Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 27/05/1992.
1. Xhud tal-ħajja ta’ Kristu u fi Kristu, bħal ma rajna fil-katekeżi preċedenti, il-Knisja hija fl-istess ħin xhud tat-tama: ta’ dik it-tama evanġelika li fi Kristu ssib is-sors tagħha.
Dwar Kristu, infatti, il-Konċilju Vatikan II jgħid fil-Kostituzzjoni pastorali Gaudium et Spes: “Il-Mulej huwa t-tmiem tal-istorja umana . . . iċ-ċentru tal-ġeneru uman, il-ferħ ta’ kull qalb, il-milja tal-aspirazzjonijiet (umani)” (GS 45). F’dan it-test il-Konċilju jġib mill-ġdid il-kliem ta’ Pawlu VI, li f’diskors kien qal dwar Kristu li huwa “l-punt fokali tax-xewqat tal-istorja u taċ-ċiviltà” (Diskors tat-3 ta’ Frar 1965). Kif dak li jkun jistà jara, it-tama mixhuda mill-Knisja għandha dimensjonijiet tassew vasti anzi nistgħu ngħidu li hija mmensa.
2. Din hija qabel kollox it-tama tal-ħajja eterna. Tali tama twieġeb għax-xewqa tal-immortalità li l-bniedem iġorr f’qalbu minħabba n-natura spiritwali tar-ruħ. Il-Knisja tippriedka li l-ħajja terrena hija l-“mogħdija” għal ħajja oħra: għall-ħajja f’Alla, fejn “ma jkunx hemm iktar mewt” (Ap 21, 4). Grazzi lil Kristu, li – bħal ma jgħid San Pawl – huwa l-primoġenitu ta’ dawk li jqumu mill-imwiet” (Kol 1, 18; cf.1 Kor 15, 20), grazzi għall-qawmien mill-imwiet tiegħu, il-bniedem jistà jgħix fil-prospettiva tal-ħajja eterna minnu mħabbra u miġjuba.
3. Din hija t-tama tal-feliċità f’Alla. Għal din il-feliċità aħna lkoll imsejħin, bħal ma jirrivela l-mandat ta’ Ġesù: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull maħluq” (Mk 16, 15). Darb’oħra Ġesù assikura lid-dixxipli tiegħu li fid-“dar tal-Missier hemm bosta għamajjar” (Ġw 14, 2), u li waqt li kien se jħallihom fuq l-art hu imur fis-sema “biex iħejjilhom post”: “sabiex tkunu intom ukoll fejn inkun jien” (Ġw 14, 3).
4. Din hija t-tama li tkun ma’ Kristu “f’dar il-Missier” wara l-mewt. L-Appostlu Pawlu kien imfawwar b’tali tama, tant li jasal biex jesprimi “x-xewqa li jkun imneżżà mill-ġisem biex ikun ma’ Kristu” u li jasal li jgħid “li dan kien ikun tassew aħjar” (Fil 1, 23). “Aħna mimlijin fiduċja, kien reġà kiteb, u nipprefru li nmorru fl-eżilju mill-ġisem u nabitaw qrib il-Mulej” (2 Kor 5, 8). It-tama nisranija barra minn hekk tassikurana li l-“eżilju mill-ġisem” ma jdumx u li l-feliċità tagħna qrib il-Mulej tilħaq il-milja tagħha bil-qawmien mill-imwiet tal-iġsma fl-aħħar tad-dinja. Ġesù jagħtina din iċ-ċertezza, huwa jqiegħdha f’relazzjoni mal-Ewkaristija: “Min jiekol laħmi u jixrob demmi jkollu l-ħajja eterna u jien inqajmu fl-aħħar jum” (Ġw 6, 54). Dan huwa qawmien mill-imwiet tal-iġsma veru u propju, bir-riintegrazzjoni tal-persuni ndividwali fil-ħajja l-ġdida tas-sema, u mhux riinkarnazzjoni mifhumha bħala ritorn għall-ħajja fuq l-istess art, f’iġsma oħra. Fir-rivelazzjoni ta’ Kristu ippritkatha u mixhuda mill-Knisja it-tama tal-qawmien mill-imwiet titqiegħed fil-kuntest ta’ “sema ġdida u mhux ta’ art ġdida” (Ap 21, 1), li fiha ssib milja ta’ rejalizzazzjoni l-“ħajja l-ġdida investità lill-bnedmin mill-Verb inkarnat.
5. Jekk il-Knisja tagħti xhieda ta’ din it-tama – tama tal-ħajja eterna, tal-qawmien mill-imwiet tal-iġsma, tal-feliċità eterna f’Alla – dan tagħmlu bħala diwi tat-tagħlim tal-Appostli, u b’mod speċjali ta’ San Pawl, li skont hu Kristu nnifsu huwa sors u sies ta’ din it-tama. “Kristu Ġesù tama tagħna”, jgħid l-Appostlu (1 Tm 1, 1); u mill-ġdid jikteb li fi Kristu kien irrivelat “il-misteru moħbi għal sekli u għal ġenerazzjonijiet . . . muri lill-qaddisin tiegħu, li lilhom Alla ried jgħarraf l-għana glorjuża ta’ dan il-misteru . . . jiġifieri Kristu . . . tama tal-glorja” (Kol 1, 26-27). Il-profetiżmu tat-tama mela għandu s-sies tiegħu fi Kristu, u minnu jiddependi il-kobor kontemporanju tal-“ħajja l-ġdida” fih u tat-tama fil-“ħajja eterna”.
6. Imma t-tama li tiġi minn Kristu, minkejja li għandha terminu aħħari li huwa ‘l hemm minn kull fruntiera temporali, fl-istess ħin iżda timla l-ħajja tan-nisrani ukoll fiż-żmien. Dan jiddikjarah San Pawl: “Fih (Kristu) ukoll intom, wara li kontu emmintu, irċivejtu s-siġill tal-Ispirtu Santu li kien imwiegħed, li huwa depożitu tal-wirt tagħna, fl-istennija tar-redenzjoni sħiħa ta’ dawk li Alla akkwista għat-tifħir tal-glorja tiegħu” (Ef 1, 13-14). Infatti Alla huwa dak “li jwettaqna . . . fi Kristu, u li tana d-dlik, naqxilna s-siġill u tana d-depożitu tal-Ispirtu ġewwa qlubna” (2 Kor 1, 21-22). It-tama hija mela don tal-Ispirtu Santu, li għalih diġa fiż-żmien il-bniedem jgħix b’eternità: jgħix fi Kristu bħala parteċipi tal-ħajja eterna, li l-Iben jirċievi mingħand il-Missier u jagħti lid-dixxipli tiegħu (cf. Ġw 5, 26; 6, 54-57; 10, 28; 17, 2). San Pawl jgħid li din hija t-tama li “ma tiddiżappuntax” (Rm 5, 5), għaliex togħdos fil-qawwa tal-imħabba ta’ Alla li “kienet imsawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu li ingħatalna” (Ivi). Ta’ din it-tama hija xhud il-Knisja, li tħabbarha u ġgorrha bħala don għall-bnedmin individwalment li jaċcettaw lil Kristu u jgħixu fiH, u għas-solidarjetà tal-bnedmin kollha u tal-popli kollha, li hija għandha u trid iġġegħelhom jagħrfu, skont ir-rieda ta’ Kristu, il-“Vanġelu tas-saltna” (Mt 24, 14).
7. Ukoll quddiem id-diffikultajiet tal-ħajja preżenti u għall-esperjenzi dolorużi ta’ abbużi ta’ poter u ta’ fallimenti tal-bniedem fl-istorja, it-tama hija s-sors tal-ottimiżmu nisrani. Bla dubju l-Knisja ma tistax tagħlaq għajnejha quddiem il-ħażen multiplu li hawn fid-dinja. Hija madankollu, taf li tistà torbot fuq il-preżenza rebbieħa ta’ Kristu u għal din iċ-ċertezza tispira l-azzjoni tagħha twila u pazjenti, dejjem konxja ta’ dik id-dikjarazzjoni tal-Fundatur tagħha fid-diskors tat-tluq lill-Appostli: “Għidtilkom dawn il-ħwejjeġ biex ikollkom il-paċi fija. Intom se jkollkom tribulazzjonijiet fid-dinja, imma kunu fiduċjużi: jien irbaħt id-dinja” (Ġw 16, 33). Miċ-ċertezza ta’ din ir-rebħa ta’ Kristu, li nfirxet fl-istorja f’livell ta’ profondità, il-Knisja tikseb dak l-ottimiżmu soprannaturali fil-ħarsien lejn id-dinja u l-ħajja li tittraduċi ruħha f’azzjoni d-don tat-tama. Hija hi mħarrġa mill-istorja biex tirreżisti u tkompli fl-opra tagħha bħala ministra ta’ Kristu msallab u rxoxt: imma huwa bis-saħħa tal-Ispirtu Santu li tittama li tikseb dejjem rebħiet ġodda spiritwali, waqt li tgħaddas fl-erwieħ u waqt li tifrex fid-dinja l-eċċitament evanġeliku ta’ grazzja u ta’ verità (cf. Ġw 16, 13). Il-Knisja trid tittrażmetti lill-membri tagħha, u sa fejn hu possibbli lill-bnedmin kollha dan l-ottimiżmu nisrani, magħmul minn fiduċja, kuraġġ u perseveranza viżjonarja (li tħares ‘il quddiem). Hija tagħmel tagħha l-kliem tal-Appostlu Pawlu fl-Ittra lir-Rumani: “L-Alla (donatur) tat-tama jimliekom b’kull ferħ u paċi fil-fidi, sabiex toktru fit-tama għall-virtù tal-Ispirtu Santu”” (Rm 15, 13). L-Alla tat-tama huwa “l-Alla tal-perseveranza u tal-konsolazzjoni” (Rm 15, 5).
8. Infatti l-Knisja tistà tagħmel tagħha f’kull żmien il-kliem memorabbli ta’ San Franġisk Saverju, ispirati mill-grazzja operanti fih: “Ma niftakarx li qatt kelli konsolazzjonijiet spiritwali hekk numerużi u hekk kontinwi bħal fuq dawn il-gżejjer . . . (dawn kienu l-Gżejjer tal-Moro, fejn fost diffikultajiet kbar il-qaddis missjunarju kien iħabbar il-Vanġelu). Imxejt fit-tul fuq gżejjer imdawra minn għedewwa u ppopolati minn ħbieb mhux propju sinċieri, f’artijiet neqsin minn rimedju għall-mard korporali u kważi minn kull għajnuna umana għall-konservazzjoni tal-ħajja. Dawk il-gżejjer ma jmisshomx jissejħu “Gżejjer tal-Moro”, imma “Gżejjer tat-tama f’Alla”!” (Epist. S. Francisci Xaverii, in: Monumenta Missionum Societatis Iesu, vol. I, Romae 1944, p. 380).
Nistgħu ngħidu li d-dinja li fiha Kristu ġab ir-rebħa paskwali tiegħu saret bis-saħħa tal-fidwa tiegħu, il-“gżira tat-Tama Divina”.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb