31. Kristu għamel iż-Żwieġ Sagrament


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 06/05/1992.

1. Skont il-Konċilju Vatikan II, il-Knisja hija “komunità saċerdotali,  li l-“karattru sagru u organiku tagħha jiġi attwat permezz tas-sagramenti, fosthom post speċjali jiġi attribbwit lill-Ordni Sagri u dak taż-Żwieġ.

Rigward l-Ordni Sagri, naqraw fil-Kostituzzjoni Lumen gentium: “Dawk fost il-fidili li jiġu onorati bl-Ordni Sagri huma mqiegħda f’isem Kristu biex jirgħu l-Knisja bil-kelma u l-grazzja ta’ Alla”; u rigward iż-Żwieġ: “Il-miżżewġin insara, bis-saħħa tas-Sagrament taż-Żwieġ, li bih ifissru u jieħdu sehem fil-misteru tal-għaqda u tal-imħabba fertili li teżisti bejn Kristu u l-Knisja (cf. Ef 5, 32), jgħinu lil xulxin biex jilħqu l-qdusija” (LG 11). Fil-katekeżi preżenti se nokkupaw rwieħna b’mod esklussiv bis-sagrament taż-żwieġ. Dwar is-saċerdozju ministerjali nerġgħu lura għalih meta jkun il-waqt.

2. Diġa fakkarna f’katekeżi preċedenti li l-ewwel miraklu mwettaq minn Ġesù seħħ f’Kana, waqt festa tat-tieġ. Ukoll jekk is-sinifikat ta’ dan il-miraklu, li bih Ġesù “wera l-glorja tiegħu” (Ġw 2, 11), imur ferm ‘il hemm mill-fatt irrakkontat, bdanakollu nistgħu ugwalment niskopru l-apprezzament tal-Mulej għall-imħabba sponsali u l-istituzzjoni matrimonjali, kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li jwassal fidwa f’dan l-aspett fondamentali tal-ħajja u tas-soċjetà umana. Huwa jagħti mbid ġdid, simbolu tal-imħabba l-ġdida. L-episodju ta’ Kana iġegħlna nifhmu kif iż-żwieġ huwa mhedded, meta l-imħabba ssib ruħha f’periklu li tintemm. Bis-sagrament Ġesù Kristu juri b’mod effikaċi l-intervent propju, biex isalva u jqawwi, permezz tad-don tal-karità tejologali, l-imħabba bejn il-miżżewġin u biex jagħtihom il-qawwa tal-fedeltà. Nistgħu nżidu li l-miraklu, mwettaq minn Ġesù fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu, huwa sinjal tal-importanza taż-żwieġ fid-disinn feddej ta’ Alla u fil-formazzjoni tal-Knisja. U fl-aħħarnett; wieħed jistà jgħid li l-inizjattiva ta’ Marija, li titlob u tikseb il-miraklu, tħabbar l-irwol tagħha futur fl-ekonomija taż-żwieġ nisrani; preżenza beninja, intercessjoni u għajnuna għall-għelbien tad-diffikultajiet li ma jonqsux.

3. Fid-dawl ta’ Kana, irridu issa nenfasizzaw l-aspett taż-żwieġ li l-iktar jinteressana f’din is-sena ta’ katekeżi ekklesjoloġiċi. U huwa fiż-żwieġ nisrani li s-saċerdozju komuni tal-fidili jeżerċita ruħu b’mod sinifikanti, għaliex l-għarajjes infushom huma l-ministri tas-sagrament. L-att uman, “li bih – bħal ma jgħid il-Konċilju – “l-għarajjes b’mod reċiproku jagħtu lilhom infushom u jirċievu lilhom infushom” (GS 48). L-għarajjes b’mod reċiproku jamminisraw is-sagrament bil-kunsens reċiproku tagħhom. Is-sagrament juri l-valur tal-kunsens liberu tar-raġel u tal-mara, bħala stqarrija tal-personalità tagħhom u espressjoni tal-imħabba reċiproka.

4. Dejjem skont il-Konċilju, il-miżżewġin insara, bis-sagrament, “ifissru u jieħdu sehem fil-misteru tal-għaqda u tal-imħabba fertili li teżisti bejn Kristu u l-Knisja (cf. Ef 5, 32)” (LG 11). “L-imħabba konjugali awtentika hija assunta fl-imħabba divina u hija sostnuta u mogħnija mill-qawwa feddeja ta’ Kristu u mill-azzjoni feddejja tal-Knisja, għaliex il-miżżewġin, b’mod effikaċi jigu mmexxija lejn Alla u jkunu mqawwija u mgħejjuna fl-iżvolġiment tal-missjoni subblimi ta’ missier u ta’ omm. Għal dan l-iskop il-miżżewġin insara huma mqawwija u kważi kkonsagrati minn sagrament speċjali għad-dmirijiet u d-dinjitajiet tal-istat tagħhom” (GS 48). Hija ferm importanti din l-aħħar stqarrija tal- Gaudium et spes, biex inkunu preċiżi li l-miżżewġin huma “kważi kkonsagrati minn sagrament speċjali”. Propju f’dan juri lilu nnifsu l-eżerċizzju tas-saċerdozju tagħhom ta’ mgħammdin u mogħtija l-griżma tal-Isqof.

5. F’dan is-sehem speċjali fis-saċerdozju komuni tal-Knisja, il-miżżewġin jistgħu jilħqu l-qdusija tagħhom. Infatti, bis-sagrament, huma jirċievu l-qawwa li jwettqu d-dmir konjugali u familjari tagħhom, u li javanzaw fil-qdusija reċiproka. “Jgħinu lil xulxin – jgħid il-Konċilju – biex jilħqu l-qdusija fil-ħajja konjugali u fl-aċċettazzjoni u l-edukazzjoni tal-ulied, u hekk għandhom, fl-istat ta’ ħajja tagħhom u fil-funzjoni tagħhom, id-don propju f’nofs il-Poplu ta’ Alla (cf. 1 Kor 7, 7)” (LG 11).

6. Is-sagrament taż-żwieġ huwa orjentat lejn il-fertilità. Din hija nklinazzjoni diġa inerenti fin-natura umana. “Mill-karattru naturali tagħha, – jgħid il-Konċilju – l-istitut stess taż-żwieġ u l-imħabba konjugali, generuża u koxjenti, huma organizzati għall-prokrejazzjoni u għall-edukazzjoni tal-ulied, u f’dan isibu l-inkurunazzjoni tagħhom” (GS 48). Is-sagrament jipprovdi l-qawwiet spiritwali tal-fidi, karità u ġenerożità għat-twettiq tad-dmir tal-prokrejazzjoni u tal-edukazzjoni tal-ulied. Din hija riżorsa ta’ grazzja divina li tissustanzja u tipperfezzjona l-inklinazzjoni naturali retta u tikkaratterizza l-istess psikoloġija tal-koppja, magħmula konxja tal-missjoni propja ta’ “koperaturi tal-imħabba ta’ Alla ħallieq”, bħal ma jgħid il-Konċilju (GS 50). Il-koxjenza ta’ koperatur fl-opra divina tal-ħolqien, u fl-imħabba li tispira din l-opra, tgħin lill-miżżewġin biex jifhmu aħjar il-karattru sagru tal-prokrejazzjoni u tal-imħabba prokrejanti, u tqawwi l-orjentament tal-imħabba tagħhom lejn it-trażmissjoni tal-ħajja.

7. Il-Konċilju jenfasizza wkoll il-missjoni edukattiva tal-miżżewġin. Infatti naqraw fil-Gaudium et spes: “Inkwantu għall-għarajjes, onorati mid-dinjità u r-responsabiltà ta’ missier u omm, jissodisfaw b’mod diliġenti d-dmir tal-edukazzjoni, b’mod speċjali dik reliġjuża, li tmiss, qabel kollox, lilhom” (GS 48). Imma din l-eżortazzjoni tiddawwal fid-dawl spiritwali tal- Lumen gentium, li tikteb: “F’din li nistgħu nsejħu Knisja domestika, il-ġenituri għandhom ikunu għal uliedhom l-ewwel għalliema tal-fidi” (LG 11). Dawl ekkleżjali, mela, jipproġetta l-Konċilju fuq il-missjoni tal-miżżewġin-ġenituri, inkwantu membri tal-Knisja, komunità saċerdotali u sagramentali. Huwa ċar li, għal xi kredenti, l-edukazzjoni nisranija hija d-don l-iktar sabiħ li l-ġenituri jistgħu jagħtu lil uliedhom, u l-manifestazzjoni l-iktar vera u l-iktar għolja ta’ mħabbithom. Din titlob fidi sinċiera u koerenti u ħajja konsistenti għall-fidi.

8. Il-Konċilju jerġà jikteb li l-unjoni konjugali, “in kwantu reċiproka għotja ta’ żewġ persuni, kif ukoll il-ġid tal-ulied jesiġu l-fedeltà sħiħa tal-miżżewġin, u jitolbu l-għaqda li ma tinħallx” (GS 48). Il-fedeltà u l-unità jiġu mid-“don speċjali ta’ grazzja u karità” (GS 49) mogħti mis-sagrament. Dan jassikura li, b’imitazzjoni ta’ Kristu li ħabb il-Knisja, “il-miżżewġin jistgħu jħobbu lil xulxin fedelment, għal dejjem, b’impenn reċiproku” (GS 48). Din hija mill-ġdid qawwa inerenti għall-grazzja tas-sagrament.

9. Fl-aħħarnett, naqraw fil-Konċilju li “il-familja nisranija li titwieled miż-żwieġ, bħala xbiha u sehem tal-patt t’imħabba ta’ Kristu u tal-Knisja, tirrendi murija lil kulħadd il-preżenza ħajja tas-Salvatur fid-dinja u n-natura ġenwina tal-Knisja, sew bl-imħabba, bil-fertilità ġeneruża, bl-għaqda u bil-fedeltà tal-miżżewġin, kif ukoll bil-koperazzjoni ta’ min jammiraha tal-membri kollha tagħha” (GS 48).

Mhux biss mela kull misrani kkunsidrat b’mod individwali, imma l-familja kollha ffurmata mill-ġenituri u t-tfal insara, bħala tali, hija msejħa biex tkun xhieda tal-ħajja, tal-imħabba u tal-għaqda li l-Knisja ġġib fiha bħala propjetà miksuba min-natura tagħha ta’ komunità sagra, imwaqqfa u ħajja fil-karità ta’ Kristu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb