Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għal dawk li mietu minħabba l-pandemija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 5 ta’ Mejju 2020: Illum nitolbu għal dawk li mietu minħabba l-pandemija.  Mietu waħedhom, bogħod mill-għeżież tagħhom, u ħafna minnhom bla ma lanqas kellhom funeral.  Il-Mulej jilqagħhom fil-glorja.

OmelijaAtteġġjamenti li ma jħalluniex insiru nafu lil Ġesù

Il-festa tal-Għid kienet qrib u Ġesù kien fit-tempju (cfr. Ġw. 10, 22-30).  Dak iż-żmien ukoll, il-Lhud resqu fuqu u bdew jgħidulu: ‘Kemm se ddum taqlgħalna ruħna?  Jekk inti l-Messija għidilna ċar u tond’ (v. 24).  Dawn kienu jtellfulek is-sabar imma b’kemm manswetudni Ġesù jweġibhom: ‘Għidtilkom imma intom ma temmnux’ (v. 25).  Komplew jgħidulu: ‘Imma int, żgur int?’ – ‘Iva, għidtilkom, imma intom ma temmnux.  Intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi’ (v. 26).  U dan forsi jqanqal fina ftit dubju: jiena nemmen u wieħed min-nagħaġ ta’ Ġesù.  Imma kieku Ġesù kellu jgħidilna: ‘Intom ma tistgħux temmnu għax m’intomx parti (mill-merħla)’?  Hemm fidi li tiġi qabel il-laqgħa ma’ Ġesù?  Xi jfisser li jkollok sehem mill-fidi ta’ Ġesù?  X’inhu dak li jwaqqafni quddiem il-bieb, quddiem Ġesù?

Hemm atteġġjamenti li jantiċipaw l-istqarrija ta’ Ġesù.  Għalina wkoll, aħna li nagħmlu parti mill-merħla ta’ Ġesù, qishom ‘antipatiji preġudikati’ li ma jħalluniex nimxu ’l quddiem fl-għarfien tal-Mulej.

L-ewwel fost dawn l-atteġġjamenti huwa l-għana.  Ħafna minna, li dħalna mill-bieb tal-Mulej, nieqfu hemm u ma nibqgħux mexjin għax imjassrin mill-għana.  Il-Mulej kien iebes dwar l-għana; kien iebes ħafna u ħafna.  Sa wasal jgħid li aktar ħafif li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli li bniedem għani jidħol fis-saltna tas-smewwiet (cfr. Mt. 19, 24).  Iebsa din.  L-għana ma jħalliniex nimxu ’l quddiem.  Allura jfisser li għandna naqgħu fil-faqar?  Le. Imma ma nkunux ilsira tal-għana, ma ngħixux għall-flus, għax l-għana hija sid, sid id-dinja, u ma nistgħux naqdu żewġ sidien (Lq. 13, 16).  Il-flus iwaqqfuna.

Ħaġ’oħra li ma tħalliniex navvanzaw fl-għarfien tal-Mulej, ma tħalliniex inkunu tal-Mulej, hija r-riġidità: ir-riġidità tal-qalb, ir-riġidità fl-interpretazzjoni tal-liġi.  Ġesù jlum lill-fariżej, lid-dutturi tal-Liġi minħabba dir-riġidità (cfr. Mt. 23, 1-36).  Din mhix fedeltà: il-fedeltà hija dejjem don lil Alla.  Ir-riġidità hija serħan ir-ras, tagħmilni ċert minni nnifsi.  Niftakar darba kont dieħel fil-parroċċa u waħda mara, mara tajba, resqet lejja u qaltli: ‘Padre, nixtieq parir.  Is-Sibt tal-ġimgħa l-oħra mort mal-familja għal tieġ li kien bil-quddiesa.  Kien waranofsinhar u dehrilna li b’dik il-quddiesa konna qed nissodisfaw il-preċett tal-Ħadd.  Imma meta mort lura d-dar, ftakart li l-qari tal-quddiesa ma kienx tal-Ħadd.  U hekk indunajt li għamilt dnub mejjet għax il-Ħadd ma mortx quddies minħabba li kont mort is-Sibt.  Għax dik il-quddiesa ma kinitx tajba minħabba li l-qari kien differenti.’  Dik hi r-riġidità…  Dik il-mara kienet membru ta’ għaqda tal-Knisja… Riġidità.  Dan ibegħidna mid-dehen li nkunu nafu lil Ġesù, ineħħilek il-libertà.  Hawn ħafna rgħajja li fil-qlub tal-fidili tagħhom ikattru dir-riġidità, u dir-riġidità ma tħalliniex nidħlu mill-bieb ta’ Ġesù.  Aktar importanti nosservaw il-liġi fl-irqaqat jew kif ninterpretawha, milli l-libertà li nimxu ’l quddiem u nsegwu lil Ġesù.

Ħaġ’oħra li ma tħalliniex nimxu ’l quddiem fl-għarfien ta’ Ġesù hija l-għażż.  Dik it-telqa… Niftakru f’dak ir-raġel ħdejn il-menqgħa: 38 sena mixħut hemm (cfr. Ġw. 5, 1-9).  L-għażż imewwet fina r-rieda li nimxu ’l quddiem.  Kollox ‘iva, forsi…’, ‘mhux issa…’, li jmexxik lejn il-bruda, jirrendik biered.  L-għażż huwa ħaġ’oħra li ma tħalliniex nimxu ’l quddiem.

Ħaġ’oħra kerha mhux ħażin hi l-atteġġjament klerikalista.  Il-klerikaliżmu jieħu post Ġesù.  Jgħid: ‘Le, dan għandu jsir hekk, hekk u hekk…’ – ‘Imma, l-Imgħallem…’ – ‘Ħallik mill-Imgħallem, dan hekk għandu jsir u jekk ma tagħmilx hekk, int ma tistax tidħol!’  Klerikaliżmu li jneħħi l-libertà tal-fidi ta’ min jemmen.  Din hi marda kerha fil-Knisja: l-atteġġjament klerikalista.

Imbagħad ħaġ’oħra li ma tħalliniex nimxu ’l quddiem, li ma tħalliniex nidħlu biex insiru nafu lil Ġesù u nistqarru lil Ġesù, hija l-ispirtu tad-dinja:  meta l-osservanza tal-fidi, il-prattika tal-fidi ssir mondanità, kollox isir tad-dinja.  Naħsbu ftit fiċ-ċelebrazzjoni ta’ ċerti sagramenti f’ċerti parroċċi: kemm naraw mondanità fihom!  U ma nkunux qed nifhmu sewwa l-grazzja tal-preżenza ta’ Ġesù.

Dawn huma l-affarijiet li jwaqqfuna milli jkollna sehem min-nagħaġ ta’ Ġesù.  Jekk aħna ‘nagħaġ’ li jiġru wara dawn l-affarijiet kollha – l-għana, l-għażż, ir-riġidità, il-mondanità, il-klerikaliżmu, l-ideoloġiji ta’ stili ta’ ħajja – aħna neqsin mil-libertà. U ma nistgħux nimxu wara Ġesù mingħajr libertà.  ‘Imma kultant il-libertà tesaġera u bniedem jiżloq.’  Minnu!  Nistgħu niżolqu minħabba l-libertà.  Imma jkun ferm agħar jekk niżolqu qabel ma nibdew, minħabba dawn l-affarijiet li ma jħalluniex nibdew mexjin.

Il-Mulej idawwalna biex ngħarblu lilna nfusna u nifhmu jekk għandniex il-libertà li ngħaddu mill-bieb li hu Ġesù biex insiru merħla, biex insiru nagħaġ tal-merħla tiegħu.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Leave a Reply

%d bloggers like this: