Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ġulja Billiart


Fit-8 ta’ April l-Knisja tfakkar lil Santa Ġulja Billiart, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1751 sa 1816.

 

Ġulja twieldet minn familja devota ta’ gabilotti minn Picardy (fil-Grigal ta’ Franza). Minn kmieni wriet ġibda profonda lejn il-ħwejjeġ spiritwali u ta’ 14-il sena għamlet wegħda ta’ kastità perpetwa.

Sentejn wara waqgħet diżgrazzja fuq missierha: tilef ir-razzett u l-għelieqi tiegħu, u minħabba f’hekk Ġulja kellha toħroġ mid-dar u tmur taħdem. Kienet żagħżugħa li l-imħabba tagħha lejn Alla kienet tinħass u tittieħed minn oħrajn, tixtieq li tkun ta’ għajnuna spiritwali liż-żgħażagħ ta’ madwarha.

Kellha l-permess, lejn is-sena 1770, meta kellha madwar 19-il sena, li titqarben kuljum – ħaġa ma tantx kienet komuni f’dawk iż-żminijiet minħabba l-ereżija Ġansenista. Imma mbagħad, meta kellha 23 sena, seħħet ġrajja li ħalliet effett ikrah fuqha. Sar attentat fuq il-ħajja ta’ missierha, u x-xokk kellu tant effett fuq il-mara żagħżugħa li hi, bil-biża’, baqgħet ipparalizzata, baqgħet inkapaċi, zoppa u fis-sodda għat-30 sena li ġew wara. Imma l-ispirtu tagħha ma tkissirx. Il-ħajja mistika fid-dar u l-għaqda intima tagħha ma’ Alla saru aktar profondi.

Matul is-sitt snin terribbli tar-Rivoluzzjoni Franċiża (1789-95), diversi drabi kienet fil-periklu tal-mewt mir-Repubblikani, u għalhekk malajr kellha tmur f’Compiègne, f’Amiens, f’Bethancourt u finalment terġa’ f’Amiens. Kien possibbli tisma’ quddiesa u titqarben biss darba kultant, meta xi saċerdot maħrub kien ikun fil-qrib. Minkejja dan kollu, Ġulja kompliet tmexxi l-ħidmiet tagħha ta’ karità mid-dar tagħha, ħerqana b’mod speċjali biex tpatti għat-tagħlim żbaljat ta’ żmienha billi tipprovdi, permezz ta’ ħbieb twajba, għall-edukazzjoni tat-tfal fqar orfni u aktar tard, għall-bniet inġenerali.

Bil-kooperazzjoni tal-Viskontessa Francoise Blin de Bourden, u ta’ Padre Varin, is-superjur tal-hekk imsejħin tal-Patrijiet tal-Fidi, Santa Ġulja fl-aħħar, f‘Awwissu tal-1803, meta kellha 52 sena, għamlet il-ħidma tagħha fuq bażi permanenti billi waqqfet l-“Istituti tas-Sorijiet ta’ Notre Dame.” Fis-sena ta’ wara, il-qaddisa li allura kienet għadha ma tistax timxi, kienet imħeġġa minn qassis biex tagħmel pass u timxi għall-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù, u hi sabet lilha nfisha mfejqa għal kollox mill-paraliżi tagħha. Hi issa setgħet tiddedika l-bqija ta’ 12-il sena ta’ ħajjitha biex ixxerred l-istitut tagħha.

Waqqfet xi għaxar kunventi fi Franza u fil-Belġju minkejja l-oppożizzjoni li sabet u li ma kinux jifhmuha. Kellha tivjaġġa ħafna, spiss fuq karettun jew bil-mixi. Is-saħħa u l-kuraġġ tagħha ma kellhomx limiti.

Mietet fit-8 ta’ April tas-sena, 1816 fl-età ta’ 65 sena u ġiet iddikjarata qaddisa fl-1969 mill-Papa Pawlu VI.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com