L-Erbgħa, 22 ta’ April 2020: F’daż-żmien fejn hemm ħtieġa ta’ ħafna għaqda bejnietna, bejn in-nazzjonijiet, illum nitolbu għall-Ewropa sabiex jirnexxilha tikseb dik l-għaqda fraterna li kienu ħolmu l-missirijiet fundaturi tal-Unjoni Ewropea.
Omelija – Inħallu d-dawl ta’ Alla jidħol fina
Dal-pass tal-Evanġelju ta’ Ġwanni, kapitlu 3 (cfr. Ġw. 16-21), id-djalogu bejn Ġesù u Nikodemu hu veru trattat ta’ teoloġija. Hawnhekk insibu kollox: il-kerygma, il-katekeżi, ir-riflessjoni teoloġika, il-parèneṡi (predikazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet prattiċi bil-għan li tissaħħaħ il-komunità)… f’dal-kapitlu hemm kollox. U kull darba li naqrawh, niltaqgħu ma’ aktar għana, aktar spjegazzjonijiet, aktar affarijiet li jgħinuna nifhmu r-rivelazzjoni ta’ Alla. Ikun sabiħ naqrawh ħafna drabi biex nersqu aktar lejn il-misteru tar-redenzjoni. Illum se nieħu biss żewġ punti minn dan kollu, żewġ punti li nsibu fis-silta tal-lum.
L-ewwel punt hu r-rivelazzjoni tal-imħabba t’Alla. Alla jħobbna, u jħobbna – kif jgħid wieħed qaddis – bi mħabba tal-ġenn: l-imħabba t’Alla donnha ġenn. Iħobbna: ‘Tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni’ (Ġw. 3, 16). Ta lil Ibnu, bagħat lil Ibnu, u bagħtu biex imut fuq salib. Kull darba li aħna nħarsu lejn il-kurċifiss, naraw din l-imħabba. Il-kurċifiss hu proprju l-ktieb il-kbir tal-imħabba t’Alla. (Il-kurċifiss) mhux xi ħaġa li nqegħduha xi mkien, sabiħ jew mhux tant sabiħ, antik, aktar modern… le. Hu proprju l-espressjoni tal-imħabba t’Alla. Hekk ħabbna Alla: bagħat lil Ibnu, li xxejjen sal-mewt tas-salib għall-imħabba. ‘Alla tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu’ (cfr. v. 16).
Kemm nies, kemm Insara jqattgħu ħin iħarsu lejn il-kurċifiss… u hemmhekk isibu kollox, għax fehmu, l-Ispirtu s-Santu fehemhom li hemmhekk hemm l-għerf kollu, l-imħabba kollha ta’ Alla, id-dehen nisrani kollu. Pawlu jitkellem dwar dan meta jispjega li r-raġunamenti umani li huwa jagħmel, iservu sa ċertu punt; imma li l-veru raġunamenti, l-isbaħ mod ta’ riflessjoni, dak li l-aktar jispjega kollox, huwa s-salib ta’ Kristu. Huwa ‘Kristu msallab li hu skandlu’ (cfr. 1 Kor. 1, 23) u bluha, imma dik hi t-triq. U din hija l-imħabba t’Alla. Alla ‘tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni’ (Ġw. 3, 16). Għaliex? ‘Sabiex kull min jemmen fih ma jintilifx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem’ (v. 3, 16). L-imħabba tal-Missier li jrid lil uliedu miegħu.
Inħarsu lejn il-kurċifiss fis-skiet, inħarsu lejn il-pjagi, inħarsu lejn il-qalb ta’ Ġesù, inħarsu lejh fis-sħuħija tiegħu: Kristu msallab, Iben Alla, imxejjen, umiljat… għall-imħabba. Dan hu l-ewwel punt li llum jurina dan it-trattat ta’ teoloġija, jiġifieri d-djalogu bejn Ġesù u Nikodemu.
It-tieni punt hu ta’ għajnuna għalina wkoll: ‘Id-dawl ġie fid-dinja, imma l-bnedmin ħabbew id-dlam aktar mid-dawl, għax l-għemil tagħhom kien ħażin’ (Ġw 3, 19). Ġesù jtenni dit-tema tad-dawl. Hawn nies – aħna wkoll, bosta drabi – li ma jistgħux jgħixu fid-dawl għax imdorrijin fid-dlam. Id-dawl jgħammixhom, m’għandhomx ħila jaraw. Huma friefet il-lejl umani: jafu jiċċaqalqu biss billejl. Aħna wkoll, meta nkunu fid-dnub inkunu f’dan l-istat: ma nittollerawx id-dawl. Aktar komdu għalina ngħixu fid-dlam; id-dawl isawwatna, iġagħalna naraw dak li ma rridux naraw. Imma l-agħar hu li l-għajnejn, l-għajnejn tar-ruħ, tant jidraw jgħixu fid-dlam, li jispiċċaw biex jinjoraw id-dawl għal kollox. Nitlef is-sens tad-dawl għax id-dlam drajtu aktar. Dan juruhulna l-ħafna skandli u korruzzjoni. Il-korrotti ma jafux x’inhu d-dawl: ma jafux x’inhu. Meta nkunu fid-dnub, meta nkunu mbegħdin mill-Mulej, aħna wkoll nagħmew u nħossuna aħajr fid-dlam, u nibqgħu ngħixu fih, nibqgħu għaddejjin bħall-għomja, bla ma naraw, nimxu mill-aħjar li nistgħu.
Inħallu l-imħabba t’Alla, li bagħat lil Ibnu biex isalvana, tidħol fina. Huwa Ġesù li jġibilna d-dawl. Inħallu d-dawl tal-Ispirtu jidħol fina biex jgħinna naraw l-affarijiet fid-dawl ta’ Alla: fid-dawl veru, mhux fid-dlam li jtina sid id-dlam.
Żewġ affarijiet illum: l-imħabba ta’ Alla fi Kristu, fis-salib, fil-ħajja ta’ kuljum; u l-mistoqsija li nistgħu nagħmlu lilna nfusna kuljum: ‘Jien nimxi fid-dawl jew fid-dlam? Jien iben Alla, jew spiċċajt sirt farfett il-lejl imsejken?’
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.