Fid-9 ta’ Mejju l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ġorġ Preca, Saċerdot Malti u Fundatur tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija li għex bejn is-snin 1880 sa 1962.
San Ġorġ Preca twieled il-Belt Valletta nhar it-12 ta’ Frar, 1880. Il-ġenituri tiegħu kienu Vinċenzo Preca u Natalina Cervalo. Il-ħajja Nisranija bdieha fis-17 ta’ Frar, meta tgħammed fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Portu Salvu jew ta’ San Duminku, fil-Belt Valletta. Ma kienx jinqala’ wisq għal-logħob, imma ġieli daħal f’xi bawxata. Darba wieħed żagħżugħ b’saħħtu dendlu maċ-ċinta ta’ San Gejtanu u werwru.
Ta’ madwar 17-il sena, ħdejn il-Mall tal-Furjana, iltaqa’ ma’ wieħed mill-għalliema tiegħu tal-Liċeo, Dun Ercole Mompalao, u dan qallu: “Preca, int għad tikber, u nies li jirrispettaw lil Alla jidħlu fil-familjarità miegħek u inti magħhom. Int għad issib xortik permezz tagħhom u huma għad isibu xortihom permezz tiegħek.” Wara l-istudji tiegħu fil-Liċeo, daħal is-Seminarju jitħejja għal saċerdot. Fit-8 ta’ April, 1905 miet Dun Alwiġ Galea, il-konfessur ta’ Ġorġ. Preca kien jirrakonta li ftit wara mewtu, Dun Alwiġ deherlu f’ħolma u qallu: “Lilek Alla għażlek biex tgħallimlu ’l-poplu tiegħu.” F’żgħożitu dan il-kliem ta’ Dun Ercole sar verità meta bi skuża ta’ sigarett, tħabbeb ma’ grupp ta’ żgħażagħ ta’ Luċitu fil-Ħamrun.
Ftit qabel ma ġie ordinat saċerdot, Ġorġ Preca, żviluppa komplikazzjonijiet fil-pulmun u skont il-professur ma kienx fadallu wisq ħajja. Imma Alla ried mod ieħor u nhar it-22 ta’ Diċembru, 1906 ħa l-quddiesa.
Beda jlaqqa’ lill-grupp taż-żgħażagħ u nhar it-2 ta’ Frar iltaqgħu fil-knisja Ta’ Nuzzo, il-Ħamrun, għal lezzjoni tiegħu. Nhar is-7 ta’ Marzu ltaqgħu għall-ewwel darba f’post ċkejken li kienu krew f’nru. 6, Triq Fra Diegu, il-Ħamrun. Dawn iż-żewġ dati jimmarkaw it-twaqqif tas-Societas Doctrinae Christianae (Soċjetà tad-Duttrina Nisranija): grupp ta’ żgħażagħ lajċi ffurmati fil-ħajja tar-ruħ u fil-prinċipji tar-Reliġjon Kattolika, mibgħuta biex jgħallmu lill-poplu.
L-għaqda mwaqqfa minn Dun Ġorġ kellha l-mumenti iebsin tagħha. Fl-1909, Dun Ġorġ irċieva l-ordni li jagħlaq l-oqsma kollha. Il-qaddej ta’ Alla obda bi qsim il-qalb iżda mingħajr tlaqliq. Kienu l-kappillani stess li insistew li tiġi rrevokata l-ordni tal-Vigarju Ġenerali Mons. Salvatore Grech.
Bejn l-1914 u l-1915, bdew jidhru fil-ġurnali lokali xi artikli kontra l-M.U.S.E.U.M. li kienu mimlijin disprezz u inġurji. Dun Ġorġ impona fuq il-membri tiegħu l-vot jew wegħda tal-manswetudni li biha ntrabtu li jaħfru mill-qalb lil min ikasbarhom u kien jinsisti magħhom biex “iħobbu d-disprezzi” u ma jħallux li dawn itellfulhom il-paċi ta’ qalbhom.
Fl-1916, l-Isqof Dom Mauro Caruana ordna li ssir inkjesta dwar is-Soċjetà. Wara ħafna taħbit u umiljazzjonijiet għall-fundatur, l-istess Isqof Caruana approva s-Soċjetà. Id-digriet tal-erezzjoni kanonika jġib id-data tat-12 ta’ April, 1932.
Għall-bidu, Dun Ġorġ sejjaħ l-għaqda tiegħu Societas Papiduum et Papidissarum jew “Xirka ta’ Ulied il-Papa” għaliex ried jisħaq fuq il-lealtà lejn il-Papa. Intant, iżda, kważi b’ċajta, il-post fejn kienu jiltaqgħu l-ewwel soċji ngħata l-laqam ta’ ‘museum’ (mużew) u biż-żmien il-laqam tal-post sar l-isem tal-għaqda, u baqa’. Dun Ġorġ fassal akrostiku mill-kelma “M.U.S.E.U.M” bil-Latin: “Magister Utinam Sequatur Evangelium Universus Mundus!” (Mgħallem, li kien id-dinja kollha timxi fuq l-Evanġelju!). Il-fergħa tan-nisa bdiet Raħal Ġdid fl-1910 bl-għajnuna ta’ Ġannina Cutajar li wara saret l-ewwel Superjura Ġenerali.
Dun Ġorġ, kien magħruf ma’ kulħadd bħala bniedem ta’ Alla u n-nies kienu jfittxuh bi ħġarhom għax kliemu ma kienx dak tas-soltu, kliemu kien iqanqal il-qlub ta’ kulħadd. Fuq kollox in-nies jibqgħu jiftakruh għall-imħabba li kellu lejn Alla u lejn il-proxxmu. Kien bniedem ta’ umiltà, tant li xtaq li ma’ mewtu jintesa. Ħajtu kienet prietka ta’ manswetudni. Kien jimxi bil-ħlewwa ma’ kulħadd u ħafer b’mod sinċier lil kull min għamillu l-ħsara.
San Ġorġ ma qagħadx lura milli jgħallem bil-kitba. Minkejja l-kwistjoni li kien hawn f’Malta bejn it-Taljan u l-Ingliż, Dun Ġorġ għallem u kiteb bil-Malti, il-lingwa tal-poplu, biex żgur kulħadd jifhem. Il-Publikazzjonijiet tiegħu, bejn kotba u fuljetti, ilaħħqu mal-150. It-talb tiegħu, li minnu waslilna ħafna u fuq bosta suġġetti, jikxef li Dun Ġorġ kien ruħ mistika mehdija tfittex lil Alla biss. Mhux ta’ b’xejn li kien konfessur imfittex ħafna għall-pariri, u jidher li Alla saħansitra nqeda bih biex ta l-fejqan lil xi wħud.
Il-kariżma tiegħu li jgħallem għadha ħajja u l-vokazzjonijiet fis-Soċjetà tiegħu dejjem jiżdiedu. Fi żmienu, Dun Ġorġ innifsu bagħat sitt membri biex jevanġelizzaw fl-Awstralja. Bħalissa s-Soċjetà tal-M.U.S.E.U.M. għandha wkoll Djar tat-tagħlim u Skejjel fis-Sudan, fil-Kenja, fil-Peru, f’Londra u fl-Albanija.
Dun Ġorġ Preca ħadem kemm felaħ biex ixerred it-tagħlim tal-Evanġelu fil-gżejjer Maltin. Bla dubju, kien appostlu tal-kelma ta’ Alla, speċjalment tal-Evanġelu li kien isejjaħlu “Leħen il-Maħbub.” Kien jaqra l-qlub tal-bnedmin u kien imżejjen bid-don sopranaturali li jħabbar bil-quddiem dak li kellu jseħħ. Kien b’danakollu saċerdot ta’ umiltà kbira, twajjeb, ħelu, ġeneruż. Kien ragħaj qaddis tal-poplu ta’ Alla.
Stinka ħafna biex tinxtered id-devozzjoni lejn il-misteru tal-inkarnazzjoni. Sa mill-1917, beda jqanqal il-qima lejn il-kliem mill-Vanġelu ta’ San Ġwann, “Verbum Dei Caro Factum Est” (Ġwanni 1, 14). Ried li s-soċji jilbsu badge b’dan il-kliem. Mill-1921 ħa ħsieb li f’kull raħal u belt, lejlet il-Milied, tiġi organizzata ‘dimostrazzjoni ad unur ta’ Ġesù Bambin’, użanza li daħlet sew fost id-drawwiet sbieħ tal-Milied malti.
Fil-mumenti diffiċli ta’ ħajtu u tas-soċjetà tiegħu, Dun Ġorġ Preca tgħallem jafda fil-ħarsien qawwi ta’ sidtna Marija. Nhar il-21 ta’ Lulju, 1918 inkiteb bħala terzjarju Karmelitan u fil-professjoni li għamel f’Settembru, 1919 għażel l-isem ta’ Patri Franku. Ried li t-tfal kollha li jattendu l-M.U.S.E.U.M jinkitbu fil-labtu tal-Karmnu u kellu devozzjoni speċjali lejn il-Madonna tal-Bon Kunsill (ara Madonna tal-Bon Kunsill). Xerred kemm felaħ id-devozzjoni lejn il-Midalja Mirakoluża (ara l-Madonna tal-Midalja Mirakoluża) u minħabba f’hekk il-knisja tad-Dar Ċentrali fil-Blata l-Bajda hi ddedikata lilha.
Fit-2 ta’ Ottubru, 1952 il-Papa Piju XII ħatar lil Dun Ġorġ bħala Kamrier Sigriet bit-titlu ta’ Monsinjur. Dun Ġorġ tnikket ħafna minħabba din l-onorifiċenza. Dun Ġorġ Preca miet fid-dar “San Gejtanu,” Triq il-Parroċċa, Santa Venera, Malta, nhar il-Ħamis filgħaxija tas-26 ta’ Lulju, 1962. Huwa ried funeral sempliċi, iżda sarlu wieħed li fih ħadu sehem l-ogħla awtoritajiet tas-soċjetà Maltija u eluf kbar ta’ nies. Indifen fil-kripta taħt il-knisja tal-Madonna tal-Midalja Mirakoluża fil-Blata l-Bajda, li malajr saret post ta’ pellegrinaġġi.
Il-miraklu approvat għall-beatifikazzjoni sar f’Raħal Ġdid nhar it-3 ta’ Frar, 1964 meta Charles Zammit Endrich fieq f’daqqa minn distakk tar-retina wara li qiegħed taħt rasu relikwja ta’ Dun Ġorġ.
Il-Kawża ta’ Beatifikazzjoni tiegħu ġiet mibdija fl-1975. Dun Ġorġ kien iddikjarat Beatu fid-9 ta’ Mejju, 2001 mill-Papa Ġwanni Pawlu II waqt quddiesa ta Beatifikazzjoni fuq il-Fosos tal-Furjana, Malta. Huwa kien ikkanonizzat mill-Papa Benedittu XVI li sejjaħlu “ħabib ta’ Ġesù” u ddikjara li San Ġorġ Preca huwa “t-tieni missier tal-fidi tal-poplu Malti u Għawdxi.” Il-festa liturġika tiegħu taħbat fid-9 ta’ Mejju. Nitolbu lil Alla bl-interċessjoni ta’ San Ġorġ Preca.
Wara l-fejqan mirakoluż ta’ tarbija (Eric Catania) ftit wara l-beatifikazzjoni, Dun Ġorg ġie ddikjarat qaddis f’Ruma nhar il-festa tat-Trinità Qaddisa, il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, 2007. Nhar it-8 ta’ Novembru, 2008 ġiet inawgurata l-ewwel parroċċa f’Malta ddedikata lil dan l-ewwel qaddis Malti fi zona magħrufa bħala s-Swatar.
Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com
Ara wkoll Paġna Ġdida dwar dan il-Qaddis Malti: http://laikos.org/sgp.htm