Nimxu lejn Għemmaws – 2

Luqa 24, 17-24: ID-DIXXIPLI T’GĦEMMAWS – ID-DJALOGU MA’ ĠESÙ

Ġesu qal liż-żewġ dixxipli: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?” U huma waqfu b’ħarsa ta’ niket fuqhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalem il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?”, staqsiehom.

Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna  tawh biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel. Iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew tlitt ijiem fuq din il-ġrajja. Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx. U ġew igħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.” Imbagħad marru ħdejn il- qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx.

“Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!”

Imbagħad qalilhom Ġesù. “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!  Ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu? U beda minn Mose’ u l-profeti kollħa jfissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.”

Ġesù jagħmel l-istess triq tagħna, ta’ nies li qed ifittxu. Joffrilna l-kelma tiegħu f’ħafna manjieri: fil-persuni, fil-ġrajjiet, fl-istennija, fil-kuljum. Jekk naqraw dawn ir-realtajiet bil-fidi, lill-Mulej niskopruh preżenti fl-eżistenza tagħna.

Mulej, il-ħajja tagħna ta’ kuljum, li xi drabi donnha dejjem l-istess, xi minn daqqiet monotona u ta’ dwejjaq, ukoll ta’ qtiegħ il-qalb, tispjega ruħha meta hija ċċarata bid-dawl tiegħek. Tagħmlek kumpann ta’ triqitna. Tiftaħ għajnejna għal oriżżonti iktar wiesgħa. B’sabar l-iktar kbir, tqabbad il-qlub tagħna. Inti turi l-misteru moħbi ta’ l-eżistenza tagħna. Fil-ħajja ta’ kuljum tiffjorixxi l-messaġġ tiegħek. Tispjega l-istorja tagħna.

Aħna nagħtuk, il-ħidma ta’ jdejna,
Aħna nagħtuk, l-imħabba ta’ qalbna.
Ibqa’ Mulej, magħna f’dal-jum,
ħa ngħixu fil-hena flimkien.
Ibqa’ Mulej, magħna f’dal-jum,
ħalli ngħixu fil-hena flimkien.
Dak li lilek jisma’.

Minn Joe Galea