Novena lil San Domenico Savio

Print Friendly, PDF & Email

Duminku Savio twieled f’Riva di Chieri, qrib Turin, fit-2 t’April 1842. Missieru, Karlu, kien jaħdem ta’ ħaddied u ommu, Brigida Gajato, kienet tagħmel xogħol ta’ħajjata. Duminku kien jara l-imħabba t’Alla f’missieru. Tgħidx kemm kien jifraħ meta missieru jiġi lura mix-xogħol.

Malli kiber ftit, Duminku tgħallem igħin il-quddiesa. Ma kienx ifalli u anke fix-xitwa kien imur kmieni tant li mhux l-ewwel darba li wasal qabel ma l-knisja tkun fetħet. Għalhekk kien joqgħod jitlob għarkubbtejh quddiem il-bieb.

Huwa kien daħal fl-Oratorju tas-Salesjani, mmexxi minn San Ġwann Bosco bil-għan li jsir qaddis. U rnexxilu! Huwa miet nhar id-9 ta’ Marzu Kellu 15-il sena nieqes xahar.

Fil-lejl tas-6 ta’ Diċembru 1876, Duminku deher fil-ħolm lil Dun Bosco wkoll. Kellu f’idejh bukkett fjuri b’simbolu li spjegah lil Dun Bosco.


Novena lil San Domenico Savio

L-ewwel jum – 27 ta’ April

San Domenico Savio, agħmel li nkun b’saħħti fil-fidi bħalma kont int. Bħalek irrid niġġieled lill-ħażen bit-talb u s-sagramenti. Bħalek irrid ngħix il-motto “mewt iżda le dnub”. Fit-tentazzjoni, fakkarni f’dan il-motto u agħtini l-kuraġġ li neħtieġ biex nuri fedeltà sħiħa lejn Ġesù. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Illum agħmel xi azzjoni tajba.


It-tieni jum – 28 ta’ April

San Domenico Savio, kull meta għamilt xi ħaġa importanti inti dejjem staqsejt lilek innifsek jekk b’dik il-ħaġa kontx ser tgħin għas-salvazzjoni ta’ ruħek. Għallimni nħaddem il-virtù tal-għaqal biex ngħix ħajti bħala iben jew bint ta’ Alla u mhux tad-dinja. Għinni nħares dejjem lejn is-sema u mhux lejn id-dinja u l-frugħat tagħha. Meta niġi ttentat għad-dnub, għinni nwarrbu biex nikseb il-ferħ ta’ dejjem. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Sib ftit ħin biex taħseb fuq il-vokazzjoni tiegħek fil-ħajja u itlob għall-għajnuna biex tagħmel ir-rieda ta’ Alla.


It-tielet jum – 29 ta’ April 

San Domenico Savio, ħajtek, għalkemm qasira, kienet mimlija ħidma għal Alla. Għinni nagħraf li wasal iż-żmien li jiena wkoll nagħmel xi ħaġa għalih. Tħallini qatt inkun okkażjoni ta’ dnub għall-oħrajn. Għall-kuntrarju, għinni nwassal lil Kristu lill-oħrajn billi ngħallimhom il-veritajiet tal-fidi u nressaqhom lejn il-qrar u t-tqarbin u billi nixhed b’ħajti l-ferħ f’Alla bħalma kont tagħmel int. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Agħmel din il-konsagrazzjoni lill-Madonna: “Madonna, nagħtik qalbi: żommha dejjem qrib tiegħek”.


Ir-raba’ jum – 30 ta’ April

San Domenico Savio, għinni nagħraf li s-safa hu l-akbar teżor u li jekk nitilfu ma jien xejn f’għajnejn Alla. Għinni nwarrab minn quddiemi dak kollu li jtellifni s-safa u ma ninqediex bir-rigali li tani Alla biex bihom nagħmel id-dnub u b’hekk inkun inkisser ix-xogħol ta’ Alla fija. Bl-eżempju tal-ħajja tiegħek għinni ngħożż is-sbuħija tas-safa tul ħajti kollha. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Itlob għall-grazzja li tkun safi/safja.


Il-ħames jum – 1 ta’ Mejju

San Domenico Savio, inti wrejt b’ħajtek li kulħadd jista’ jkun qaddis u li l-vera qdusija ma titlobx aktar minn dak li aħna nifilħu. Bħalek irrid ngħix il-qdusija f’kull ħaġa li nagħmel matul il-ġurnata – fl-ubbidjenza lejn is-superjuri, fit-talb ta’ kuljum, fix-xogħol u fil-qrar u t-tqarbin ta’ spiss. Għinni biex bħalek ma naqtax qalbi quddiem id-diffikultajiet, iżda nsib l-għajnuna f’Alla. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Agħmel mill-aħjar li tista’ kull biċċa xogħol li tagħmel illum.


Is-sitt jum – 2 ta’ Mejju

San Domenico Savio, għinni nagħraf li l-qrar hu s-sagrament tal-imħabba ta’ Alla. Midneb kemm jien midneb, Ġesù qiegħed jistennieni, lest biex jaħfirli. Għinni biex inqerr dnubieti sewwa, bl-umiltà, bis-sinċerità u bil-fehma li ma nerġax. Bħalek għinni nimxi fuq il-pariri tal-konfessur biex naħrab l-okkażjoni tad-dnub u hekk nikber fil-qdusija. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Agħmel qrara tajba.


Is-seba’ jum – 3 ta’ Mejju

San Domenico Savio, għinni nagħraf x’teżor kbir tani Alla fit-tqarbin imqaddes, teżor li nista’ nieħdu xħin irrid. Għalfejn mela għandi niċċaħħad spiritwalment minnu meta Alla nnifsu għamilha hekk faċli li nista’ nirċevih ta’ spiss? Xi bluha tkun jekk nitlef tqarbina għalxejn! Għinni biex nagħmel tqarbina tajba, għaliex minn hekk biss jiġu l-ferħ u l-qdusija tiegħi. Kabbar fija l-imħabba lejn Ġesù fl-Ewkaristija. Amen.

 Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Itlob lil Ġesù biex iżżomm qalbek nadifa.


It-tmien jum – 4 ta’ Mejju

San Domenico Savio, inti fhimt li d-devozzjoni lejn Omm Alla hija waħda mit-triqat żguri tas-salvazzjoni. Kont titlobha kuljum, kont tgħid ir-rużarju bil-qalb, sofrejt, ħdimt u studjajt għall-imħabba tagħha. Għinni biex bħalek nibqa’ dejjem qrib ta’ Marija, biex b’hekk hi tkun il-gwida għas-salvazzjoni tiegħi. Għinni nuża għajnejja tajjeb biex ġurnata nara l-ġmiel tagħha fil-ġenna. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Agħmel żjara lil xi knisja tal-Madonna jew xbieha tagħha.


Id-disa’ jum – 5 ta’ Mejju

San Domenico Savio, nammira l-għerf tiegħek li inti wżajt biex issalva ruħek u dik ta’ oħrajn. Nammira l-kuraġġ li kellek meta ppreferejt li tmut milli tagħmel imqar dnub wieħed. Għinni nieħu ħsieb is-salvazzjoni ta’ ruħi aktar minn kull ħaġa oħra. Għallimni niġġieled kontra l-ħażen u kontra x-xewqat ħżiena ġewwa fija. Għinni biex qatt ma naqta’ qalbi fil-ġlieda kontra l-ħażen, biex b’hekk ġurnata ngawdi miegħek fil-ġenna. Amen.

Missierna, Sliema u Glorja.

San Domenico Savio, itlob għalina.

Fjurett: Agħmel qrara tajba u tqarbina devota u kkonsagra ruħek lill-Madonna.


TALBA LIL SAN DOMENICO SAVIO

San Domenico Savio, li fuq it-tagħlim ta’ San Ġwann Bosco, fi tfulitek, għaraft timxi fit-triq tal-qdusija, għinna biex bħalek nikbru fl-imħabba lejn Ġesù u Ommu Marija u fil-ħeġġa għall-ġid tal-erwieħ. Agħmel li aħna wkoll bħalek inkunu tal-fehma li aħjar immutu milli nagħmlu d-dnub, biex hekk naslu għall-glorja tas-Sema. Amen.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: