ma kinitx meħlusa mit-tentazzjoni: “Xħin ilmaħtu [lil Ibnek] fuq is-salib, waqt li kien qed ibati għad-dinja, meta rajt idejh miftuħa fuq is-salib u msammrin mal-għuda, ma bdejtx tiddubita u tgħid: ‘Dan hu dak li kellemni dwaru l-anġlu u li jien nissilt b’mod mirakuluż? Nissiltu meta kont verġni u bqajt verġni; allura għaliex huwa msallab?’? ‘Sejf jinfidlek ruħek’. Għalhekk skont il-profezija ta’ Xmun, ħadd ma kien meħlus mit-tiġrib” (Omelija dar il-laqgħa tal-Mulej, it-Theotokos u Xmun, PG 50, 807-812).

Għalhekk, aħna lkoll li ninsabu fi proċess ta’ konverżjoni, nagħmlu bħal Ġwanni u nieħdu lil Marija għandna. Marija hija l-wiċċ matern ta’ Alla (L. Boff). Mill-wiċċ tagħha ta’ omm wieħed jasal biex jara l-wiċċ ta’ Alla kollu mogħdrija, tjubija, ħlewwa u ħniena. Marija hija sinjal qawwi ta’ kemm Alla u Kristu huma qrib il-bniedem u tistedinna nidħlu f’għaqda miegħu.

Fil-ġenb imċarrat tal-Kurċifiss hemm post għall kull wieħed minna midrubin. Id-demm li Ġesù xerred għalina għandu qawwa mhux biss li jaħsel id-dnub, imma li jfejjaq il-ġerħat tagħna. Aħna u niedma nitolbu maħfra, inħallu lil Marija taqbdilna jdejna u ddaħħalna fil-kustat miftuħ tal-Imsallab.

Leave a Reply

%d bloggers like this: