Ħsibijiet miċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo


Hekk kif faqqgħet il-Covid-19 il-Mulej ried, bi grazzja kbira għalija bħala Patri Kapuċċin li minn qaddisu u msejjaħ li jaħdem mal-morda fl-isptarijiet, li nsib ruħi ngħix fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Ngħix mit-Tnejn sal-Ħadd hawn. U, għal dan il-perjodu tal-coronavirus, il-kunvent sar għalija l-isptar. Hekk inħoss b’kuxjenza serena, nadifa u ferħana issemmiex li għandi nwieġeb lil kull min jistaqsini x’qed nagħmel bħalissa waqt il-pandemija tal-coronavirus.

Għax, waqt il-bżonn, x’jiġi l-ewwel? Il-liġi jew l-imħabba? Jekk tiġi l-liġi allura l-qalb għadha tal-ġebel. Jekk tiġi l-imħabba l-ewwel allura s-Saltna tal-Mulej qiegħedha fostna! Fil-familji u fil-kunventi tagħna! Għax qiegħdha, iva, f’qalbna! Fl-aħħar! U f’kamarti tal-isptar għandi x’jgħini u xi jfakkarni dwar dan tafux! Għandi x-xbieha mqaddsa tal-Ħniena Divina li persuna tagħtni meta kont il-Polonja s-sena l-oħra. Għax, tassew, din ix-xbieha turini li l-Kaptan f’ħajti mhux jien jew ta’ madwari, li nħokk, ninbarax u ninstelaħ magħhom. Imma, il-Kaptan tiegħi, hu HU BISS! Ġesù! Għax ħadd daqsu ma jirranġa l-affarijiet kif jirranġahom Hu! U, jekk xi ħadd għandu l-iċken dubju, nistiednu jittawwal naqra sad-Djarju li kitbet Santa Fawstina.

Kos hux! Kemm nara xebħ kbir bejn il-Ħniena Divina u ċ-Ċentru tal-Onkoloġija! Għax x’inhi l-ħajta tad-deheb li tgħaqqad dawn iż-żewġ rejaltajiet daqshekk flimkien u ddommhom f’rejaltà waħda ta’ fejqan? Jekk mhux il-ħniena? Mill-esperjenza li qed jagħtini l-Mulej f’dan l-isptar, fejn qiegħed norqod inqum hawn, bi grazzja kbira tal-Mulej Ġesù, minn filgħodu sa filgħaxija, mit-Tnejn sal-Ħadd, nara s-sbuħija tal-ħniena! Kemm hi sabiħa l-ħniena! L-ewwel nett, il-ħniena iġġib dik it-tbissima fuq ix-xufftejn. Liema tbissima tiswa daqs l-isbaħ xemx li tkun qed iddawwal bir-raġġi tagħha kwalunkwe jum tas-sena.

Imbagħad, dik it-tbissima, titfa rejaltà oħra li qiegħdha ddur mhux biss fost il-pazjenti u l-familjari tagħhom imma wkoll fina, il-membri tal-istaff tal-ħaddiema, ta’ dan iċ-Ċentru. It-tbissima sinċiera tagħtina t-tama! U ħbieb, it-tama tħossha tafux! U meta ngħid tama żgur li minix qed nitħaddet minn xi forma ta’ ottimiżmu li jaf itir mar-riħ. Għalkemm dan hu mportanti. It-tama hi virtù li tmur lil hinn minn dak li sempliċi ottimiżmu jista’ jagħtina. F’dan ir-rigward kemm laqagħtni ħbieb il-kliem li qal Papa Franġisku fil-Velja tal-lejl Qaddis tal-Għid fl-omelija li għamel fil-bażilika ta’ San Pietru, meta qaddes fuq l-altar tal-Katedra, nhar is-Sibt 11 t’April 2020:

llejla niksbu jedd fundamentali, li ma jistax jitteħdilna: il-jedd għat-tama. Hija tama ġdida, ħajja, li ġejja minn Alla. Mhix sempliċi ottimiżmu, mhix taptipa fuq l-ispallejn jew inkuraġġiment taċ-ċirkustanza, jew tbissima tal-mument. Le. Hija don tas-Sema, li waħidna ma stajniex niksbuh. Kollox għad ikun sew, qed ngħidu b’ton sod f’dawn il-ġimgħat, waqt li niggranfaw mal-ġmiel tal-umanità tagħna u ngħollu minn ġo qalbna kliem ta’ inkuraġġiment. Imma, aktar ma jgħaddi ż-żmien u jiżdied il-biża’, anki l-aktar tama soda tista’ tgħib fix-xejn. It-tama ta’ Ġesù hi differenti. Tqiegħed fil-qalb iċ-ċertezza li Alla jaf idawwar kollox għall-ġid tagħna, għax imqar mill-qabar hu joħroġ il-ħajja.

U x’hawn idur fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija jekk mhux din it-tama ġdida? Tama ġejja minn Alla? Tama li tmur ħafna lil hinn minn dik in-naqra ta’ taptipa tal-ispallejn jew l-inkuraġġiment tal-mument? Tas-soltu? Tama li hi don tas-Sema? It-tama ta’ Ġesù? It-tama li tqiegħed fil-qalb ta’ min qed ibati u dawk ta’ madwaru dik il-qaddisa ċertezza li l-Mulej tabilħaqq jaf idawwar kollox għall-ġid? Għax imqar mill-qabar tas-sitwazzjoni jaf joħroġ il-ħajja?

Mhux dan hu li tabilħaqq qed jiġri kontinwament fiċ-Ċentru Onkoloġiku? Min jaf kemm tbierku, qed jitbierku u se jitbierku nies minn dan il-post ta’ tant tbatija għax, tassew, hu l-post ta’ tant tama? Li ma teħilx mas-sitwazzjoni iebsa tal-mument iżda tmur fuq li tmur ‘il bogħod? U kemm, f’dawn il-waqtiet iebsa, l-aktar bħalissa, fejn l-attenzjoni ta’ kulħadd u tal-midja hi mixruba mill-Covid-19 u kważi xejn fuq il-pazjenti tal-onkoloġija u l-familjari tagħhom, li tant qed ibatu fis-skiet? U, b’mod speċjali, dwar l-istaff tal-Onkoloġija li tant jaħdem minn qalbu biex, fis-servizz li jagħti, ir-raġġi tal-Ħniena ta’ Kristu jilħqu lil kulħadd? U, filwaqt li jnixxfu ċ-ċelloli tal-iskuraġġiment u l-qtiegħ il-qalb isaħħu ċ-ċelloli tat-tama?

Waqt li l-pulmuni tiegħi qed jiġu mbierka u msaħħa minn din l-arja qaddisa u nadifa li qed nieħu fl-Isptar tal-Onkoloġija irrid minn qalbi nfakkar li anki hawn il-krejattività tal-imħabba mhix nieqsa! Anzi! Aktar ma tkun kbira t-tbatija aktar l-imħabba fl-Onkoloġija titkattar! Għax issir Ġisem il-Mulej li jinqasam biex jittiekel mill-kotra. U Demm il-Mulej li jitqassam biex jinxtorob. Kemm hi sabiħa l-fraternità li tinħoloq ma’ min qed ibati! U kemm jagħmlu sens il-kelmiet ta’ Papa Franġisku li qal nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2020, fi Pjazza kompletament vojta u fejn is-soltu lanqas labbra ma toqgħod, f’dik ta’ San Pietru fil-Vatikan:

Li nħaddnu s-salib tiegħu jfisser insibu l-kuraġġ li ngħannqu magħna t-tbatija kollha ta’ bħalissa, inwarrbu ftit għall-ġenb il-kilba tagħna għall-poter u għall-ġid biex nagħmlu wisa’ għal dik il-kreattività li l-Ispirtu waħdu jista’ jqanqal fina. Ifisser insibu l-kuraġġ li niftħu spazji fejn kulħadd jista’ jħossu msejjaħ u nħallu jinbtu għamliet ġodda ta’ ospitalità, ta’ fraternità u ta’ solidarjetà. Bis-salib tiegħu ġejna mifdija biex nilqgħu t-tama u nħallu lilha tqawwi u twieżen il-miżuri u t-toroq kollha possibbli li jistgħu jgħinuna nħarsu ruħna u nħarsu lill-oħrajn. Nitgħannqu mal-Mulej biex inħaddnu t-tama: din hija l-qawwa tal-fidi, li teħles mill-biża’ u trodd it-tama.

Huwa hawn li rrid nirringrazzja minn qalbi lil ħuti l-Patrijiet Kapuċċini Patri Ilarju Abela u Patri Vincent Buhagiar tas-servizz mill-iprem li qed jagħtu hawnhekk fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija! Kemm nifraħ meta, kulfejn isejjaħli l-Mulej biex immur f’dan l-Isptar, ma nismax ħlief kliem ta’ apprezzament li qed jingħadli fuqhom! Nifraħ! Għax dawn il-Kapuċċini ta’ vera, bħal ħafna Patrijiet Kapuċċini oħra li ħadmu jew għadhom qed jaħdmu fl-isptarijiet, fil-ħabs u ma’ nies fil-bżonn, fehmu l-għaliex huma Kapuċċini! Infaħħarhom! Inxandarhom! U nberikom! Għax huma ġebel ħaj fid-Dar tal-Mulej!

Issa se nieqaf biex nieqaf ma’ Kristu fil-marid/a, fil-familjari tal-pazjent/a, u fil-membri tal-istaff. Għax, fl-imħabba ma hemmx biża’. Anzi! L-imħabba sħiħa tkeċċi l-biża’ ‘l barra (1 Ġw 4:18).

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.