35. Il-Knisja tixhed l-Imħabba ta’ Ġesù


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 03/06/1992.

1. Nerġgħu nieħdu f’idejna l-Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium tal-Konċilju Vatikan II fejn naqraw: “Il-Poplu qaddis ta’ Alla jieħu sehem . . .fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu billi jxerred ma’ kullimkien ix-xhieda ta’ ħajja tiegħu b’mod speċjali permezz ta’ ħajja ta’ fidi u ta’ karità” (Lumen gentium, 12).

Tkellimna dwar ix-xhieda tal-fidi u tat-tama fil-katekeżi preċedenti; illum ngħaddu għax-xhieda tal-imħabba. Dan huwa argument partikolarment importanti, ladarba, bħal ma jgħid San Pawl, minn dawn it-tliet ħwejjeġ: il-fidi, it-tama u l-imħabba, l-ikbar hija l-imħabba” (1 Kor 13, 13). Pawlu juri li jaf sewwa l-valur mogħti minn Kristu lill-kmandament tal-imħabba. Fil-korsa tas-sekli l-Knisja qatt ma nsiet tali tagħlim. Hija dejjem ħassitha msejħa biex tagħti xhieda għall-Vanġelu tal-karità bil-kliem u bil-fatti fuq l-eżempju ta’ Kristu, li – bħal ma naqraw fl-Atti tal-Appostli “Għadda mid-dinja jagħmel il-ġid” (At 10, 38).

Ġesù enfasizza ċ-ċentralità tal-preċett tal-karità, meta sejjaħlu il-kmandament tiegħu: “Dan huwa l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħal ma ħabbejtkom jien” (Ġw 15, 12). Mhuwiex iktar l-imħabba tal-proxxmu, ordnat mit-Testment il-Qadim, imma huwa “kmandament ġdid” (Ġw 13, 34). Huwa “ġdid” għaliex il-mudell huwa l-imħabba ta’ Kristu (“bħal ma ħabbejtkom jien”) espressjoni umana perfetta tal-imħabba ta’ Alla għall-bnedmin. B’mod iktar partikolari, hija l-imħabba ta’ Kristu fil-wirja suprema tagħha, dik tas-sagrifiċċju: “Hadd m’għandu mħabba ikbar minn dik li tissagrifika ħajtek għal ħbiebek” (Ġw 15, 13).

Hekk il-Knisja għandha d-dmir li tixhed l-imħabba ta’ Kristu għall-bnedmin, imħabba lesta għas-sagrifiċċju. L-imħabba hija sempliċement wirja ta’ solidarjetà umana: hija sehem fl-istess imħabba divina.

2. Ġesù jgħid: “Minn dan kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk tħobbu lil xulxin” (Ġw 13, 35). L-imħabba mgħallma minn Kristu bil-kelma u bl-eżempju hija is-sinjal li għandu jiddistingwi lid-dixxipli tiegħu. Huwa juri x-xewqa ħajja ta’ qalbu meta jistqarr: “Ġejt biex inġib in-nar fuq l-art u kemm nixtieq li dan diġa ħeġġeġ!” (Lq 12, 49). In-nar ifisser l-intensità u l-qawwa tal-imħabba tal-karità. Ġesu jitlob lis-segwaċi tiegħu biex iħallu lilhom infushom jingħarfu minn din il-forma ta’ mħabba. Il-Knisja taf li taħt din il-forma l-imħabba ssir xhieda ta’ Kristu. Il-Knisja għandha l-ħila li tagħti din ix-xhieda, għaliex, waqt li tirċievi l-ħajja ta’ Kristu, tircievi mħabbtu. Huwa Kristu li kebbes in-nar tal-imħabba fil-qlub (Lq 12, 49) u jkompli billi jkebbsu dejjem u f’kull post. Il-Knisja hija responsabbli mid-diffużjoni ta’ dan in-nar fl-univers. Kull xhieda awtentika lil Kristu tinvolvi l-karità: titlob ir-rieda li tevita kull ferita lill-imħabba. Hekk il-Knisja kollha tingħaraf permezz tal-karità.

3. Il-karità mkebbsa minn Kristu fid-dinja hija mħabba bla limiti, universali. Il-Knisja tixhed din l-imħabba li tegħleb kull firda fost l-individwi, kategoriji soċjali, popli u nazzjonijiet. Tirrejaġixxi kontra il-partikolariżmi nazzjonali li jridu jillimitaw l-karità fil-fruntieri ta’ poplu. Bl-imħabba tagħha miftuħa għal kulħadd il-Knisja turi li l-bniedem huwa msejjaħ minn Kristu mhux biss biex jevità kull ostilità fl-intern tal-poplu tagħha, imma biex tistma u tħobb il-membri tan-nazzjonijiet l-oħra u lill-istess popli bħala tali..

4. Il-Karità ta’ Kristu tissupera wkoll id-diversità tal-klassijiet soċjali. Ma taċcettax il-mibegħda linqas il-ġlieda tal-klassi. Il-Knisja trid l-għaqda ta’ kulħadd fi Kristu, u tfittex li tgħix u tħeġġeġ u tgħallem kif tingħex l-imħabba evanġelika, ukoll għal dawk li xi wħud iridu jqisuhom bħala għedewwa. Fl-applikazzjoni tal-mandat tal-imħabba ta’ Kristu, il-Knisja titlob il-ġustizzja soċjali, u allura qsim ekwu tal-ġid materjali fis-soċjetà u għajnuna għal dawk l-iktar foqra, għall-iżventurati kollha. Imma fl-istess ħin tipprietka u tiffavorixxi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fis-soċjetà.

5. Il-karità tal-Knisja tinvolvi essenzjalment atteġġjament ta’ maħfra, b’imitazzjoni tat-tjubija ta’ Kristu, li għalkemm ikkundanna d-dnub, ġab ruħu ta’ “ħabib mal-midimbin” (Mt 11, 19; cf. Lq 9, 5-10) u rrifjuta li jikkundannahom (Ġw 8, 11). B’dan il-mod il-Knisja tisforza li tipproduċi fiha, u fir-ruħ ta’ wliedha, id-dispożizzjoni ġeneruża ta’ Ġesù, li ħafer u talab lill-Missier biex jaħfer lil dawk li kienu bagħtuh għat-torturi (Lq 23, 34).

L-insara jafu li ma jistgħu qatt jirrikorru għall-vendetta u li, skont it-tweġiba ta’ Kristu lil Pietru, għandhom jaħfru l-offiżi kollha, mingħajr ma qatt jgħejjew (Mt 18, 22). Kull darba li jirreċitaw il-Missierna, jistqarru mill-ġdid ir-rieda tagħhom tal-maħfra. Ix-xhieda tal-maħfra, mogħtija u mtennija mill-Knisja, hija marbuta mar-rivelazzjoni tal-ħniena divina: dan huwa propju biex inkunu nixbħu lill-Missier ċelesti, skont l-eżortazzjoni ta’ Ġesù (Lq 6, 36-38; Mt 6, 14-15; 18, 33-35), li l-insara huma nklinati għall-indulġenza, għall-fehim, għall-paċi. B’dan ma jonqsux mill-ġistizzja, li qatt m’għandha ssir mifruda mill-ħniena.

6. Il-Karità turi ruħha mill-ġdid fir-rispett u fl-istima għal kull persuna umana li l-Knisja trid tipprattika u tħeġġeg biex tipprattika. Hija rċeviet id-dmir li xxerred il-verità tar-rivelazzjoni u li tgħarraf it-triq tal-fidwa istitwita minn Kristu. Imma, lil dawk li jsegwu lil Ġesù, hija tindirizza l-messaġġ tagħha lil bnedmin li, bħala persuni, tagħraf b’liberi, u tixtieq l-iżvilupp sħiħ tal-persnalità tagħhom, bil-għajnuna tal-grazzja. Fl-opra tagħha tieħu mela t-toroq tal-persważjoni, tad-djalogu, tar-riċerka komuni tal-verità u tal-prinċipji tal-morali, iddur fuq il-bnedmin bis-suġġeriment, iktar milli bl-impożizzjoni, rispettuża u fiduċjuża fil-ħila tagħhom ta’ ħaqq.

7. Il-karità titlob ukoll disponibilta ta’ qadi tal-proxxmu. U fil-Knisja taż-żminijiet kollha numerużi kienu dejjem dawk li jiddedikaw ruħhom għal dan is-servizz. Nistgħu ngħidu li ebda soċjetà reliġjuża ma qanqlet tant opri ta’ karità daqs il-Knisja: servizz lill-morda, lill-handikappati, servizz liż-żgħażagħ fl-iskejjel, lill-popolazzjonijiet milquta minn diżastri naturali u minn diżastri oħra, sosten lil kull tip ta’ foqra u dawk fil-bżonn. Illum ukoll nassistu għar-ripetizzjoni ta’ dan il-fenominu li kultant qisu kważi tal-għaġeb: għal kull bżonn li jinbet fid-dinja, iwieġbu inizjattivi ġodda ta’ għajnuna u ta’ assistenza min-naħa tal-insara li jgħixu skont l-ispirtu tal-Vanġelu. Din hija karità li spiss tiġi mixhuda b’eroiżmu fil-Knisja. Numerużi huma fiha l-martri tal-karità. Hawn infakkru biss lil Massiniljanu Kolbe, li espona ruħu għall-mewt biex isalva missier ta’ familja.

8. Hemm bżonn nagħrfu li, billi l-Knisja hija komunità magħmula wkoll mill-midimbin, qatt ma naqsu tul is-sekli l-vjolazzjonijiet tal-preċett tal-imħabba. Dawn huma nuqqasijiet ta’ ndividwi u gruppi li jżejnu ruħhom bl-isem ta’ nsara, fl-isfera tar-rapporti reċiproċi, kemm ta’ ordni interpersonali, kif ukoll ta’ dimensjoni soċjali u internazzjonali. Din hija r-realtà ta’ niket li wieħed jiskopri fl-istorja tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet, u konxji tal-vokazzjoni propja għall-imħabba fuq l-eżempju ta’ Kristu, l-insara jistqarru b’umiltà u dispjaċir dawk il-ħtijiet kontra l-imħabba, mingħajr iżda ma jieqfu jemmnu fl-imħabba, li, skont San Pawl, “kollox tissaporti”, u “ma tintemm qatt” (1 Kor 13, 7-8). Imma jekk l-istorja tal-umanità, u tal-Knisja stess, tiżgħed bi dnubiet kontra l-karità, li jnikktu u jbikku, hemm bżonn li fl-istess ħin nagħrfu b’ferħ u gratitudni li ma jonqsux fiż-żminijiet kollha insara tax-xhieda meraviljużi li jwettqu l-imħabba; u li bosta drabi jkunu – bħal ma diġa fakkarna – xhieda erojċi.

L-eroiżmu tal-karità tal-persuni individwi jimxi pass wieħed max-xhieda massiva tal-opri ta’ karità ta’ karattru soċjali. Mhuwiex possibbli nagħmlu hawn elenku ukoll sommarju biss. L-istorja tal-Knisja, sa minn l-ewwel żminijiet insara sallum, hija mimlija bihom. U bdanakollu d-dimensjoni tat-tbatijiet u tal-bżnnijiet umani, donnhom dejjem se jesplodu u superjuri għall-possibiltajiet ta’ għajnuna. Imma l-imħabba hija u tibqà invinċibbli (omnia vincit amor), ukoll meta donnha m’għandhiex iktar armi oħra għajr il-fiduċja imbattibbli fil-verità u fil-grazzja ta’ Kristu.

9. Nistgħu niġbru fil-qosor u nikkonkludu b’dikjarazzjoni, li ssib fl-istorja tal-Knisja, tal-istituzzjonijiet tagħha u tal-Qaddisin tagħha konferma li nistgħu ngħidulha sperimentali. U din hija li, il-Knisja, fit-tagħlim tagħha u fl-isforzi tagħha lejn il-qdusija, dejjem żammet ħaj l-ideal evanġeliku tal-karità; qanqlet eżempji bla numru ta’ karità, spiss imbuttati saħansitra sal-eroiżmu; ipproduċiet diffużjoni tal-imħabba wiesgħa fl-umanità, u hija fl-oriġni, ftit jew wisq, magħrufa, mill-bosta istituzzjonijiet ta’ solidarjetà u kollaborazzjoni soċjali li jikkostitwixxu qafas indispensabbli taċ-ċiviltà moderna: u fl-aħħarnett li hija avanzat u dejjem iktar tavanza fl-għarfien tal-esiġenzi tal-karità u tat-twettiq tad-dmirijiet li tali esiġenzi jimponulha: dan kollu taħt l-influss tal-Ispirtu Santu, li huwa Imħabba eterna, infinita.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb