36. Ir-Rwol tal-Kariżmi fil-Ħajja tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 24/06/1992.

1. “L-Ispirtu Santu mhux biss permezz tas-sagramenti u tal-ministri jqaddes il-poplu ta’ Alla u jiggwidah u jżejnu, imma “billi jqassam lil kull wieħed id-doni propji kif jogħġob lilu” (1 Kor 12, 11) jqassam ukoll fost il-fidili ta’ kull ordni grazzji speċjali, li bihom jirrendi addattati u lesti biex jassumu diversi opri u uffiċċji, utli għat-tiġdid u għall-espansjoni ikbar tal-Knisja” (LG 12). Dan huwa t-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II.

Is-sehem fil-missjoni messjanika min-naħa tal-poplu ta’ Alla mhuwiex mela imqanqal biss mill-istruttura ministerjali u mill-ħajja sagramentali tal-Knisja. Jiġi wkoll minn triq oħra, dik tad-doni spiritwali jew kariżmi. Din id-duttrina, mfakkra mill-Konċilju, hija msejsa fit-Testment il-Ġdid u tikkontribwixxi biex turi li l-iżvilupp tal-komunità ekkleżjali ma jiddependix unikament mill-istituzzjoni tal-ministeri u tas-sagramenti, imma hija mqanqla wkoll minn doni imprevedibbli u liberi tal-Ispirtu li jopera wkoll ‘il hemm mill-kanali kollha stabbiliti.  Għal din l-implimentazzjoni ta’ grazzji speċjali jidher ċar li s-saċerdozju universali tal-komunità ekkleżjali jiġi ggwidat mill-Ispirtu b’libertà sovrana (“kif jogħġob lilu”, jgħid San Pawl) (1 Kor 12, 11), li spiss tgħaġġeb.

2. San Pawl jiddeskrivi l-varjetà u d-diversità tal-kariżmi, li tiġi attribwità għall-azzjoni tal-uniku Spirtu (1 Kor 12, 4). Kull wieħed u waħda minna nirċievu mingħand Alla doni multepliċi, li jaqblu ma’ min ikun u mal-missjoni tiegħu. Skont din id-diversità, mhemm qatt triq individwali ta’ qdusija u ta’ missjoni li jkunu identiċi mal-oħrajn. L-Ispirtu Santu juri rispett lil kull persuna u jrid jippromwovi żvilupp oriġinali għal kull persuna fil-ħajja spiritwali u fix-xhieda.

3. Imma hemm bżonn li nżommu f’moħħna li d-doni spiritwali għandhom ikunu milqugħa mhux biss bħala benefiċċju personali, imma l-ewwel u qabel kollox għall-ġid tal-Knisja: “Kull wieħed, jikteb San Pietru, jgħix skont id-don li rċieva, waqt li jqiegħdu għas-sevizz tal-oħrajn, bħal amministraturi tajbin ta’ grazzja versatili ta’ Alla” (1 Pt 4, 10). Bis-saħħa ta’ dawn il-kariżmi l-ħajja tal-komunità hija mimlija b’għana spiritwali u b’servizz ta’ kull tip. U d-diversità hija meħtieġa għal għana spiritwali iktar wiesgħa: kull wieħed jagħti kontribut personali li l-oħrajn ma jagħtux. Il-komunità spiritwali tgħix mill-kontribut ta’ kulħadd.

4. Id-diversità tal-kariżmi hija wkoll meħtieġa għal arranġament aħjar tal-ħajja kollha tal-Ġisem ta’ Kristu. Dan jenfasizzah San Pawl meta jispjega l-iskop u l-utilità tad-doni spiritwali: “intom il-ġisem ta’ Kristu u l-membri tiegħu, kull wieħed skont il-parti tiegħu” (1 Kor 12, 27). Fl-uniku Ġisem kull wieħed irid jiżvolġi l-irwol tiegħu skont il-kariżma li rċieva. Ħadd m’għandu jippretendi li jirċievi l-kariżmi kollha, lanqas ma jippermetti li jagħraf il-kariżmi tal-oħrajn. Il-kariżma ta’ kull wieħed għandha tkun irrispettata u vvalurizzata għall-ġid tal-Ġisem.

5. Hemm bżonn ninnutaw li dwar il-kariżmi, b’mod speċjali fil-każ ta’ kariżmi straordinarji, huwa mitlub id-dixxerniment. Dan id-dixxerniment jiġi mogħti mill-istess Spirtu Santu, li jiggwida l-intelliġenza fit-triq tal-verità u tal-għerf. Imma billi l-komunità ekkleżjali kollha tqiegħedet minn Kristu taħt il-gwida tal-awtorità ekkleżjastika, din hija kompetenti li tiġġudika l-valur u l-awtentiċità tal-kariżmi. Jikteb il-Konċilju: “Id-doni straordinarji . . . m’għandhomx jintalbu b’mod imprudenti, linqas bi preżunzjoni m’għandna nittamaw minnhom il-frott tax-xogħlijiet apostoliċi; imma l-ħaqq dwar il-ġenwinità tagħhom u l-użu ordnat jappartieni lill-Awtorità ekkleżjastika, li lilha jmiss b’mod speċjali li ma titfix l-Ispirtu, imma li teżamina kollox u żżomm dak kollu li hu tajjeb (cf. 1 Ts 5, 12. 19-21)” (LG 12).

6. Hawn nistgħu nindikaw xi kriterji ta’ dixxerniment segwiti b’mod ġenerali mill-awtorità ekkleżjastika kif ukoll mill-imgħallmin u diretturi spiritwali: a) il-ftehim mal-fidi tal-Knisja f’Ġesù Kristu (cf. 1 Kor 12, 3); don tal-Ispirtu Santu ma jistax ikun kontrarju għall-fidi li l-istess Spirtu Santu jispira lill-Knisja kollha. “Minn dan, jikteb San Ġwann, tistgħu tagħrfu l-Ispirtu ta’ Alla; kull spirtu li jagħraf li Ġesù Kristu ġie fil-laħam, huwa minn Alla; kull spirtu li ma jagħrafx lil Ġesù, mhuwiex minn Alla” (1 Ġw 4, 2); b) il-preżenza tal-“frott tal-Ispirtu: karità, ferħ, paċi” (Gal 5, 22). Kull don tal-Ispirtu jiffavorixxi l-progress tal-imħabba, kemm fil-persuna nfisha, kif ukoll fil-komunità, u allura jipproduċi ferħ u paċi. Jekk kariżma tipprovoka ansjetà u konfużjoni, dan ifisser li jew mhix awtentika jew li mhix imħaddma sewwa. Bħal ma jgħid San Pawl: “Alla mhuwiex Alla tad-diżordni, imma ta’ paċi” (1 Kor 14, 33). Mingħajr karità, ukoll il-kariżmi l-iktar straordinarji m’għandhom linqas utilità (cf. 1 Kor 13, 1-3; cf. Mt 7, 22-23); c) l-armonija mal-awtorità tal-Knisja u l-aċċettazzjoni tal-miżuri tagħha. Wara li kien iffissa regoli tassew stretti għall-użu tal-kariżmi fil-Knisja ta’ Korintu, San Pawl jgħid: “Min jemmen li hu profeta jew iddotat b’doni tal-Ispirtu għandu jagħraf li dak li qed nikteb huwa amar tal-Mulej” (1 Kor 14, 37). Il-kariżmatiku awtentiku jagħraf lilu nnifsu mill-ħlewwa sinċiera tiegħu lejn ir-rgħajja tal-Knisja. Kariżma ma tistax taqla rewwixta linqas tipprovoka il-ksur tal-għaqda; d) l-użu tal-kariżmi fil-komunità ekkleżjali huwa suġġett għal regola sempliċi. “Kollox isir għall-edifikazzjoni (bini)” (1 Kor 14, 26), jiġifieri l-kariżmi jiġu miġbura fil-qies li fih iġorru kontribut kostruttiv għall-ħajja tal-komunità, ħajja ta’ għaqda ma’ Alla u ta’ komunjoni fraterna. San Pawl jinsisti ħafna fuq din ir-regola (1 Kor 14, 4-5. 12. 18-19. 26-32).

7. Fost id-diversi doni, San Pawl kien jirrispetta ħafna dak tal-profezija, kif diġa nnutajna, tant li jirrakkomanda: “Aspiraw għad-doni spiritwali, imma b’mod speċjali għal dak tal-profezija” (1 Kor 14, 1). Mill-istorja tal-Knisja u b’mod partikolari mill-ħajja tal-Qaddisin jirriżulta li mhux rarament l-Ispirtu Santu jispira xi kliem profetiku ddestinat biex jippromwovi l-iżvilupp jew ir-riforma tal-ħajja tal-komunità nisranija. Kultant dan il-kliem ikun indirizzat b’mod speċjali għal dawk li jeżerċitaw l-awtorità, bħal fil-każ ta’ Santa Katerina ta’ Siena, li nterveniet mal-Papa biex jikseb ir-ritorn tiegħu minn Avignon għal Ruma. Huma ħafna l-fidili u b’mod speċjali l-Qaddisin Irġiel u Nisa li wasslu lill-Papiet u lir-Rgħajja l-oħra tal-Knisja d-dawl u l-faraġ meħtiega għat-twettiq tal-missjoni tagħhom b’mod speċjali fil-waqtiet diffiċli għall-Knisja.

8. Dan il-fatt juri l-possibiltà u l-utilità tal-libertà tal-kelma fil-Knisja: libertà li tistà wkoll turi ruħha fil-forma ta’ kritika kostruttiva. L-importanti hu li l-kelma tesprimi tassew ispirazzjoni profetika, li ġejja mill-Ispirtu. Bħal ma jgħid San Pawl, “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej, hemm ikun hemm il-libertà” (2 Kor 3, 17). L-Ispirtu Santu jiżviluppa fil-fidili mġieba ta’ sinċerità u ta’ fiduċja reċiproka (cf. Ef 4, 25) u jirrendihom “kapaċi li jikkorreġu lil xulxin” (Rm 15, 14; cf. Kol 1, 16). Il-kritika hija utli fil-komunità, li għandha dejjem tirriforma ruħha u tipprova tikkorreġi l-imperfezzjonijiet tagħha. F’bosta każi dan jgħinha biex tagħmel pass ġdid ‘il quddiem. Imma jekk tiġi mill-Ispirtu Santu, il-kritika ma tistax ma tkunx animata mix-xewqa ta’ progress fil-verità u fil-karità. Ma tistax tiżvolgi ruħha bi ħruxija: ma tistax tittraduċi ruħha f’offiżi, f’atti jew ġudizzji li jfarrku l-unur ta’ persuni jew gruppi. Għandha tkun interpenetrata bir-rispett u b’imħabba fraterna u filjali, waqt li tevita li tirrikorri għal forom mhux f’posthom ta’ pubbliċità, imma li żżomm ruħha mal-indikazzjonijiet mogħtija mill-Mulej għall-korrezzjoni fraterna (cf. Mt 18, 15-16).

9. Jekk il-linja tal-libertà tal-kelma hija din, wieħed jistà jgħid li mhemmx oppożizzjoni bejn kariżma u istituzzjoni, għaliex huwa l-uniku Spirtu li b’kariżmi differenti janima l-Knisja. Id-doni spiritwali jservu wkoll għall-eżerċizzju tal-ministeri. Dawn jiġu offruti mill-Ispirtu, biex jikkontribwixxu għall-avanzament tas-Saltna ta’ Alla. F’dan is-sens wieħed jistà jgħid li l-Knisja hija komunità ta’ kariżmi. 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb