81. Il-Lajċi jaqsmu s-Saċerdozju ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 15/12/1993.

1.Fil-katekeżi preċedenti il-lajċi indikajna diversi drabi s-servizz ta’ tifħir lil Alla u dmirijiet oħra tal-kult li jwettqu l-lajċi.

Illum irridu niżvolġu b’mod iktar dirett din it-tema, waqt li nitilqu mit-testi tal-Konċilju Vatikan II, fejn naqraw: “L-ogħla u l-etern Saċerdot Ġesù Kristu, waqt li ried permezz tal-lajċi jkompli x-xhieda tiegħu u l-ministeru tiegħu, ried jerġà jqawwihom bl-Ispirtu tiegħu u bla ma jaqtà xejn jimbuttahom għal kull opra tajba u perfetta” (LG 34). Taħt din l-imbuttatura tal-Ispirtu Santu, jipproduċi ruħu fil-lajċi sehem fis-Saċerdozju ta’ Kristu, fil-forma li fi żmien tajjeb iddefinejna komuni għall-Knisja kollha, li fiha lkoll, ukoll il-lajċi, huma msejħa biex jagħtu lil Alla il-kult spiritwali. “Lilhom, infatti, li b’mod intimu jgħaqqad ma’ ħajtu u mal-missjoni tiegħu (Kristu) jagħti wkoll parti mill-uffiċċju saċerdotali tiegħu biex jeżerċitaw kult spiritwali, sabiex ikun igglorifikat Alla, u l-bnedmin ikunu salvati. Għalhekk il-lajċi, billi huma ddedikati lil Kristu u kkonsagrati mill-Ispirtu Santu, huma b’mod meraviljuż imsejħa u mgħallma biex jipproduċu dejjem iktar għani l-frott tal-Ispirtu” (Ivi).

2. Nosservaw li l-Konċilju ma jillimitax ruħu biex jikkwalifika l-lajċi “parteċipi tal-uffiċċju saċerdotali, profetiku u rjali ta’ Kristu” (Lumen Gentium, 31), imma jippreċiża li Kristu stess ikompli l-eżerċizzju tas-sacerdozju tiegħu f’ħajjithom, li fiha, għalhekk is-sehem fis-saċerdozju komuni tal-Knisja jiġi kkummissjonat u operat minn Kristu, etern u uniku Sommu Saċerdot.

U mill-ġdid: din l-opra saċerdotali ta’ Kristu fil-lajċi twettaq lilha nfisha permezz tal-Ispirtu Santu. Kristu “jerġà jqawwihom bl-Ispirtu tiegħu”. Huwa dan li kien wiegħed Ġesù, meta kien esprima l-prinċipju li l-Ispirtu jerġà jqawwi (cf. Gv 6, 63). Dak li f’Għid il-Ħamsin kien mibgħut biex jifforma l-Knisja għandu d-dmir perenni li jiżviluppa s-saċerdozju u l-attività saċerdotali ta’ Kristu fil-Knisja, ukoll fil-lajċi, li huma membri sħaħ tal-Corpus Christi bis-saħħa tal-Magħmudija. Bil-Magħmudija, infatti, tiġi nawgurata l-preżenza u l-attività saċerdotali ta’ Kristu f’kull membru ta’ Ġismu, li fih l-Ispirtu Santu jġħaddas il-grazzja u jistampa l-karattru, waqt li jagħti lil dak li jemmen il-ħila li jieħu sehem b’mod ħaj fil-kult mogħti minn Kristu lill-Missier fil-Knisja; waqt li fil-Griżma tal-Isqof isawwab il-ħila li jimpenja ruħu bħala adult fil-fidi, fis-servizz ta’ tixrid tal-Vanġelu, li jappartieni lill-missjoni tal-Knisja (cf. San Tumas d’Aquino, Summa theologiae, III, q. 63, a. 3; q. 72, aa. 5-6).

3. Bis-saħħa ta’ din il-komunikazzjoni tas-saċerdozju tiegħu, Kristu jagħti lill-membri kollha tiegħu, ukoll lil-lajċi (cf. LG 34), il-fakultà li jattwaw f’ħajjithom dak il-kult li Hu stess kien isejjaħ “adorazzjoni tal-Missier fi spirtu u verità” (Ġw 4, 23). Bl-eżerċizzju ta’ tali kult il-fidil, animat mill-Ispirtu Santu, jieħu sehem fis-sagrifiċċju tal-Verb Inkarnat u fil-missjoni tiegħu ta’ Sommu Saċerdot u ta’ Redentur universali.

Skont il-Konċilju, huwa f’din ir-realtà saċerdotali traxxendenti tal-misteru ta’ Kristu li l-lajċi huma msejħa biex joffru ħajjithom kollha bħala sagrifiċċju spiritwali, waqt li hekk jikkoperaw mal-Knisja kollha għall-konsagrazzjoni tad-dinja operata b’mod kontinwu mir-Redentur. Din hija l-missjoni l-kbira tal-lajċi: “infatti l-opri kollha tagħhom, it-talb u l-inizjattivi apostoliċi, il-ħajja konjugali u familjari, ix-xogħol ta’ kuljum, is-serħan spiritwali u korporali, jekk jitwettqu fl-Ispirtu, u saħansitra t-turmenti tal-ħajja, jekk jiġu mġarrba bis-sabar, isiru sagrifiċċji spiritwali milqugħa minn Alla permezz ta’ Ġesù Kristu, li fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jiġu offruti b’mod l-iktar devot lill-Missier flimkien mal-oblazzjoni tal-Ġisem tal-Mulej. B’dan il-mod il-lajċi wkoll, ladarba adoraturi kullimkien b’mod operanti bi qdusija, jikkonsagraw lil Alla d-dinja stess” (LG 34; cf. Catechismo della Chiesa Cattolica, 901).

4. Il-kult spiritwali jinvolvi sehem il-lajċi fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, ċentru tal-ekonomija kollha tar-rapporti bejn il-bnedmin u Alla fil-Knisja. F’dan is-sens, ukoll “il-fidili lajċi huma parteċipi tal-uffiċċju saċerdotali, li għalih Ġesù offra lilu nnifsu fuq is-salib u kontinwament joffri ruħu fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, għall-glorja ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-umanità” (Christifideles Laici, 14). Fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika il-lajċi jieħdu sehem b’mod attiv bl-offertà tagħhom infushom f’għaqda ma’ Kristu Saċerdot u Ostja; u din l-offertà tagħhom għandha valur ekkleżjali bis-saħħa tal-karattru tal-Magħmudija li jirrendihom eliġibbli li jagħtu lil Alla, ma’ Kristu u fil-Knisja, il-kult uffiċċjali tar-reliġjon nisranija (cf. San Tumas, Summa theologiae, III, a. 63, a. 3). Is-sehem sagramentali fil-festa ewkaristika jistimola u jipperfezzjona l-offertà tagħhom, waqt li jgħaddas fihom l-grazzja sagramentali li tgħinhom biex jgħixu u joperaw skont l-esiġenzi tal-offertà mwettqa ma’ Kristu u mal-Knisja.

5. Hawnhekk hemm bżonn nikkonfermaw l-importanza tas-sehem fiċ-ċekebrazzjoni tal-Ħdud tal-Ewkaristija, speċifikata mill-Knisja. Din hija għal kulħadd l-ogħla att tal-kult fl-eżerċizzju tas-saċerdozju universali, bħal ma l-offertà sagramentali tal-Quddiesa hija hekk fl-eżerċizzju tas-saċerdozju ministerjali għas-Saċerdoti. Is-sehem fil-festa ewkaristika huwa għal kulħadd kondizzjoni ta’ għaqda vitali ma’ Kristu, kif qal Huwa stess: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom; jekk ma tiklux ġisem Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom” (Ġw 6, 53). Il-Catechismo della Chiesa Cattolica jfakkar lill-fidili kollha s-sinifikat tas-sehem tal-Ħadd fl-Ewkaristija (cf. CCC 2181-2182). Hawn irrid nikkonkludi bil-kliem magħruf tal-Ewwel Ittra ta’ Pietru, li jiskolpixxu l-figura tal-lajċi parteċipi tal-misteru ewkaristiku-ekkleżjali: “Ukoll intom tiġu wżati bħala ġebel ħaj għall-bini ta’ bini spiritwali, għal saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu lil Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu” (1 Pt 2, 5).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb.