Qalb ma’ Qalb


Ix-xahar ta’ Ġunju huwa x-xahar tal-Qalb ta’ Ġesu.

Diversi kienu dawk il-Qaddis u erwieħ twajba li ħaddnu l-ispiritwalita tal-Qalb ta’ Ġesu u għamlu minnha l-missjoni tagħhom, tal-Kongregazzjoni jew il-Movimenti li waqqfu.

Wieħed minn dawn il-Qaddisin huwa l-Kapuċċin tal-Pjagi, Padre Pio ta’ Pietrelcina …

coroncina-sacro-cuore-gesu-padre-pio-1

L-ewwel esperjenza ta’ Padre Pio mal-Qalb ta’ Ġesu.

Qabel ma nitkellmu mid-devozzjoni tal-Padre lejn il-Qalb ta’ Ġesu, tajjeb nagħmlu pass lura fl-Istorja tiegħu, meta Francesco Forgione kien għadu tifel ta’ 5 snin.

Iċ-ċkejken Francesco kien qiegħed jikber ġmielu u malajr beda juri stil ta’ ħajja differenti minn dak ta’ tfal oħra. Ma kienx wieħed li jmur malajr jilgħab mat-tfal l-oħra u, meta mamma Peppa kien tħeġġu biex imur magħhom, kien jgħidilha: “Marridtx immur għaliex joqgħodu jitkellmu ħażin”.

Kien jippreferi jgħaddi l-ħin jitlob. Għalhekk, kien iħobb jinġabar fil-knisja żgħira fejn nhar is-26 ta’ Mejju 1886 kien ġie mgħammed. Meta kien isib il-bieb magħluq, allura kien joqgħod bilqeda fl-art, fuq blata ħierġa ‘l barra, faċċata tal-knisja. (Din għadha tidher sallum).

Jum wieħed minn dawn, meta kien mitluf jitlob, ġrat xi ħaġa mhux tas-soltu. It-tifel li diġà kien ilu juri x-xewqa li jikkonsagra lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla, ra lill-Qalb ta’ Ġesu fuq l-altar.

Ġesu ma kellmux, imma għamillu sinjal biex jersaq lejĦ. Francesco obda, qam minn fejn kien u meta resaq qrib ta’ Ġesu, dan poġġa idu fuq rasu, mingħajr ma qal xejn.

Imma Franci fehem dan il-ġest u ħadu bħala aċċettazzjoni tax-xewqa tiegħu li jkun biss t’Alla.

Esperjenza oħra ta’ Padre Pio mal-Qalb ta’ Ġesu.

L-esperjenza ta’ Padre Pio mal-Qalb ta’ Ġesu ma kienitx xi ħaġa biss tat-tfulitu. Mall-medda tas-snin din kibret fiħ u kabbret lilu f’xebħ sħiħ ma’ Ġesu.

Fit-18 ta’ April, 1912, ftit iktar minn xahar f’għeluq il-25 sena minn twelidu, Padre Pio jikteb lil Padre Agostino minn Pietrelcina. F’din l-ittra jipprova jfissirlu esperjenza kbira u qawwija li kellu mal-Qalb ta’ Ġesu.

Jiktiblu hekk: “Qed nieħu gost li nista’ nitkellem ftit miegħek permezz ta’ din l-ittra. Imma kif naqbad ngħidlek fuq ir-rebħiet ġodda ta’ Ġesu fil-qalb tiegħi f’dawn l-aħħar ġranet? Ser ngħidlek biss dak li ġrali nhar it-Tlieta li għaddew. X’nar jaqbad ħassejt f’qalbi dak in-nhar! Imma ħassejt ukoll li dan in-nar kien imqabbad minn id ħabiba, minn id divina u għajjura.

Kont għadni fis-sodda meta dawk l-mingħula ġew iżuruni u sawtuni b’mod hekk selvaġġ li nemmen li hija grazzja kbira li għadni ħaj, għaliex kienet prova, ‘caro Padre’, lil hemm mill-qawwa tiegħi.

Imma t-twajjeb Ġesu li ppermetta lil ‘ogre’ jittrattani b’dan il-mod ma naqasx li jfarraġni wara u li jerġa’ jqawwini fl-ispirtu.

Bilkemm stajt nasal sal-Priġunier biex inqaddes. Meta spiċċat il-quddiesa bqajt ma’ Ġesu nagħmel ir-ringrazzjament. O, kemm kien ħelu it-taħdid mal-Ġenna f’dik il-għodwa! Kien hekk (ħelu) li, għalkemm irrid ngħidlek kollox, ma nistax. Ġraw ħwejjeġ li ma jistgħux jiġu tradotti f’ilsien uman mingħajr ma jitilfu it-tifsira profonda u smewijja tagħhom. Il-qalb ta’ Ġesu u dik tiegħi, ippermettili nuża’ l-espressjoni, twaħħdu. Ma kienux iktar tnejn, imma waħda tħabbat. Il-qalb tiegħi għebet,  bħalma qatra ilma tintilef f’oċean. Ġesu kien il-ġenna tagħha, is-Sultan tagħha. Il-hena tiegħi kienet hekk qawwija u profonda li ma stajt inżomm iktar u dmugħ ta’ ferħ niżel ma’ ħaddejja.

Interessanti li din l-esperjenza sabiħa w qawwija tal-Ġenna ġrat wara taqbida ma’ l-Infern!

Għax tassew wara l-maltemp dejjem jiġi l-bnazzi!

Għalhekk, meta titlob quddiem xbieha tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu, bl-interċessjoni ta’ Padre Pio, ftakar li tkun titlob lil dik il-Qalb li ħadet il-qalb tal-Padre tagħna f’idejha u waħħdita magħha. Fejn hemm il-Qalb Imqaddsa, hemm il-Qalb li laqgħet fiha l-qalb ta’ Padre Pio. U meta nqimu ir-relikwija tal-qalb ta’ Padre Pio, inkunu nqimu il-qalb li kienet saret ħaġa waħda, imwaħħda, mal-Qalb Divina ta’ Ġesu.

Jekk fil-Qalb ta’ Kristu kien hemm post għal Padre Pio, fil-Qalb ta’ Kristu hemm post għalik ukoll, għax inti ta’ Padre Pio u Padre Pio huwa ta’ Kristu.

Itlob miegħi issa stess waqt li qiegħed/da taqra: Hemm post għalija fil-Qalb ta’ Kristu (x3) u l-aħħar waħda, Hemm post għalija fil-Qalb ta’ Ġesu!

Ammen.

Fr. Joe Buttiġieġ, OFMCap.

skolasanpiju@gmail.com

FB: st. Padre Pio Malta