82. Il-Lajċi jixhdu għall-poter tal-Vanġelu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 26/01/1994.

1. Skont il-Konċilju Vatikan II, fil-Knisja, Ġisem mistiku ta’ Kristu, tiġi pparteċipata lil kulħadd mhux biss id-dinjità u l-missjoni ta’ Kristu sommu u etern Saċerdot, kif rajna fil-katekeżi ddedikati għas-“saċerdozju komuni”, imma wkoll id-dinjità tiegħu u l-missjoni ta’ “profeta kbir”, kif nixtiequ nikkonsidraw fil-katekeżi preżenti.

Nibdew billi nerġgħu naqraw it-test tal-Kostituzzjoni Lumen Gentium, li skontu Kristu “jwettaq l-uffiċċju profetiku tiegħu sal-manifestazzjoni sħiħa tal-glorja, mhux biss permezz tal-Ġerarkija, li tgħallem f’ismu u bil-qawwa tiegħu, imma wkoll permezz tal-lajċi, li għalhekk jaħtarhom xhieda tiegħu u jipprovdilhom is-sens tal-fidi u tal-grazzja tal-kelma, sabiex il-qawwa tal-Vanġelu tiddi fil-ħajja ta’ kuljum, familjari u soċjali” (Lumen Gentium, 35; cf. CCC 904).

2. Bħal ma wieħed jinnota mit-test, din hija nvestitura min-naħa ta’ Kristu stess, li “tikkostitwixxi xhieda tiegħu” l-lajċi, waqt li żżejjinhom bis-“sens tal-fidi” u tal-“grazzja tal-kelma”, bi skop deċiżament ekkleżjali u apostoliku: skop tax-xhieda u tal-investitura huwa nfatti  li dak li jkun jagħmel iva li l-Vanġelu ta’ Kristu jiddi fis-“seklu”, jew aħjar fl-oqsma differenti fejn il-lajċi jiżvolġu l-ħajja tagħhom u jwettqu dmirijiethom terreni. Iżid il-Konċilju: “Din l-evanġelizzazzjoni jew aħbar ta’ Kristu, magħmula bix-xhieda tal-ħajja u bil-kelma, takkwista ċerta nota speċifika u effettività tal-fatt partikolari li jiġi mwettaq fil-kondizzjonijiet komuni tas-seklu” (Lumen Gentium, 35; cf. CCC 905). Din hija mela l-karatteristika tal-vokazzjoni tal-lajċi biex jieħdu sehem fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu, ix-Xhud ġenwin u fidil (cf. Ap 1, 5): juri li mhemmx oppożizzjoni bejn is-sekwenza tiegħu u t-twettiq tad-dmirijiet li l-lajċi jridu jwettqu fil-kondizzjoni “sekolari” tagħhom, u li anzi l-fedeltà għall-Vanġelu sservi wkoll għat-tindif u l-miljorament tal-istituzzjonijiet u l-istrutturi terreni.

3. F’dan il-punt iżda, hemm bżonn nippreċiżaw, ma’ l-istess Konċilju, in-natura tax-xhieda u, nistgħu ngħidu, tal-“profetiżmu” tal-lajċi kif ukoll tal-komunità nisranija kollha. Dwar dan jitkellem Ġesù meta, qabel ma’ telà s-Sema, jgħid lid-dixxipli: “Ikollkom qawwa tal-Ispirtu Santu li jinżel fuqkom u tkunuli xhieda”  (At 1, 8). Bħal ma għall-eżerċizzju tas-saċerdozju universali, hekk ukoll għat-twettiq tal-uffiċċju tax-xhieda huwa meħtieġ l-intervent tal-Ispirtu Santu. Din mhix kwistjoni ta’ temperament profetiku, marbut ma’ “kariżmi” partikolari ta’ ordni naturali, bħal ma kultant huma mifhuma fil-lingwaġġ tal-psikoloġija u tas-soċjoloġija moderni. Din hija pjuttost kwistjoni ta’ profetiżmu ta’ ordni soprannaturali, bħal ma hu mdellel fl-oraklu ta’ Ġoele (Ġl 3, 2), ikkwotat minn Pietru fil-jum ta’ Pentekoste: “Fl-aħħar jiem . . . uliedkom subien u wliedkom bniet jipprofetizzaw” (At 2, 17). Dan huwa li jxandru, jikkomunikaw, iġiegħlu jivvibraw fil-qlub l-veritajiet rivelati, li jġibu l-ħajja l-ġdida mogħtija mill-Ispirtu Santu!

4. Għal dan il-Konċilju jgħid li l-fidili lajċi huma magħmula xhieda, billi huma ffurmati “fis-sens tal-fidi u fil-grazzja tal-kelma” (Lumen Gentium, 35). U l-Eżortazzjoni apostolika Christifideles laici iżżid li huma jiġu awtorizzati u impenjati “biex jilqgħu fil-fidi l-Vanġelu u biex iħabbruh bil-kliem u bl-opri, bla ma jaħsbuha li jiċħdu b’mod qalbieni il-ħażin” (Christifideles laici, 14). Dan kollu huwa possibbli għaliex huma rċivew mill-Ispirtu Santu l-grazzja li jipprofessaw il-fidi u li jsibu t-triq l-iktar addattata biex jesprimuha u jikkomunikawha lil kulħadd.

5. Il-lajċi nsara, bħala “wlied il-wegħda”, huma wkoll imsejħa biex jixhdu fid-dinja l-kobor u l-fertilità tat-tama li jġorru fil-qalb, tama msejsa fuq id-dutrina u l-opra ta’ Ġesù Kristu mejjet u rxuxtat għall-fidwa ta’ kulħadd. F’dinja li, minkejja l-apparenzi, issib lilha nfisha hekk spiss fil-kondizzjonijiet ta’ niket minħabba l-esperjenza dejjem ġdida u deludenti tal-limiti, tad-defiċenzi u saħansitra tal-vojt ta’ bosta strutturi maħluqa għall-kuntentizza tal-bnedmin fid-dinja, ix-xhieda tat-tama hija meħtieġa b’mod partikolari biex torjenta l-ispirti fir-riċerka tal-ħajja futura, minbarra l-valur relattiv tal-ħwejjeġ tad-dinja. F’dan il-laci, bħala operaturi għas-servizz tal-Vanġelu “permezz tal-istrutturi tal-ħajja sekolari”, għandhom rilevanza speċifika tagħhom: juru li t-tama nisranija ma tfissirx evażjoni mid-dinja linqas ċaħda għal twettiq sħiħ tal-eżistenza terrena, imma l-ftuħ tagħha għad-dimensjoni traxxendenti tal-ħajja eterna, li hi biss tagħti lil din l-eżistenza l-veru valur tagħha  .

6. Il-fidi u t-tama, taħt l-impuls tal-karità, ikabbru x-xhieda tagħhom fil-qasam kollu tal-ħajja u tax-xogħol tal-lajċi, imsejħa biex jagħmlu iva li “l-qawwa tal-Vanġelu tiddi fil-ħajja ta’ kuljum, familjari u soċjali” (Lumen Gentium, 35). Hija l-“qawwa tal-Vanġelu” li turi ruħha fil-“konversjoni kontinwa” tar-ruħ lill-Mulej, fit-taqtigħa kontra l-qawwiet tal-ħażen operanti fid-dinja, fl-impenn biex jirrimedjaw għall-ħsarat ikkawżati mill-qawwiet, oskuri jew ovvji, li jippruvaw jaljenaw lill-bnedmin mid-destin tagħhom.. Hija l-qawwa tal-Vanġelu” li tfiġġ mill-kondotta ta’ kuljum, meta nibqgħu, f’kull ambjent u fiċ-ċirkustanzi kollha, insara qalbiena, li ma jibżgħux juru l-konvinzjonijiet tagħhom, konxji mill-kliem ta’ Kristu: “Min jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem jistħi minnu, meta jiġi fil-glorja tiegħu u tal-Missier u tal-anġli qaddisin” (Lq 9, 26; cf. Mk 8, 38). “Kull min jistqarrni quddiem il-bnedmin, Bin il-bniedem ukoll jistqarru quddiem l-anġli ta’ Alla” (Lq 12, 8). Hija l-qawwa tal-Vanġelu” li turi ruħha meta żżomm it-tama fil-provi u aħna nġibu ruħna ta’ xhieda tas-Salib ta’ Kristu.

7. Il-“Qawwa tal-Vanġelu” mhix mitluba biss mis-Saċerdoti u mir-Reliġjużi fil-missjoni tagħhom ta’ ministri tal-kelma u tal-grazzja ta’ Kristu; hija hi meħtieġa daqstant ieħor mil-lajċi għall-evanġelizzazzjoni tal-ambjenti u tal-istrutturi sekolari fejn tiżvolġi ruħha l-ħajja ta’ kuljum tagħhom. F’tali setturi tad-dinja x-xhieda tagħhom tolqot ukoll iktar u jistà jkollha effett mhux mistenni, biex tibda mill-qasam tal-“ħajja matrimonjali u familjari”, bħal ma jfakkar il-Konċilju (Lumen Gentium, 35). Għalihom u għas-segwaċi kollha ta’ Kristu – imsejħin biex ikunu profeti tal-fidi – nitolbu l-qawwa li mill-Ispirtu Santu biss wieħed jistà jikseb bit-talb regolari u ħerqan.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb