Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-familji fil-bżonn u għall-użuraj biex il-Mulej imissilhom qalbhom u jikkonvertu


Il-Ħamis, 23 ta April 2020: F’bosta nħawi qed jinħass wieħed mill-effetti tal-pandemija: tant familji fil-bżonn, bil-ġuħ u, sfortunatament, qed ‘jgħinuhom’(!) grupp ta’ użuraj. Din hi pandemija oħra. Il-pandemija soċjali: familji ta’ nies li għandhom xogħol prekarju, li ma jistgħux jaħdmu u m’għandhomx x’jieklu… bit-tfal. Imbagħad l-użuraj jeħdulhom dak il-ftit li għandhom. Nitolbu, nitolbu għal dawn il-familji, għal dawk il-ħafna tfal f’dawn il-familji, għad-dinjità ta’ dawn il-familji, u nitolbu wkoll għall-użuraj biex il-Mulej imissilhom qalbhom u jikkonvertu.

OmelijaĠesù jitlob għalina quddiem il-Missier billi jurih il-pjagi tiegħu

L-ewwel qari jkompli l-istorja li kienet bdiet bil-fejqan tal-magħtub ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-Tempju.  Lill-appostli ħaduhom quddiem is-Sinedriju, imbagħad intefgħu l-ħabs, minn fejn ħelishom l-anġlu.  U f’din l-għodwa, proprju f’dik l-għodwa, kellhom joħorġu mill-ħabs biex jgħaddu ħaqq, imma kienu meħlusin mill-anġlu u kienu qed jipprietkaw fit-Tempju (cfr. Atti 5, 17-25).  ‘F’dak iż-żmien, il-kmandant u l-qaddejja ressqu lill-appostli quddiem is-Sinedriju’ (v. 27); marru jġibuhom mit-Tempju u ħaduhom quddiem is-Sinedriju.  Hemmhekk, il-qassis il-kbir ċanfarhom: ‘Aħna għednielkom fuq li għednielkom biex ma tgħallmux fuq dan l-isem,’ (v. 28) – jiġifieri f’isem Ġesù – ‘u intom issa mlejtu ’l Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom, u tridu titfgħu fuqna l-ħtija ta’ demm dan il-bniedem!’ (v. 28).  Għax l-appostli, Pietru fuq kulħadd, iċanfruhom; Pietru u Ġwanni jċanfru lill-mexxejja, lill-qassisin li kienu qatlu lil Ġesù.  Għalhekk Pietru wieġeb flimkien mal-appostli b’dik l-istorja: ‘Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla,’ u ‘intom taħtu għal dan’ (cfr. Atti 5, 29-31).   U jakkuża, imma bil-kuraġġ, bil-frankezza, tant illi wieħed jistaqsi: ‘Imma dan l-istess Pietru li ċaħad lil Ġesù?  Pietru li tant beża’, Pietru li kien ukoll ġifa?  Kif wasal sa hawn?’  U jispiċċa wkoll biex jgħid: ‘Ta’ dan kollu hawn xhieda aħna flimkien mal-Ispirtu s-Santu li Alla ta lil dawk li jobduh’ (cfr. v. 32).  Liema kienet it-triq li għadda minnha Pietru biex jasal sa dal-punt, għal dal-kuraġġ, għal dil-frankezza, li joħroġ għonqu?  Għax hu seta’ jasal għal kompromess u lill-qassisin jgħidilhom: ‘Serrħu raskom, aħna se mmorru, nitkellmu bi ftit anqas forza, ma nakkużawkomx aktar fil-pubbliku, imma lilna ħalluna bi kwietna…’, u b’hekk jasal għal kompromess.

Matul l-istorja l-Knisja kellha tagħmel dan bosta drabi biex issalva l-poplu t’Alla.  U ħafna drabi għamlet dan biex issalva lilha nfisha – imma mhux lill-Knisja Mqaddsa, lill-mexxejja tagħha.  Il-kompromessi jistgħu jkunu tajbin u jistgħu jkunu ħżiena. Imma huma setgħu joħorġu mill-kompromess?  Le.  Pietru qal: ‘Ebda kompromess.  Intom ħatja’ (cfr. v. 30), u qalha bil-kuraġġ.

U kif wasal sa dal-punt Pietru?  Għax kien bniedem mimli entużjażmu, bniedem li kien iħobb bil-qawwa, għalkemm xi ftit imħasseb ukoll.  Kien bniedem miftuħ għal Alla sal-punt li Alla rrivelalu li Ġesù huwa Kristu, Iben Alla.  Imma ftit wara – minnufih – jaqa’ fit-tentazzjoni u lil Ġesù jgħidlu: ‘Le, Mulej, mhux minn dit-triq, ejja ngħaddu minn triq oħra’: ir-redenzjoni mingħajr is-Salib.  U Ġesù jgħidlu: ‘Satana’ (cfr. Mk 8, 31-33).  Pietru li jgħaddi mit-tentazzjoni għall-grazzja. Pietru li jinżel għarkupptejh f’riġlejn Ġesù u jgħidlu: ‘Tbiegħed minni għax jiena midneb’ (cfr. Lq. 5, 8).  Pietru li jipprova jiskarta, biex jinħeba, u li, biex ma jispiċċax il-ħabs, jiċħad lil Ġesù (cfr. Lq, 22, 54-62). Hu Pietru l-instabbli, imma għaliex kien ġeneruż ħafna u fl-istess ħin dgħajjef ħafna.  Liema hu s-sigriet, liema hi l-qawwa li ssawbet f’Pietru biex jasal s’hawn?  Hemm sentenza li tgħinna nifhmu dan.  Qabel il-Passjoni, lill-appostli Ġesù qalilhom: ‘Ix-Xitan riedkom f’idejh biex jgħaddikom mill-għarbiel bħall-qamħ’ (Lq. 22, 31).  Huwa l-waqt tat-tentazzjoni: tkunu hekk, ‘bħall-qamħ’.  U lil Pietru jgħidlu: ‘U jien nitlob għalik biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa’ (v. 32).  Dan hu s-sigriet ta’ Pietru: it-talb ta’ Ġesù.  Ġesù jitlob għal Pietru biex il-fidi tiegħu ma tiġix nieqsa u jkun jista’ – jgħid Ġesù – iwettaq lil ħutu fil-fidi.  Ġesù jitlob għal Pietru.

Dan għamel Ġesù ma’ Pietru, u l-istess jagħmel magħna lkoll.  Ġesù jitlob għalina; jitlob quddiem il-Missier.  Aħna mdorrijin nitolbu lil Ġesù biex itina xi grazzja, biex jgħinna, imma m’aħniex imdorrijin nikkontemplaw lil Ġesù li juri l-pjagi tiegħu lill-Missier, lil Ġesù li jinterċedi għalina, li jitlob għalina.  U Pietru kellu ħila jterraq dit-triq kollha, minn ġifa jsir kuraġġuz, bid-don tal-Ispirtu s-Santu, grazzi għat-talb ta’ Ġesù.

Naħsbu ftit dwar dan. Induru lejn Ġesù u nroddu ħajr li Hu jitlob għalina.  Ġesù jitlob għal kull wieħed u waħda minna. Ġesù jidħol għalina.  Ġesù ried iżomm il-pjagi biex jurihom lill-Missier.  Huma l-prezz tas-salvazzjoni tagħna.  Għandu jkollna aktar fiduċja: aktar milli fit-talb tagħna, fit-talb ta’ Ġesù.  ‘Mulej, itlob għalija’ – ‘Imma jiena Alla u nista’ ntik…’ – ‘Iva, imma itlob għalija, għax int tinterċedi għalina.’  Dan hu s-sigriet ta’ Pietru: ‘Pietru jien nitlob għalik biex il-fidi tiegħek ma tiġix nieqsa’ (Lq. 22, 32).

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.