Illum il-Knisja tfakkar lil San Bernardinu ta’ Siena

Print Friendly, PDF & Email

Fl-20 ta’ Mejju l-Knisja tfakkar lil San Bernardinu ta’ Siena, Saċerdot li għex bejn is-snin 1380 sa 1444.

San Bernardinu twieled f’familja nobbli u sinjura fit-8 ta’ Settembru, 1380, f’Massa Marittima f’dik li kienet ir-Repubblika ta’ Siena, l-Italja, fejn missieru kien Gvernatur.

Meta kellu tliet snin tilef lil ommu u ta’ sitt snin lil missieru, u rabbietu zitu li bagħtitu l-iskola u kellu edukazzjoni tajba.

Sar ġuvni ferrieħi u ħabrieki. Ma kienx jista’ għall-kliem ħażin u mġiba indiċenti.

Fl-1400, meta kellu 20 sena, faqqgħet l-epidemija tal-pesta fi Siena, u flimkien ma’ żgħażagħ oħra mar jgħin fl-isptar ta’ Santa Maria della Scala li kien ikun tant mimli bil-morda li ġieli mietu 20 ruħ f’ġurnata waħda. Uħud minn sħabu mardu u mietu, iżda hu ħelisha għalkemm marad għal bosta xhur.

Fit-8 ta’ Settembru, 1402, meta kellu 22 sena, daħal mal-Franġiskani, illum magħrufa bħala “Konventwali”, u fit-8 ta’ Settembru, 1404 qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu.

Wara li qaddes, qala’ l-permess li jmur f’eremitaġġ fuq l-għolja ta’ Capriola biex jgħix flimkien ma’ dawk li ħaddnu r-riforma franġiskana tal-Osservanti (illum Frati Minuri). Dawk is-snin fis-skiet (1404-1417) swewlu ħafna għall-prietki li wara ntefa’ għalihom. L-ewwel prietka tiegħu kienet ukoll fit-8 ta’ Settembru.

Il-Papa Martin V, fl-1427, ried jagħmlu Isqof ta’ Siena, iżda ma aċċettax it-talba li jsir Isqof ta’ Ferrara u wara ta’ Urbino li kien għamillu l-Papa Ewġenju IV. Imbagħad fl-1438, aċċetta li jkun il-Vigarju Ġenerali tal-Ordni, fejn dam sa l-1443 meta rriżenja biex ikun jista’ jkompli l-missjoni tiegħu li jipprietka.

San Bernardinu xerred id-devozzjoni lejn l-Isem Imqaddes ta’ Ġesù. Kull meta kien jipprietka kien ipoġġi fejn jaraha kulħadd, tabella bi tliet ittri kbar miktubin fuqha, I.H.S. Iesus Hominis Salvator, Ġesù Salvatur tal-Bniedem. Dawn it-tliet ittri narawhom spiss użati fil-knejjes – fuq l-ostji, fuq pjaneti, fuq il-bizzilla tat-trieħi u fuq affarijiet oħra.

Ħadem ħafna għar-riforma tal-ordni. Kabbar b’mod tal-għaġeb ir-riforma Osservanti li sabha tħaddan biss 130 reliġjuż, il-biċċa l-kbira ajkijiet, u ħallieha b’4,000 imqassmin f’iktar minn 300 kunvent. Insista però li l-patrijiet Osservanti, li tagħhom kien l-ewwel Vigarju Ġenerali, jibqgħu taħt l-ubbidjenza tal-Ġeneral tal-Minuri Konventwali.

Miet fl-20 ta’ Mejju, 1444 f’Aquila fl-età ta’ 64 sena, fil-kunvent tal-Minuri Konventwali tal-Aquila meta kien fi triqtu biex imur jipprietka f’Napli lejliet it-Tlugħ fis-sema ta’ Kristu, u ġie midfun fl-istess knisja tagħhom. Ġie kkanonizzat mill-Papa Nikola V, fl-24 ta’ Mejju, 1450.

Il-Papa Nikola V iddikjarah l-ewwel qaddis tal-Osservanti biss sitt snin wara mewtu, nhar l-Għid il-Ħamsin tas-Sena Mqaddsa. Fl-1957 il-Papa Piju XII ħatru patrun tal-predikaturi Taljani.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: