Il-Ġimgħa, 15 ta’ Mejju 2020: Illum huwa l-Jum Dinji tal-Familja. Nitolbu għall-familji biex fihom joktor l-Ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-imħabba, tar-rispett, tal-libertà.
Omelija – Ir-relazzjoni ma’ Alla hi b’xejn, hi relazzjoni ta’ ħbiberija
Fil-Ktieb tal-Atti tal-Appostli naraw li fil-Knisja tal-bidu kien hemm żminijiet ta’ paċi. Jittenna bosta drabi: ‘il-Knisja kienet tikber fis-sliem u l-Ispirtu tal-Mulej kien magħha.’ Żminijiet ta’ paċi. Kien hemm ukoll żminijiet ta’ persekuzzjoni, ibda minn dik ta’ Stiefnu, imbagħad Pawlu, persekutur li kkonverta u spiċċa ppersegwitat hu wkoll. Żminijiet ta’ paċi, żminijiet ta’ persekuzzjoni, u kien hemm ukoll żminijiet ta’ nkwiet. Dan hu s-suġġett tal-ewwel qari tal-lum: żmien ta’ nkwiet. ‘Aħna smajna’ – hekk kitbu l-appostli lill-Insara li kienu kkonvertew mill-paganeżmu – ‘li xi wħud min-nies tagħna, mingħajr ebda ordni tagħna, ġew ħawdukom u qallbulkom moħħkom bi kliemhom’ (Atti 15, 24).
X’kien ġara? Dawn l-Insara, li kienu pagani, emmnu f’Ġesù u tgħammdu. Kienu hienja: kienu rċevew l-Ispirtu s-Santu, dritt dritt mill-paganeżmu għall-kristjaneżmu. Iżda dawk li kienu jsejħu lilhom infushom ‘ġudizzanti’ (Lhud fundamentalisti!) kienu jsostnu li dan ma setax isir. La wieħed kien pagan, l-ewwel ried isir Lhudi, Lhudi tajjeb, imbagħad isir Nisrani, biex jimxi eżatt mas-sejħa tal-poplu ta’ Alla. Dawn l-Insara ma kinux jifhmu: ‘Allura aħna Nsara tat-tieni klassi? Ma tistax minn pagan issir Nisrani mill-ewwel? Forsi l-qawmien ta’ Kristu ma ħallx il-Liġi l-Qadima u wassalha għal milja ferm akbar?’ Kienu mħawdin u kellhom bosta diskussjonijiet bejniethom. Dawk li kienu ta’ dil-fehma, kienu persuni li b’argumenti teoloġiċi, morali wkoll, kienu jsostnu li l-ewwel pass kien li jsiru Lhud: li dan kellu jkun l-ewwel pass! B’hekk kienu jdaħħlu dubji dwar il-libertà tal-Ispirtu s-Santu, dwar il-gratwità tal-Qawmien ta’ Kristu u tal-grazzja. Kienu metodiċi u riġidi wkoll. Dwar dawn u dwar l-imgħallmin tagħhom Ġesù kien qal: ‘Intom idduru d-dinja u taqsmu l-ibħra biex tagħmlu l-prożeliti u meta tiġbdu lil dak li jkun magħkom tagħmluh ħaqqu l-infern darbtejn aktar minnkom.’ Bejn wieħed u ieħor hekk kien qal Ġesù fil-kapitlu 23 skont San Mattew (cfr. v. 15). Dawn kienu nies ta’ ideoloġija – aktar minn dommatika, ideoloġija. Il-Liġi kienu waqqgħuha, minn domma għamluha ideoloġija, reliġjon ta’ regoli – għandu jsir hekk, hekk u hekk – u b’hekk kienu jwarrbu għal kollox il-libertà tal-Ispirtu. In-nies li kienu jimxu warajhom kienu nies riġidi, nies li ma kinux iħossuhom komdi, ma kinux iħossu l-ferħ tal-Evanġelju. Għalihom il-perfezzjoni tal-mixja wara Ġesù kienet ir-riġidità: ‘Għandu jsir hekk, hekk u hekk.’ Dawn in-nies, dawn id-dutturi, kienu ‘jikkontrollaw’ il-kuxjenza tal-fidili: jew jimxu eżatt ma’ dak li jgħidulhom… inkella jitilqu.
Għalhekk, kif jien tennejt bosta drabi, insostni li r-riġidità mhix ħaġa tal-Ispirtu, għax iddaħħal dubju dwar il-gratwità tar-Redenzjoni, il-gratwità tal-Qawmien ta’ Kristu. Din ħaġa li ilha ġejja: matul l-istorja tal-Knisja, dan ittenna bosta drabi. Niftakru fil-Pelaġjani… dawn in-nies famużi għall-ebusija tagħhom. Fi żmienna wkoll rajna ħafna organizzazzjonijiet appostoliċi li kienu jidhru organizzati kif imiss, li kienu jaħdmu tajjeb… imma kollha riġidi, kulħadd mudell wieħed, imbagħad sirna nafu bil-korruzzjoni li kien hemm fi ħdanhom, fil-fundaturi wkoll.
Fejn hemm l-ebusija m’hemmx l-Ispirtu ta’ Alla, għax l-Ispirtu ta’ Alla huwa l-libertà. U biex jimxu, dawn in-nies riedu joħonqu l-libertà tal-Ispirtu t’Alla u l-gratwità tar-Redenzjoni: biex tkun ġustifikat, int trid tagħmel hekk, hekk u hekk. Il-ġustifikazzjoni hi b’xejn. Il-mewt u l-Qawmien ta’ Kristu huma b’xejn. Ma nħallsux għalihom, ma nixtruhomx: huma rigal! U dawn ċaħdu dan kollu.
Sabiħa t-triq: l-appostli jinġabru f’dal-konċilju u fl-aħħar jiktbu ittra li tibda hekk: ‘Lill-Ispirtu s-Santu u lilna dehrilna li aħna m’għandna ngħabbukom b’ebda piż ieħor’ (Atti 15, 28), u jtuhom dawn id-dmirijiet aktar morali, li jagħmlu sens: tħalltux il-kristjaneżmu mal-paganeżmu billi ma tiklux mill-ikel issagrifikat lill-idoli, eċċ. U fl-aħħar dawn l-Insara li kienu mifxulin, miġburin flimkien, irċevew l-ittra, u meta qrawha ferħu għall-faraġ li tathom (v. 31). Mill-fixla għall-ferħ. L-ispirtu tar-riġidità dejjem jifxlek: ‘Imma din għamiltha sew? Għamiltha kif suppost?…’ L-iskruplu. L-ispirtu tal-libertà evanġelika jagħtik il-ferħ! Ir-relazzjoni ma’ Alla, ir-relazzjoni ma’ Ġesù, mhix relazzjoni ta’ ‘x’għandi nagħmel’, ‘jien nagħmel hekk u inti ttini’. Jiena ngħid li relazzjoni bħal din – il-Mulej jaħfirli – qisha biċċa negozju. Le, hija b’xejn kif inhi b’xejn ir-relazzjoni ta’ Ġesù mad-dixxipli. ‘Intom ħbieb tiegħi’ (Ġw. 15, 14). ‘Ma nsejħilkomx qaddejja, insejħilkom ħbieb’ (v. 15). ‘Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom’ (v. 16): din hi l-gratwità.
Nitolbu lill-Mulej jgħinna nagħrfu l-frott tal-gratwità evanġelika mill-frott tar-riġidità li mhix evanġelika, u biex jeħles minn kull inkwiet u tħassib lil kull min il-fidi, il-ħajja tal-fidi, jaraha bħala sett ta’ regoli. Ir-riċetti ma jagħmlux sens. Qed nifhem ir-riċetti li ma jagħmlux sens, mhux għall-Kmandamenti. Jalla l-Mulej jeħlisna minn dan l-ispirtu ta’ ebusija li joħnoq il-libertà.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.