Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġorġ


Fit-23 ta’ April l-Knisja tfakkar lil San Ġorġ, Martri u ħa l-martirju għall-ħabta tas-sena 303.

Ftit li xejn nafu dwar il-ħajja ta’ San Ġorġ. Kulma nafu b’ċertezza dwar dan il-qaddis martri tant famuż hu li hu sofra l-martirju fil-bidu tas-seklu 4, f’Diospolis (jew Lidda) fil-Palestina, aktarx taħt Djoklezjanu. Ma hemmx dubju dwar l-eżistenza tiegħu. Sa mis-seklu 4 kien ġa miqjum f’Diospoli tal-Palestina, fejn ġa kien hemm knisja ddedikata lilu.

Il-qima lejh hi verament ġejja mill-qedem – fuq il-Lvant tal-Baħar tal-Galilea, skrizzjoni tas-sena 367 diġà tirreferi għalih. Il-Griegi dejjem żammew devozzjoni partikulari (bħala patrun tas-suldati) lejn San Ġorġ u jsejħulu l-Megalo-martri (li tfisser il-kbir martri).

Fil-Punent hu kien popolari ħafna bħala l-kavallier-martri. Nibtu ħafna leġġendi dwaru imma li ma għandhomx valur storiku. Li San Ġorġ ħeles lil bint is-Sultan mid-dragun, hi leġġenda li bdiet fl-Italja fis-seklu tnax.

San Ġorġ hu wieħed mill-14-il qaddis protettur Awiżiljatur u hu l-patrun tal-Ingilterra, il-Portugall, il-Ġermanja u tal-ibliet ta’ Ġenova u ta’ Venezja. Hu l-patrun wkoll tal-‘boyscouts’.

Fil-gżejjer Maltin hu meqjum b’mod speċjali fil-parroċċi ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi u fir-Rabat, Għawdex, u hu wieħed mill-qaddisin protetturi ta’ Għawdex.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com