Tberik tal-Familji

Print Friendly, PDF & Email

L-Isqof u l-Kappillani fid-Djoċesi ta’ Għawdex qed iħeġġu li, peress li mhux qed isir it-Tberik tal-Familji, kull familja tinġabar flimkien għal dan ir-Rit tat-Tberik b’tifkira tal-Magħmudija tagħna. Dan jista’ jitmexxa mill-missier jew l-omm, waqt li l-qari mill-Bibbja u t-talbiet jista’ jaqrahom membru ieħor tal-familja. Kif naqraw fir-rit innifsu, “kull mgħammed jista’ jitlob il-barka, il-ġenituri jistgħu jbierku lit-tfal u lil xulxin, bħalma jbierku l-ikel”.

TIFSIRA TAR-RIT
Meta kien fuq din l-art, Ġesù bagħat lid-dixxipli tiegħu fl-ibliet u fl-irħula fejn kien sejjer hu, u qalilhom: “Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’” (Lq 10:5).
Ir-Rit tat-Tberik jista’ jitmexxa minn kull min hu mgħammed, bl-istess mod kif it-tfal jistgħu jitolbu u jirċievu l-barka mingħand il-ġenituri jew in-nanniet tagħhom. Għal dan it-tberik ikun hemm bżonn kopja ta’ dan ir-rit (waqt it-talb, il-kliem bl-aħmar ma jinqarax; tajjeb li l-kliem bl-aħmar jinqara mill-mexxej qabel jibda t-talb). Jekk il-familja jkollha l-ilma mbierek id-dar, tħejjih biex tużah. Il-familja tista’ tinġabar madawar xbieha ta’ Ġesù, madwar il-mejda tal-ikel, jew f’post ieħor xieraq.

IR-RIT TAT-TBERIK
Il-familja tinġabar flimkien. Wieħed mill-ġenituri jew wieħed mill-membri tal-familja jmexxi t-talb.

Mexxej: Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Kulħadd: Ammen.

Mexxej: Ikun imbierek Alla l-Missier tagħna,
u l-Mulej tagħna Ġesù Kristu
li jagħtina l-grazzja u s-sliem tiegħu.
Kulħadd: Imbierek Alla għal dejjem.
Imbagħad issir it-tifsira tar-rit. Tajjeb li fejn hemm it-tfal, il-ġenituri jfissru r-rit fi kliemhom b’mod li jinftiehem minn kulħadd.

Mexxej: Għeżież, b’din iċ-ċelebrazzjoni qegħdin insejħu fuqna l-barka ta’ Alla. Permezz tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u permezz tat-talb, il-Mulej isaħħaħ l-għaqda ta’ bejnietna u u jwettaqna fil-fidi. Hekk aħna nkunu nistgħu ngħixu skont il-Vanġelu, naqdu l-missjoni tagħna, u nkunu xhieda ta’ Kristu quddiem id-dinja.

Xi ħadd mill-membri tal-familja jaqra waħda minn dawn is-siltiet mill-Iskrittura:
Isimgħu, ħuti, il-kelma tal-Mulej mill-Vanġelu skont San Mattew 7:24-27
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kull min jisma’ dan kliemi u jagħmel li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem għaqli li bena daru fuq il-blat. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, iżda ma ġġarrfitx għax kellha s-sisien tagħha fuq il-blat. Imma kull min jisma’ dan kliemi u ma jagħmilx li qiegħed ngħid jien, isir jixbah lil bniedem iblah li bena daru fuq ir-ramel. Niżlet ix-xita, ġew il-widien, qamu l-irwiefen u ħabtu fuq dik id-dar, u ġġarrfet; u kbira kienet il-qerda tagħha!”.

jew
Isimgħu, ħuti, kliem l-Appostlu Missierna San Pawl lill-Efesin 4:1-6
Inħeġġikom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin: billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu lil xulxin. Ħabirku biex iżżommu Spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem, ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda: Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda, Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li jsaltan fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd.

Tajjeb li fejn hemm it-tfal, il-ġenituri jagħtu tifsira qasira ta’ dak li jkun inqara.
Wara, isiru t-Talbiet tal-fidili:

Mexxej: Fiċ-ċokon tagħna ejjew nitolbu lil Kristu jħares fil-ħniena tiegħu lill-familja tagħna, aħna u ngħidu: Ibqa’ magħna, Mulej.

Kulħadd: Ibqa’ magħna, Mulej.

Mexxej: Qaddes bil-preżenza tiegħek lil din il-familja tagħna. Ibqa’…
Żommna marbutin flimkien bir-rabta ta’ mħabbtek. Ibqa’…
Agħtina l-grazzja tiegħek u fawwarna bid-doni tiegħek. Ibqa’…
Kun il-faraġ tagħna fin-niket u l-mexxej tagħna fil-ferħ. Ibqa’…
Agħti l-mistrieħ ta’ dejjem lill-mejtin kollha. Ibqa’…
Ejjew nitolbu
kif għallimna u riedna nagħmlu l-Iben ta’ Alla
għas-salvazzjoni tagħna:
Flimkien: Missierna, li inti fis-smewwiet…

Mexxej: Inberkuk, Mulej,
għaliex ridt li Ibnek magħmul bniedem
ikollu sehem f’familja tal-bnedmin,
jikber fi ħdanha, jagħraf it-tħassib tagħha
u jduq l-hena tagħha.
Fiċ-ċokon tagħna, għalhekk, Mulej,
nitolbu għal din il-familja tagħna:
ħarisha u għożżha,
biex, imqawwija bid-don tal-grazzja tiegħek,
tgawdi r-risq, tistagħna bis-sliem,
u, bħala knisja tad-dar,
tagħti xhieda quddiem id-dinja
tal-glorja tiegħek.
Bi Kristu Sidna.

Kulħadd: Ammen.

Jekk il-familja jkollha l-ilma mbierek, il-mexxej jista’ jroxxu fuq il-membri tal-familja u fid-dar.     Fl-aħħar, il-mexxej jagħlaq it-talb billi jgħid:

Mexxej: Il-Mulej Ġesù, li għammar f’Nazaret mal-familja tiegħu,
jibqa’ dejjem jgħammar fil-familja tagħna,
iħarisna minn kull deni
u jagħtina li nkunu qalb waħda u ruħ waħda bejnietna.

Kulħadd: Ammen.

Mexxej: Inbierku lill-Mulej.

Kulħadd: Irroddu ħajr lil Alla.

 

Niżżel t-test bil-Malti …

Niżżel t-test bl-Ingliż …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: