3. Aħna nemmnu fil-Knisja u fl-istess waqt aħna l-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 24/07/1991.

1. Qegħdin kull ma jmur iktar nidħlu sewwa fiċ-ċiklu ta’ katekeżi ddedikati lill-Knisja. Diġa spjegajna li l-professjoni ta’ din il-verità fis-Simbolu tippreżenta karattru speċifiku, għaliex il-Knisja mhijiex biss oġġett tal-fidi imma wkoll is-suġġett tagħha.

Aħna stess aħna l-Knisja li nipprofessaw li nemmnu; aħna nemmnu fil-Knisja waqt li kontemporanjament aħna l-Knisja li temmen u titlob. Aħna l-Knisja fil-viżibiltà tagħha li tesprim l-fidi tagħha propja fl-istess realtà tagħha ta’ Knisja, li hija divina u umana: żewġ dimensjonijiet hekk inseparabbli bejniethom, li jekk taqà waħda, tiġi fix-xejn r-realtà kollha tal-Knisja, hekk bħal ma riedha u waqqafha Ġesù Kristu.

Din ir-realtà divino-umana tal-Knisja hija b’mod organiku magħquda mar-realtà divino-umana ta’ Kristu nnifsu. Il-Knisja hija f’ċertu sens il-kontinwazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni. Difatti l-appostlu Pawlu kien jgħid dwar il-Knisja li hija il-Ġisem ta’ Kristu (cf. 1 Kor 12, 27; Ef 1, 23; Kol 1, 24), bħal ma Ġesù kien iqabbel it-“totalità” kristiku-ekkleżjali mal-unità tad-dielja maż-żraġen tagħha (cf. Ġw 15, 1-5).

Minn din il-premessa toħroġ li t-twemmin fil-Knisja, il-pronunzja fir-rigward tagħha tal-“iva” tal-aċcettazzjoni tal-fidi, hija konsegwenza loġika tal-“Kredu” kollu kemm hu, u b’mod partikolari tal-professjoni tal-fidi fi Kristu, Bniedem-Alla. Din hija esiġenza loġika interna tal-Kredu, li għandu jkollna preżenti b’mod speċjali fi żminijietna, meta nisimgħu ħafna jagħmlu firda, u saħansitra kuntrast, bejn il-Knisja u Kristu, meta per eżempju jgħidu: Kristu iva, il-Knisja le. Kuntrast mhux għal kollox ġdid, imma imwelled mill-ġdid f’xi ambjenti tad-dinja kontemporanja. Hija ħaġa sewwa mela li niddedikaw il-katekeżi tallum għal eżami seren u bil-għaqal għas-sinifikat tal-iva lill-Knisja tagħna, ukoll f’konnessjoni mal-kuntrast li għadna kemm semmejna.

2. Nistgħu nammettu li dan il-kuntrast Kristu-iva, Knisja le jitnissel fuq il-pjan ta’ dik il-kumplessità partikolari tal-att tal-fidi tagħna, li biha ngħidu: “Credo Ecclesiam”. Wieħed jistà hawn jistaqsi jekk hux leġittimu li ninkludu fost il-veritajiet divini li għandna nemmnu realtà umana, storika, viżibbli bħal ma hi l-Knisja; realtà li, bħal kull ħaġa umana, tippreżenta limiti, imperfezzjonijiet, dnubiet fil-persuni li jappartienu lilha fil-livelli kollha tal-istruttura istittuzzjonali tagħha: kemm fil-lajċi kif ukoll fl-ekkleżjastiċi, saħansitra fina r-rgħajja tal-Knisja, mingħajr l-esklużjoni ta’ ebda wieħed minn dan il-wirt imsejken ta’ Adam.

Hemm bżonn iżda li ninnutaw li Ġesù Kristu nnifsu ried li l-fidi tagħna fil-Knisja tiffaċċja u tirbaħ dawn id-diffikultajiet meta għażel lil Pietru bħala l-“blata li fuqha jibni l-Knisja tiegħu” (cf. Mt 16, 18). Nafu sewwa mill-Vanġelu li jirraporta l-istess kliem ta’ Ġesù, kemm kienet umanament imperfetta u fraġli l-blata magħżula, bħal ma Pietru wera filwaqt tal-prova l-kbira. U madankollu l-Vanġelu stess jassigurana li ċ-ċaħda tripla mwettqa minn Pietru, ftit wara l-assikurazzjonijiet ta’ fedeltà mogħtija lill-Imgħallem, ma ħassritx l-għażla tiegħu minn naħa ta’ Kristu (cf. Lq 22, 32; Ġw 21, 15-17). Wieħed izda jistà jinnota li Pietru jilħaq maturità ġdida permezz tal-indiema għal dnubu, tant li wara l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, jistà jibbilanċja ċ-ċaħda tripla tiegħu bi staqqirja tripla: “Mulej, inti taf li jien inħobbok” (Ġw 21, 15), u jistà jirċievi mingħand Kristu rxoxt il-konferma tripla tal-mandat tiegħu ta’ Ragħaj tal-Knisja: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21, 15-17). Pietru, mbagħad, ta prova li jħobb lil Kristu “iktar mill-oħrajn” (cf. Ġw 21, 15) billi serva fil-Knisja, skont il-mandat tiegħu ta’ apostolat u ta’ tmexxija, sal mewt permezz tal-martirju, din ix-xhieda tiegħu definittiva għall-bini tal-Knisja.

Waqt li nirriflettu dwar il-ħajja u dwar il-mewt ta’ Xmun Pietru, huwa iktar faċli li ngħaddu mill-kuntrast Kristu-iva, Knisja-le għall-konvinzjoni Kristu-iva, Knisja-iva,  bħala estensjoni tal-iva lil Kristu.

3. Il-loġika tal-misteru tal-Inkarnazzjoni – tiġbor fil-qosor f’dik l-“iva lil Kristu” –tinvolvi l-aċċettazzjoni ta’ dak kollu li fil-Knisja huwa uman, minħabba l-fatt li l-Iben ta’ Alla jieħu n-natura umana, f’solidarjetà man-natura mtebba bid-dnub fir-razza ta’ Adam. Minkejja li kien assolutament bla dnub, huwa ħa fuqu d-dnub kollu tal-umanità: Agnus Dei qui tollit peccata mundi. Il-Missier “qisu bħala dnub favur tagħna”, kiteb l-Appostlu Pawlu fit-tieni Ittra lill-Korintin (2 Kor 5, 21). Għalhekk il-pekkaminosità tal-insara (li dwarhom jingħad, kultant mhux mingħajr raġun, li “mhumiex aħjar mill-oħrajn”), il-pekkaminosità tal-istess ekkleżjastiċi m’għandhiex tqanqal atteggjament fariżajku ta’ firda u ta’ ċaħda, imma għandha pjuttost timbuttana lejn aċċettazzjoni tal-Knisja iktar ġeneruża u florixxenti, lejn iva iktar konvinta u iktar meritorja favur tagħha, għaliex nafu li propju fil-Knisja u permezz tal-Knisja  din il-pekkaminożità issir oġġett tal-qawwa divina tal-fidwa, taħt l-azzjoni ta’ dik l-imħabba li tirrendi u twettaq il-konverżjoni tal-bniedem, il-ġustifikazzjoni tal-midneb, il-bidla tal-ħajja u l-progress fil-ġid kultant sal-eroiżmu, jiġifieri sal-qdusija. Kif tistà qatt tiċħad li l-istorja tal-Knisja hija mimlija midimbin ikkonvertiti, li, la darba daru lejn Kristu segwewh fedemnent sal-aħħar?

Ħaġa waħda hija żgura: it-triq li Ġesù Kristu – u l-Knisja miegħu – jipproponi lill-bniedem hija mfawra b’esiġenzi morali, li jimpenjaw għall-ġid, sal-quċċata tal-eroiżmu. Hemm bżonn mela li wieħed joqgħod attent jekk, meta jippronunzja “le għall-Knisja”, fil-fatt ma jkunx qed ifittex li jaħrab minn dawk l-esiġenzi. F’dan il-każ iktar minn kull każ ieħor, il-“le għall-Knisja” tkun ekwivalenti għal “le għal Kristu”. Sfortunatament l-esperjenza turina li bosta drabi dan ikun il-każ.                                                                                                                                                                                

Mill-banda l-oħra wieħed ma jistax ma josservax li jekk il-Knisja – minkejja d-debbolizzi umani kollha tagħha u d-dnubiet tal-membri tagħha – fit-totalità tagħha tibqà fidila lejn Kristu, u twassal lejn Kristu bosta minn uliedha li jkunu naqsu mill-impenji tal-magħmudija tagħhom, dan iseħħ grazzi għall-“qawwa minn fuq” (cf. Lq 24, 49), l-Ispirtu Santu, li janimaha u jiggwidaha fil-mixja tagħha perikoluża fl-istorja.

4. Hemm bżonn iżda li nżidu li l-“le għall-Knisja” tiġikultant ibbażata, mhux fuq id-difetti umani tal-membri tal-Knisja, imma fuq il-prinċipju ġenerali ta’ ċaħda ta’ medjazzjoni. Infatti hemm nies li, waqt li jammettu l-eżistenza ta’ Alla, iridu jistabilixxu miegħu kuntatti esklussivament personali, bla ma jaċċettaw ebda medjazzjoni bejn il-propja kuxjenza u Alla, u hekk jiċħdu l-ewwel u qabel kollox il-Knisja.

Niftakru, iżda: il-valorizzazzjoni tal-kuxjenza hija wkoll għal qalb il-Knisja, li sew fl-ordni morali, sew fuq il-pjan iktar b’mod speċifiku reliġjuż, temmen li hija l-leħen ta’ Alla għall-ġid tal-bniedem u allura dawwalha, formatriċi, strument tal-kuxjenza umana. Dmirha hu li tiffavorixxi l-aċċess tal-intelliġenzi u tal-kuxjenzi lejn il-verità ta’ Alla, li ġiet rivelata minn Kristu, li minn naħa tiegħu afda lill-Appostli u lill-Knisja dan il-ministeru, din id-djakonija tal-verità fil-karità. Kull kuxjenza, animata minn imħabba sinċiera tal-verità, ma tistax ma tixtieqx u allura li tismà – talinqas dan – dak li l-Vanġelu ppritkat mill-Knisja lill-bniedem għall-ġid tiegħu.

5. Imma sikwit il-problema tal-iva jew tal-le għall-Knisja tikkomplika ruħha propju hawn, għaliex hija l-istess medjazzjoni ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu li tiġi miċħuda: għaliex din hija le lil Kristu, ferm iktar milli lill-Knisja. Tali fatt għandu jittieħed b’konsiderazzjoni serja minn min isostni li huwa u jrid ikun nisrani. Dan ma jistax jinjora l-misteru tal-Inkarnazzjoni, li għalih Alla nnifsu ta lill-bniedem l-possibiltà li jistabilixxi kuntatt miegħu permezz ta’ Kristu biss, il-Verb Inkarnat, li San Pawl dwaru jgħid: “Wieħed biss huwa l-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù” (1 Tm 2, 5). U li sa mill-bidu tal-Knisja l-Appostli kienu jippritkaw li “mhemmx (barra Kristu) isem ieħor mogħti lill-bnedmin taħt is-smewwiet li fih kien stabbilit li nistgħu nkunu salvati” (At 4, 12). U li Kristu waqqaf il-Knisja bħala komunità ta’ salvazzjoni, li fiha testendi ruħha sa tmiem is-sekli l-medjazzjoni feddejja tiegħu bis-saħħa tal-Ispirtu Santu minnu mibgħut. In-nisrani mela jaf li skont ir-rieda ta’ Alla l-bniedem – li, propju bħala persuna, huwa esseri soċjali – huwa msejjaħ biex jattwa l-kuntatt miegħu propju fil-komunità tal-Knisja. U li mhux possibbli li tifred il-medjazzjoni tal-Knisja, li tieħu sehem fil-funzjoni ta’ Kristu bħala medjatur bejn Alla u l-bnedmin.

6. Ma nistgħux, fl-aħħarnett, ninjoraw li l-“le għall-Knisja” għandha spiss ħafna l-għeruq ferm iktar profondi, kemm fil-persuni ndividwali kif ukoll fil-gruppi umani u fl-ambjenti – b’mod speċjali f’ċerti setturi ta’ kultura vera jew issopponuta – fejn mhux diffiċli, illum u forsi iktar minn żminijiet oħra, li ssib atteġġjamenti ta; ċaħda jew saħansitra ta’ ostilità. Fl-aħħar minn l-aħħar din mhix għajr psikoloġija kkaratterizzata mir-rieda ta’ awtonomija totali, imnissla minn sens ta’ awtosuffiċjenza personali jew kollettiva, li minħabba fiha nħossuna ndipendenti mill-Esseri sovrauman li jiġi propost – jew ukoll skopert interjorment – bħala awtur u sid tal-ħajja, tal-liġi fundamentali, tal-ordni morali, u allura bħala sors tad-distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin. Hemm min jippretendi li jistabilixxi waħdu dak li hu tajjeb u ħażin, u jirrifjuta allura li jkun “eterodirett”, kemm minn Alla traxxendentali kif ukoll minn Knisja li tirrappreżentah f’din id-dinja.

Din il-pożizzjoni ġeneralment tiġi minn injoranza kbira tar-realtà. Alla jiġi kkonċeput bħala għadu tal-libertà umana, bħala padrun tiranniku, waqt li huwa propju Hu li ħoloq il-libertà u li hu l-iktar ħabib awtentiku. Il-kmandamenti tiegħu m’għandhomx skop ieħor jekk mhux li jgħin lill-bnedmin biex jevitaw l-agħar jasar u l-iktar tal-mistħija, dak tal-immoralità, u biex jiffavorixxi l-iżvilupp tal-vera libertà. Mingħajr relazzjoni fiduċjuża ma’ Alla mhux possibbli għall-persuna umana li tattwa b’mod totali t-tkabbir spiritwali propju.

7. Mhemmx mela biex wieħed jistagħġeb meta josserva li atteġġjament ta’ awtonomiżmu radikali jipproduċi faċilment forma ta’ tjassir ferm agħar mill-“eteronomija” mhedda: jiġifieri id-dipendenza minn opinjonijiet ta’ oħrajn, minn irbit idejoloġiku u politiku, minn pressjonijiet soċjali; jew mill-inklinazzjonijiet u passjonijiet propji. Kemm drabi min jemmen li hu u jiftaħar li hu indipendenti, bniedem liberu minn kull jasar, imbagħad jirrivela ruħu hekk suġġett għall-opinjoni pubblika u għall forom l-oħra qodma u ġodda ta’ dominju fuq l-ispirtu uman!  Huwa faċli li tosserva li għandu prezz għoli t-tentattiv li wieħed jgħaddi mingħajr Alla, jew il-pretensjoni li tinjora il-medjazzjoni ta’ Kristu u tal-Knisja. Kien meħtieġ li niġbdu l-attenzjoni dwar din il-problema biex nikkonkludu l-introduzzjoni tagħna għaċ-ċiklu ta’ katekeżi ekklesjoloġiku li issa sejrin nibdew. Illum nerġgħu ntennu għal darb’oħra: “iva għall-Knisja”, propju minħabba l-“iva għal Kristu” tagħna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb