Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Mark

Print Friendly, PDF & Email

Fil-25 ta’ April l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Mark, Evanġelista li għex fl-1 Seklu.

San Mark aktarx li kien it-tifel ta’ Marija, dik il-mara armla prominenti fil-komunità Nisranija ta’ Ġerusalemm, li kienet iżżomm laqgħat tal-Insara fid-dar tagħha: u li San Pietru meta ġie meħlus mill-ħabs mar dritt għandha (Atti 12:13).

Probabbilment San Mark ġie mgħammed minn San Pietru stess.

Meta San Pawl u San Barnaba, li kien kuġin ta’ Mark, ġew Ġerusalemm bil-karità li kienu ġabru minn Antjokja, Mark issieħeb magħhom u mar magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju ta’ San Pawl, iżda għal xi raġuni meta kienu f’Perge tal-Pamfilja telaqhom u rritorna Ġerusalemm (Atti 13:13). Minħabba f’hekk San Pawl ma riedx lil Mark jakkompanjah fit-tieni vjaġġ tiegħu, u floku ħa lil Silas. Fuq hekk San Barnaba ma marx ma’ San Pawl, iżda flimkien ma’ Mark mar Ċipru, art twelidu. Imma ftit żmien wara Mark u Pawlu rranġaw id-differenzi ta’ bejniethom u saru ħbieb. Għall-ħabta tas-sena 60, lil Mark insibuh Ruma ma’ dan l-appostlu kbir u kien qed jaħseb biex jirritorna fil-knejjes tal-Asja ż-Żgħira, fejn kien diġà sar magħruf ħafna għall-ħidmiet appostoliċi tiegħu.

Minn Ruma x’aktarx li mar Kolossi, fl-Asja ż-Żgħira. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin fejn talabhom jagħtuh merħba (Kolossin 4:10). Meta San Mark reġa’ mar Ruma, ħadem ma’ San Pietru. Jidher li San Mark xandar l-evanġelju wkoll f’Aquilea, fit-tarf tat-tramuntana tal-Adrijatiku. Minn hemm telaq lejn l-Eġittu u jingħad li hu kien l-ewwel isqof ta’ Lixandra. Mar Efesu. Dan nafuh mill-ittra ta’ San Pawl lil San Timotju fejn talbu jġib lil Mark miegħu (2 Timotju 4:11). Fis-sena 61, San Pawl kiteb lil Timotju f’Efesu, u talbu li jieħu miegħu lil Marku f’Ruma.

F’Ruma, bejn is-snin 60 u 70 w.K., San Mark kiteb l-evanġelju tiegħu, li hu ġabar mit-tagħlim ta’ San Pietru, li tiegħu jidher li kien jagħmilha ta’ segretarju u interpretu – hi kitba għall-pagani konvertiti. San Pietru jsejjaħ lil Marku “ibni”. Dan it-titlu ma jfissirx bilfors li kien għammdu hu; jista’ jkun titlu ta’ mħabba lejn wieħed li għal bosta snin kien miegħu u bin ħabiba antika tiegħu. Il-vanġelju tiegħu hu l-eqdem mill-erba’ vanġelji li għandna. Hu l-iqsar vanġelu, u kitbu bil-Grieg, għax x’aktarx li kien għall-Ġentili kkonvertiti ta’ Ruma. L-iljun bil-ġwienaħ hu s-simbolu tal-Vanġelu tiegħu għax fih iddeskriva ’l San Ġwann Battista bħala “vuċi tgħajjat fid-deżert,” vuċi ta’ ljun; u l-ġwienaħ għax Eżekjel kien ra viżjoni ta’ erba’ annimali bil-ġwienaħ.

Tradizzjoni tgħid li x’aktarx San Mark miet martri f’Lixandra. San Mark hu l-patrun ta’ Venezja; hu l-qaddis protettur wkoll tan-nutara.

Illum hu kważi ċert li dak iż-żagħżugħ li ħarab għarwien mill-Ġetsemani meta arrestaw lil Ġesù , li hu jsemmi fil-Vanġelju tiegħu, kien hu nnifsu.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: