Il-Ħadd, 17 ta’ Mejju, 2020: It-talba tagħna llum hi għall-ħafna persuni li jnaddfu l-isptarijiet u t-toroq, li jiġbru l-iskart mid-djar u jbattluh, xogħol li ħadd ma jarah imma hu meħtieġ. Il-Mulej iberikhom u jgħinhom.
Omelija – L-Ispirtu s-Santu jfakkarna kif naslu għand il-Missier
Fid-diskors tal-aħħar lid-dixxipli (cfr. Ġw. 14, 15-21), Ġesù jtihom il-paċi, is-sliem, permezz ta’ wegħda: ‘Ma nħallikomx iltiema’ (v. 18). Jiddefendihom min-niket, mis-sens ta’ swied il-qalb li jibqgħu bla Missier. Illum dan in-nuqqas jinħass ferm fid-dinja; ħafna għandhom ħafna affarijiet, imma m’għandhomx Missier. Dan jittenna tul l-istorja tal-umanità: meta l-Missier ikun nieqes hemm xi ħaġa nieqsa u dejjem hemm ix-xewqa tal-laqgħa, li jinstab il-Missier. Dan narawh ukoll fl-istejjer antiki ta’ Edipu, ta’ Telemaku, ta’ tant oħrajn: tfittxija bla heda għall-Missier għax in-nuqqas tiegħu jinħass. Illum nistgħu ngħidu li qed ngħixu f’soċjetà fejn il-Missier huwa nieqes, sens li aħna ltiema, li jmiss proprju l-appartenenza u l-fraternità.
Għaldaqstant Ġesù jwiegħed: ‘Jiena nitlob lill-Missier u Hu jtikom Difensur ieħor’ (v. 16). ‘Jiena sejjer’ – jgħid Ġesù – ‘imma ġej ħaddieħor li jurikom kif taslu għand il-Missier.’ L-Ispirtu s-Santu ma jiġix biex ‘ifittex il-klijenti’; jiġi biex juri kif naslu għand il-Missier, it-triq li fetaħ Ġesù, dik li wriena Ġesù. Ma teżistix spiritwalità tal-Iben waħdu, tal-Ispirtu s-Santu waħdu: iċ-ċentru ta’ kollox hu l-Missier. L-Iben hu l-mibgħut tal-Missier u jerġa’ lura għandu. L-Ispirtu s-Santu hu mibgħut mill-Missier biex ifakkar u jgħallem kif naslu għand il-Missier.
Hu biss b’dan l-għarfien li aħna wlied mhux iltiema li nistgħu ngħixu fil-paċi bejnietna. Dejjem bil-gwerer, kemm dawk żgħar kif ukoll il-kbar, li dejjem għandhom din id-dimensjoni li huma ltiema, tan-nuqqas tal-Missier li jġib il-paċi. Għalhekk, meta lill-ewwel komunità jgħidilhom kif iwieġbu lin-nies meta jistaqsuhom ir-raġuni tal-fidi tagħhom, Pietru jgħid: ‘Dan għandu jsir bil-ħlewwa u r-rispett, b’kuxjenza safja, li tfisser il-manswetudni tal-Ispirtu s-Santu.’ L-Ispirtu s-Santu jgħallimna din il-manswetudni, dil-ħlewwa ta’ wlied il-Missier. L-Ispirtu s-Santu ma jgħallimniex ninsultaw. L-insult, il-gwerer, huma wħud mill-konsegwenzi għala nħossuna ltiema għax jekk il-Missier nieqes, m’hemmx aħwa, tintilef il-fratellanza. Dawn – il-ħlewwa, ir-rispett, il-manswetudni – huma atteġġjamenti li juru li aħna għandna sehem f’familja li hi ċerta li għandha Missier.
‘Jien nitlob lill-Missier u Hu jibagħtilkom Difensur ieħor’, li jfakkarkom kif taslu għand il-Missier, ifakkarkom li aħna għandna Missier li hu ċ-ċentru ta’ kollox, il-bidu ta’ kollox, l-għaqda bejn kulħadd, is-salvazzjoni ta’ kulħadd għax bagħat lil Ibnu biex isalvana lkoll. U issa jibgħat l-Ispirtu s-Santu biex jurina kif naslu għandu, għand il-Missier, bis-saħħa ta’ dil-paternità, ta’ dan l-atteġġjament fratern ta’ manswetudni, ta’ ħlewwa, ta’ paċi.
Nitolbu lill-Ispirtu s-Santu biex ma jehda qatt ifakkarna kif naslu għand il-Missier, biex ifakkarna li aħna għandna Missier. U lil diċ-ċiviltà, li tgħix b’sens kbir li hi ltiema, itiha l-grazzja li terġa’ ssib lill-Missier, il-Missier li jagħti sens lill-ħajja kollha u jara li l-bnedmin ikunu kollha familja waħda.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.