84. Il-Lajċi jaqsmu l-missjoni feddejja tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 02/03/1994.

1. Is-sehem tal-lajċi fl-iżvilupp tas-Saltna ta’ Kristu huwa realtà storika minn dejjem.

Mil-laqgħat taż-żminijiet apostoliċi, għall-komunitajiet insara tal-ewwel sekli, għall-gruppi, movimenti, għaqdiet, fraternitajiet, kumpaniji tal-Medjuevu u tal-età moderna, għall-attivitajiet ta’ persuni u assoċjazzjonijiet li, fis-seklu li għadda u fis-seklu tagħna, ħadmu mar-Rgħajja tal-Knisja fid-difiża tal-fidi u tal-moralità fil-familji, fis-soċjetajiet, fl-ambjenti u fl-istrati soċjali, billi kultant ħallsu x-xhieda tagħhom ukoll bid-demm. L-esperjenzi ta’ dawn l-attivitajiet, spiss mibdija minn Qaddisin u sostnuti minn Isqfijiet, bejn is- seklu XIX u dak attwali, wasslu mhux biss għal għarfien iktar ħaj tal-missjoni tal-lajċi, imma wkoll għal idea dejjem iktar ċara u riflessa ta’ tali missjoni bħala “apostolat” iktar veru u propju.

Kien Piju XI li tkellem dwar “koperazzjoni tal-lajċi fl-apostolat ġerarkiku”, fir-rigward tal-“Azzjoni Kattolika”: u kien waqt deċiżiv fil-ħajja tal-Knisja. Hareġ żvilupp notevoli fuq linja doppja: dik organiżattiva, konkreta b’mod speċjali tal-Azzjoni Kattolika, u dik tal-approfondiment konċettwali u dotrinali, li laħaq il-quċċata fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, li ppreżenta l-apostolat tal-lajċi bħala “sehem fl-istess missjoni feddejja tal-Knisja” (Lumen gentium, 33).

2. Wieħed jistà jgħid li l-Konċilju ta’ formulazzjoni dutrinali aktar ċara lill-esperjenza ekkleżjali mibdija sa mill-waqt tal-Pentekoste, meta dawk kollha li rċivew l-Ispirtu Santu hassewhom inkarigati b’missjoni għax-xandir tal-Vanġelu, il-fondazzjoni u l-iżvilupp tal-Knisja. Fis-sekli suċċessivi, it-tejoloġija sagramentali ippreċiżat imbagħad li dawk li jsiru membri fil-Knisja permezz tal-Magħmudija huma mpenjati, bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu, fix-xhieda tal-fidi u fl-espansjoni tas-Saltna ta’ Kristu: impenn li jiġi mqawwi mis-sagrament tal-Griżma tal-Isqof, li bih il-fidili, bħal ma jgħid il-Konċilju, “huma b’mod iktar strett obbligati li jxerrdu u jiddefendu, bil-kelma u bl-opri, il-fidi bħala veri xhieda ta’ Kristu” (Lumen gentium, 11). Fiż-żminijiet iktar riċenti, l-iżvilupp tal-ekkleżjoloġija wassal għall-elaborazzjoni tal-kunċett tal-impenn lajkali, kif ukoll fir-rigward taż-żewġ sagramenti tal-Inizjazzjoni nisranija, ukoll bħala espressjoni ta’ sehem iktar konxju fil-misteru tal-Knisja skont l-ispirtu tal-Pentekoste. Punt ieħor bażilari, dan, tat-Tejoloġija tal-lajkat.

3. Il-prinċipju tejoloġiku li skontu l-apostolat tal-lajċi, “waqt li jirriżulta mill-istess vokazzjoni nisranija tagħhom, ma jistà qatt jiġi nieqes fil-Knisja”” (Apostolicam actuositatem, 1), jiċċara b’mod dejjem iktar sħiħ u trasparenti l-bżonn tal-impenn lajkali fl-epoka tagħna. Tali bżonn huwa enfasizzat b’mod ulterjuri minn xi ċirkustanzi li jikkaratterizzaw iż-żmien attwali. Dawn huma, per eżempju, iż-żieda tal-popolazzjoni  fiċ-ċentri urbani, fejn in-numru tas-Saċerdoti kull ma jmur qiegħed dejjem isir iktar insuffiċjenti; il-mobilità minħabba raġunijiet ta’ xogħol, ta’ skola, ta’ żvog eċċ., propji tas-soċjetà moderna; l-awtonomija ta’ bosta setturi tas-soċjetà li tirrendi iktar diffiċli l-kondizzjonijiet ta’ ordni etiku u reliġjuż u allura iktar meħtieġa l-azzjoni tal-intern;  in-nuqqas ta’ familjarità soċjoloġika tal-Presbiteri għal bosta ambjenti ta’ kultura u ta’ xogħol. Dawn u raġunijiet oħra jimponu azzjoni evanġelizzatriċi ġdida min-naħa tal-lajċi. Mill-banda l-oħra, l-iżvilupp tas-sitwazzjonijiet u tal-istess mentalità demokratika rrendew u jirrendu l-lajċi iktar sensibbli għat-talbiet ta impenn ekkleżjali. It-tixrid u l-elevazzjoni tal-livell medju tal-kultura jagħtu lil ħafna ħiliet maġġuri li joperaw għall-ġid tas-soċjetà u tal-Knisja.

4. Mhemmx biex wieħrd jimmeravilja ruħu, mill-punt di vista storiku, mill-forom ġodda tal-azzjonijiet meħuda mil-lajċi. Taħt l-istimolu tal-kondizzjonijiet soċjo kulturali moderni, kien ukoll ikkonsidrat b’attenzjoni ikbar prinċipju ta’ ordni ekkleżjoloġiku, li kien mitluq qabel ftit fid-dlam: id-diversità tal-ministeri fil-Knisja hija esiġenza vitali tal-Ġisem mistiku, li jinħtieġ il-membri kollha tiegħu biex jiżviluppa u jitlob il-kontribut ta’ kulħadd skont l-attitudnijiet differenti ta’ kull wieħed. “Il-ġisem kollu skont l-enerġija propja ta’ kull membru jirċievi qawwa biex jikber b’mod li jibni lilu nnifsu fil-karità” (Ef 4, 16). Din hija “awtoedifikazzjoni”, li tiddependi mill-Kap tal-Ġisem, Kristu (Ef 4, 16), imma tesiġi l-koperazzjoni ta’ kull membru. Hemm mela fil-Knisja diversità ta’ ministeri fl-għaqda tal-missjoni (Apostolicam actuositatem, 2.14). Id-diversità ma tagħmilx ħsara lill-għaqda, imma tgħaniha.

5. Differenza essenzjali teżisti bejn ministeri ordnati u ministeri mhux ordnati, kif kelli l-okkażjoni li nippreċiża fil-katekeżi dwar is-saċerdozju. Il-Konċilju jgħallem li s-saċerdozju komuni tal-fidili u s-saċerdozju ministerjali jew ġerarkiku huma differenti b’mod essenzjali u mhux biss fil-grad (cf. Lumen gentium, 10). L-eżortazzjoni apostolika Christifideles laici tgħarrafna li l-ministeri ordnati huma eżerċitati bis-saħħa tas sagrament tal-Ordni Sagri, waqt li l-ministeri mhux ordnati, l-uffiċċji u l-funzjonijiet tal-lajċi “għandhom is-sies sagramentali fil-Magħmudija u l-Griżma tal-Isqof, kif ukoll, għal ħafna minnhom, fiż-Żwieġ” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, n. 23). Din l-aħħar dikjarazzjoni hija prezzjuża, b’mod speċjali għall-miżżewġin u l-ġenituri li huma msejħa biex jiżvolġu apostolat nisrani wkoll u speċjalment fi ħdan il-familja tagħhom (cf. Catechismo della Chiesa Cattolica, 902).

L-istess Eżortazzjoni apostolika twissi li “ir-Rgħajja għandhom jagħrfu u jippromwovu l-ministeri, l-uffiċċji u l-funzjonijiet tal-fidili lajċi” (Christifideles laici, 23). Ragħaj tal-erwieħ ma jistax jippretendi li jagħmel kollox fil-komunità li giet afdata lilu. Għandu jivvalorizza kemm jistà iktar l-azzjoni tal-lajċi, bi stima sinċiera minħabba l-kompetenza u d-disponabilità tagħhom. Jekk inhu minnu li lajk ma jistax jissostitwixxi r-Ragħaj fil-ministeri li jitolbu l-poteri mogħtija mis-sagrament tal-Ordni Sagri, huwa wkoll minnu li r-Ragħaj ma jistax jissostitwixxi l-lajċi fl-oqsma fejn huma għandhom kompetenza iktar minnu. Għalhekk huwa għandu jippromwovi l-irwol tagħhom u jistimola s-sehem tagħhom fil-missjoni tal-Knisja.

6. F’dan ir-rigward jeħtieġ iżżommu preżenti dak li jiddisponi l-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku, li skontu, “fejn il-bżonnijiet tal-Knisja jissuġġeruh”, jistgħu jkunu afdati lil-lajċi ċerti attivitajiet ta’ suplenza tal-kleru (Codice di diritto canonico, can. 3); imma, kif wieħed jaqra fl-eżortazzjoni apostolika Christifideles laici, “l-eżerċizzju ta’ dawn id-dmirijiet ma jagħmilx mill-lajk fidil Ragħaj”: huwa “jikseb il-leġittimazzjoni immedjata u b’mod formali mid-deputazzjoni uffiċċjali mogħtija mir-Rgħajja, u fl-attwazzjoni konkreta tagħha huwa dirett mill-awtorità ekkleżjastika” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, n. 23).

Imma hemm bżonn li minn l-ewwel inżidu li l-azzjonijiet tal-lajċi ma jillimitawx ruħhom għal suplenza “f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ neċessitajiet kroniċi”. Hemm oqsma tal-ħajja ekkleżjali li fihom, maġemb id-dmirijiet propji tal-ġerarkija, hija mixtieqa l-partiċipazzjoni attiva wkoll tal-lajċi. L-ewwel hija dik tal-assemblea liturġika. Bla dubju ċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika titlob l-opra ta’ min irċieva mis-sagrament tal-Ordni Sagri l-qawwa li joffri s-sagrifiċċju f’isem Kristu: is-Saċerdot. Imma hija, skont l-Eżortazzjoni apostolika Christifideles laici, “azzjoni sagra mhux biss tal-Kleru, imma tal-assemblea kollha”. Azzjoni komunitarja. “Hija ħaġa naturali, għalhekk, li d-dmirijiet mhux propji tal-ministri ordnati jkunu mwettqa mill-fidili lajċi” (Ivi). U kemm lajċi, kbar u żgħar, żgħażagħ u anzjani, jwettquhom b’mod distint fil-knejjes tagħna, bit-talb, bil-qari, bil-kant, bis-servizzi differenti ġewwa u barra l-bini sagru! Niżżu ħajr lill-Mulej għal din ir-realtà ta’ żmienna. Jeħtieġ li nitolbu biex Huwa dejjem iktar jagħmel li tikber fin-numru u fil-kwalità.

7. Ukoll ‘l hemm mill-qasam tal-liturġija, il-lajċi għandhom dmir propju fix-xandir tal-kelma ta’ Alla, ladarba impenjati fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu, u allura responsabiltà fl-evanġelizzazzjoni. Għal dan l-iskop jistgħu jirċievu inkarigi partikolari u wkoll mandati permanenti, per eżempju fil-katekeżi, fl-iskola, fid-direzzjoni u fl-editjar tar-rivisti reliġjużi, fl-editorija kattolika, fil-mass-media, fl-inizjattivi u opri varji li l-Knisja tippromwovi għat-tixrid tal-fidi (cf. Catechismo della Chiesa Cattolica, 906).

F’kull każ, din hija parteċipazzjoni fil-missjoni tal-Knisja, fil-Pentekoste dejjem ġdida li tipprova twassal fid-dinja kollha l-grazzja tal-Ispirtu li niżlet fiċ-Ċenaklu ta’ Ġerusalem biex ixxandar lill-popli kollha l-għeġubijiet ta’ Alla.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb