Membri taż-ŻAK f’laqgħa virtwali ma’ 80 żgħażagħ biex jiddiskutu l-ħarsien tal-ambjent


Djalogu internazzjonali immexxi onlajn mill-Catholic EarthCare Australia matul il-ġimgħa ta ‘Laudato si’ …

L-Erbgħa 20 ta’ Mejju, numru ta’ membri taż-ŻAK kellhom l-opportunità li jipparteċipaw fi djalogu internazzjonali li sar online grazzi għal Catholic EarthCare Australia li organizzaw din il-laqgħa virtwali bejn 80 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ bejn is-16 u l-25 sena. Iż-żgħażagħ kienu ġejjin mill-Awstralja, New Zealand, Tonga, is-Samoa u Malta. Minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19 li l-pajjiżi kollha qed jesperjenzaw bħalissa, u l-fatt li matul din il-ġimgħa l-Knisja qed tiċċelebra il-ħames anniversarju mill-publikazzjoni ta’ Laudato si’, din l-organizzazzjoni ħasbet li huwa l-mument opportun li jiġu flimkien żgħażagħ kattoliċi li għandhom għal qalbhom il-protezzjoni tal-ambjent sabiex jaqsmu u jiddiskutu problemi ekoloġiċi li l-pajjiżi tagħna u d-dinja qed tesperjenza, ibbażati wkoll fuq it-tagħlim tal-Papa Franġisku permezz ta’ Laudato si’. Flimkien iddiskutew kif il-Covid-19 u t-tibdil fil-klima, li huma theddida eżistenzjali, jistgħu jissolvew ekonomikament.

Il-parteċipanti Maltin ippreparaw preżentazzjoni bbażata fuq erba’ problemi: in-nuqqas ta’ edukazzjoni u azzjoni dwar l-ambjent u s-sostenibbiltà; it-tniġġis tal-baħar u l-impatt fuq il-ħlejqiet tal-baħar; l-immigrazzjoni u d-diskriminazzjoni li qed iġġib magħha; u l-bini eċċessiv li qed isir, li għandu impatt fuq il-bijodiversità, il-qtugħ tas-siġar u żieda fil-problemi respiratorji.

Iż-żgħażagħ ta’ Tonga u Samoa tkellmu dwar l-effett taċ-ċikluni li jesperjenzaw numru ta’ drabi kull sena. Spjegaw kif minħabba t-tibdil tal-klima qed jesperjenzaw livell tal-baħar ogħla, u kundizzjonijiet tat-temp iktar estremi, li qed jirriżultaw f’għarar, telf ta’ djar u art agrikola, nuqqas ta’ servizzi essenzjali u problemi fl-infrastruttura. Semmew ukoll in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà għal ilma nadif. Żiedu jgħidu li l-pajjiżi tagħhom l-inqas li jikkontribwixxu għat-tibdil fil-klima, iżda huma l-iktar li qed ibatu minħabba fiha.

L-Awstraljani ppreżentaw il-problemi li qed jiffaċjaw fl-aħħar snin, in-nixfa u n-nuqqas ta’ ilma għall-agrikoltura, in-nirien li seħħew ftit xhur ilu, u t-telfa tal-bijodiversità fuq l-art u fl-ilma.

Il-preżentazzjoni li għamlu l-membri taż-ŻAK waqt il-laqgħa virtwali
New Zealand spjegaw li minkejja li huma għadhom il-51 l-ikbar ekonomija fid-dinja, waħda mill-ikbar problemi li jiffaċjaw hu mezz sostenibbli kif jivjaġġaw minn post għall-ieħor. Semmew ukoll kif waħda mill-ikbar industri fi New Zealand huwa t-tħaffir għaż-żejt. Dewy Sacayan, avukata fi New Zealand stqarret li “kull forma ta’ produzzjoni ta’ enerġija li mhix nadifa se tkompli titfagħna f’futur mhux sostenibbli.”

Iż-żgħażagħ minn dejjem kienu fuq quddiem biex iġibu l-bidla. Esperjenzi bħal dawn jagħtu tama li l-bidla hija possibli u juruna biċ-ċar li hawn nies li qed iġibu l-bidla fil-kommunitajiet li huma għandhom kontroll fuqhom u li jgħixu fihom. Din il-laqgħa għenet lill-parteċipanti jkollhom apprezzament ikbar għal Laudato si’, u minkejja li ilha ħames snin li ġiet ippubblikata, hija relevanti illum iktar minn qatt qabel. Il-Papa Franġisku jisfidana biex inkunu l-ġenerazzjoni li nerfgħu r-responsabbiltà biex inġibu l-bidla meħtieġa.

Kif qal Malialosa Tapueluelu minn Samoa, dan kien mument sabiħ immens fejn “kull persuna qed titgħallem minn ħaddieħor, dak li qed jiffaċjaw huwa ta’ ispirazzjoni biex ikollna l-kuraġġ inħabbtu wiċċna mar-realtà u nieħdu azzjonijiet konkreti kontra t-tibdil tal-klima.”

Sors: www.knisja.mt