It-Talb għall-fejqan

Print Friendly, PDF & Email

Ħsieb fuq il-pittura ‘San Sebastjan ikkurat minn Irene’, ta’ George de La Tour (1593-1652)

Id-dlam miksur biss minn torċa bi tliet ftieli qed idawwal lill-erba’ nisa miġburin madwar il-ġisem ta’ San Sebastjan. Xena li teħodna fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Dioklezjanu: Sebastjan, ċenturjun fl-armata Rumana, ġie minfud mill-vleġeġ għax għen lill-Insara. Il-lejla wara dan il-martirju, armla twajba, Irene, tersaq mal-qaddejja tagħha lejn Sebastjan mitluq għal mejjet u tfejqu.

Bil-ħwejjeġ antiki li lebsin, it-tliet qaddejja jevokaw in-nisa li qiegħdu lil-Ġesù fil-qabar. Inġibu mll-ġdid in-niket għal Ġesù mejjet: erba’ nisa jħarsu lejn il-ġisem ta’ Sebastjan, bil-kustat minfud inixxi qatra demm, qatra waħda. Sebastjan, minfud minn aktar vleġeġ; narawh bħala Kristu ieħor (alter Christus).

San Sebastjan - pittura ta' Georges de La Tour
San Sebastjan – pittura ta’ Georges de La Tour

Il-vleġġa tolqot lil Sebastjan f’qalbu: il-ġisem abbandunat, il-wiċċ fid-dlam, ix-xuftejn imbexxqa, jidher qisu f’estasi, li tissuġġerixxi l-ambigwità tal-ġerħa li toqtol u li ssalva. Irene tagħtih il-ħajja b’ġest mill-iktar delikat, tmisslu l-polz waqt li terfgħu. B’għajnejha magħluqin, f’wiċċ juri l-paċi u d-dawl tal-ġenna, Irene titlob. Hi tinkarna l-ogħla gradi fis-sellum tat- talb, li jidhru wkoll fil-qagħda tal-qaddejja: il-lamentazzjoni (id-dmugħ), is-supplikazzjoni (l-idejn magħluqiin), l-offerta (l-idejn miftuħin) u l-abbandun assolut u mimli fiduċja fil-volontà tas-Salvatur.

Quddiem il-mard u l-mewt, il-Mulej jistedinni biex nitla’ jien ukoll l-erba’ gradi tas-sellum  tat-talb. Jistedinni nitlob lilu, li Hu l-aqwa tabib tar-ruħ u tal-ġisem u li nixxennaq għas-saħħa, l-aktar għal dik li hi s-saħħa eterna.

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.