92. Id-Dinjità tal-Mara għandha tkun rispettata


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 22/06/1994.

1. Fil-katekeżi dwar id-dinjità u l-apostolat tal-lajċi fil-Knisja, esponejna l-ħsieb u l-proġetti tal-Knisja validi għall-fidili kollha, irġiel u nisa.

Imma rridu issa nikkunsidraw b’mod iktar speċjali l-irwol tal-mara nisranija, kemm għall-importanza li, minn dejjem, in-nisa kellhom fil-Knisja, kif ukoll it-tamiet li fihom jistgħu u għandhom jaħżnu għall-preżent u għall-futur. Bosta ilħna tgħollew fl-epoka tagħna biex jitolbu rispett tad-dinjità personali tal-mara u l-għarfien ta’ parità effettiva ta’ drittijiet mar-raġel, hekk li joffru lilha l-possibiltà sħiħa li tiżvolġi l-irwol tagħha fis-setturi kollha u għal-livelli kollha tas-soċjetà.

Il-Knisja tqis il-moviment, definit ta’ emanċipazzjoni, jew ta’ liberazzjoni, jew ta’ promozzjoni tal-mara fid-dawl tad-dutrina rivelata dwar id-dinjità tal-persuna umana, dwar il-valur tal-persuni ndividwali – nisa u rġiel – qudddiem il-Ħallieq u dwar l-irwol attribwit lill-mara fl-opra tas-salvazzjoni. Hija ssostni għalhekk li, fir-realtà, l-għarfien tal-valur tal-mara għandu bħala sors aħħari l-koxjenza nisranija tal-valur ta’ kull persuna. Tali koxjenza, stimolata mill-iżvilupp tal-kondizzjonijiet soċjokulturali u illuminata mill-Ispirtu Santu, tasal b’mod progressiv biex tifhem aħjar l-intenzjonijiet tal-pjan divin miġbur fir-Rivelazzjoni. U huma dawn l-“intenzjonijiet divini” li għandna nfittxu li nistudjaw, b’mod speċjali fil-Vanġelu, li jittrattaw il-valur tal-ħajja tal-lajċi, u b’mod partikolari ta’ dak tan-nisa, biex niffavorixxu l-kontribut lill-opra tal-Knisja għat-tixrid tal-messaġġ evanġeliku u għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla.

2. Fil-prospettiva tal-antropoloġija nisranija, kull persuna umana għandha d-dinjità tagħha: u bħala persuna l-mara m’għandhiex dinjità inqas mir-raġel. Spiss ħafna l-mara tiġi, iżda, meqjusa bħala oġġett minħabba l-egoiżmu maskili, li wera ruħu f’tant sedji fl-imgħoddi u għadu juri ruħu wkoll illum. Fis-sitwazzjoni tallum jitqanqlu raġunijiet multipliċi ta’ ordni kulturali u soċjali, li jiġu meqjusa b’oġġettività serena; mhuwiex diffiċli iżda li dak li jkun jiskopri wkoll l-influss ta’ tendenza għall-predominanza u għall-prepotenza, li sabet u ssib il-vittmi tagħha b’mod speċjali fin-nisa u fit-tfal. Mill-bqija, il-fenomenu kien u għadu iktar ġenerali: għandu oriġni, bħal ma ktibt fil-Christifideles laici, f’“dik il-mentalità inġusta u detrementali li tqis l-esseri uman bħala ħaġa, bħala oġġett ta’ negozju, bħala strument tal-interess egoistiku jew tal-pjaċir biss” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, n. 49).

Il-lajċi nsara huma msejħin biex jissieltu kontra l-forom kollha li jassumu din il-memtalità. Ukoll meta din tittraduċi ruħha fi spettakoli u riklamar, immexxija mill-intenzjoni li tkun aċċentwata t-tellieqa frenetika għall-konsumiżmu. Imma n-nisa stess għandhom id-dmir li jikkontribwixxu biex jiksbu r-rispett tal-personalità tagħhom billi ma jinżlu għall-ebda forma ta’ kompliċità ma’ dak li jmur kontra d-dinjità tagħhom.

3. Dejjem fuq il-bażi tal-istess antropoloġija, id-dutrina tal-Knisja tgħallem li l-prinċipju tal-ugwaljanza tal-mara mar-raġel, fid-dinjità personali u fid-drittijiet umani fundamentali, għandu dejjem ikun miġjub b’mod koerenti għall-konsegwenzi kollha tiegħu. Hija l-Bibbja stess li tħalli tidher din l-ugwaljanza. Għal tali għan jistà jkun interessanti li ninnutaw li, jekk fl-edizzjoni l-iktar antika tal-ħolqien ta’ Adam u Eva (cf. Ġen 2, 4b-25) il-mara tiġi maħluqa minn Alla “mill-kustilja” tar-raġel, hija titqiegħed maġemb ir-raġel bħala “jien” ieħor li miegħu hu, differenti minn kwalunkwè realtà oħra maħluqa, jistà jiddjaloga  b’mod ugwali. F’din il-prospettiva jimponi ruħu r-rakkont l-ieħor tal-ħolqien (cf. Ġen 1, 26-28), li fih jiġi b’mod immedjat sostnut li l-bniedem maħluq xbiha ta’ Alla huwa “Maskju u femmina” “Alla ħalaq il-bniedem xbiha tiegħu: xbiha ta’ Alla ħalqu; maskju u femmina ħalqu” (Ġen 1, 27); (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 6). B’dan il-mod tiġi mfissra d-differenza tas-sessi, imma b’mod speċjali l-kumplimentarjetà meħtieġa tagħhom. Wieħed jasal li jgħid li l-awtur sagru jinsisti li jsostni, fl-aħħar minn l-aħħar, li l-mara ġġorr fiha x-xebħ ma’ Alla xejn inqas mir-raġel, u li hija ġiet maħluqa xbiha ta’ Alla f’dak kollu li huwa speċifiku għall-persuna tal-mara u mhux biss f’dak li għandha komuni mar-raġel. Din hija ugwaljanza fid-diversità (cf. Cathechismus Catholicae Ecclesiae, 369). Mela l-perfezzjoni għall-mara mhix li tkun bħar-raġel, li timmaskolinizza ruħha sa ma titlef l-kwalitajiet speċifiċi tagħha ta’ mara: il-perfezzjoni tagħha – li hija wkoll sigriet ta’ asserzjoni u ta’ awtonomija relattiva – hija li tkun mara, ugwali għar-raġel imma differenti. Fis-soċjetà ċivili u wkoll fil-Knisja, l-ugwaljanza u d-diversità tan-nisa għandhom ikunu magħrufa.

4. Diversità ma tfissirx oppożizzjoni meħtieġa u kważi inflessibbli. Fl-istess rakkont bibbliku tal-ħolqien, il-koperazzjoni tar-raġel u tal-mara tiġi stabbilita bħala kondizzjoni tal-iżvilupp tal-umanità u tal-opra tagħha ta’ dominanza fuq l-univers: “Kunu fertili u mmultiplikaw, imlew l-art; rażżnuha” (Ġen 1, 28). Fid-dawl ta’ dan il-mandat tal-Ħallieq, il-Knisja ssostni li “l-koppja u l-familja jikkostitwixxu l-ewwel spazju għall-impenn soċjali tal-fidili” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 40). Fuq pjan iktar ġenerali, ngħidu li r-restawr tal-ordni temporali għandu jirriżulta mill-koperazzjoni tar-raġel u tal-mara.

5. Imma mit-test suċċessiv tal-Ġenesi jirriżulta wkoll li fil-pjan divin il-koperazzjoni tar-raġel u tal-mara kellha tattwa ruħha, fuq pjan superjuri, fil-prospettiva tal-assoċjazzjoni tal-Adam il-ġdid u tal-Eva il-ġdida. Infatti fil-protovanġelu (cf. Ġen 3, 15) il-mibegħda tiġi stabbilita bejn id-demonju u l-mara. L-ewwel għadu tal-ħażin, il-mara hija l-ewwel allejata ta’ Alla (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 11). F’dik il-mara nistgħu nagħrfu, fid-dawl tal-Vanġelu, lill-Verġni Marija. Imma f’dak it-test nistgħu wkoll naqraw verità li tolqot b’mod ġeneriku lin-nisa: huma ġew promossi, mill-għażla gratwita ta’ Alla, għal rwol primarju fl-allejanza divina. Fil-fatt dan niddistingwuh fil-figuri ta’ tant qaddisin nisa, eroini tassew tas-Saltna ta’ Alla; imma wkoll fl-istorja u fil-kultura umana l-opra tal-mara għas-servizz tal-ġid għandha d-dimostrazzjoni tagħha.

6. F’Marija jirrivela ruħu l-valur attribwit fil-pjan divin lill-persuna u lill-missjoni tal-mara. Biex nikkonvinċu ruħna, biżżejjed nirriflettu dwar il-valur antropoloġiku tal-aspetti fundamentali tal-Marjoloġija: Marija hija “mimlija bil-grazzja” minn l-ewwel waqt tal-eżistenza tagħha, għalhekk hija meħlusa mid-dnub. Manifestament il-favur divin huwa mogħti b’abbundanza lill-“imbierka fost in-nisa kollha”, u minn Marija dan jirrifletti ruħu fuq l-istess kondizzjoni tal-mara, billi jeskludi kull inferjorità (cf. Ġwanni Pawlu II, Redemptoris Mater, 7-11).

Barra minn dan Marija tiġi mpenjata fl-allejanza definittiva ta’ Alla mal-umanità. Għandha d-dmir li tagħti l-kunsens, f’isem l-umanità, għall-miġja tas-Salvatur. Dan l-irwol jissupera l-pretensjonijiet kollha wkoll dawk riċenti tad-drittijiet tal-mara:  Marija interveniet b’mod sopraprominenti u umanament impensabbli fl-istorja tal-umanità, u bil-kunsens tagħha ikkontribwiet għat-trasformazzjoni tad-destin uman kollu.

Iktar: Marija ikkoperat fl-iżvilupp tal-missjoni ta’ Ġesù, sew billi wellditu, rabbietu, kienet maġembu fis-snin tal-ħajja moħbija, kif ukoll, tul is-snin tal-ministeru pubbliku, bis-sosteniment b’mod diskret tal-azzjoni, nibdew minn Kana, fejn kisbet l-ewwel wirja tal-poter mirakoluż tas-Salvatur: kif jgħid il-Konċilju, kienet Marija li “nkuraġġiet, bl-interċessjoni tagħha, lil Ġesù Messija biex jagħti bidu għall-mirakli” (Lumen gentium, 58).

Fuq kollox, Marija ikkoperat ma’ Kristu fl-opra redentriċi, mhux biss billi ħejjiet lil Ġesù għall-missjoni tiegħu, imma wkoll billi ngħaqdet fis-sagrifiċċju tiegħu għall-fidwa ta’ kulħadd (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 3-5).

7. Id-dawl ta’ Marija jistà jespandi, ukoll illum, fuq id-dinja femminili u jħaddan il-problemi antiki u ġodda tan-nisa, waqt li jgħin lil kulħadd jifhem id-dinjità u biex jingħarfu d-drittijiet. In-nisa jirċievu grazzja speċjali; jirċevuha biex jgħixu fl-allejanza ma’ Alla fil-livell tad-dinjità u l-missjoni tagħhom. Huma imsejħin biex jingħaqdu kif jidhrilhom huma – b’mod li huwa eċċellenti – fl-opra redentriċi ta’ Kristu.  In-nisa għandhom irwol kbir fil-Knisja. Dan dak li jkun jifhmu b’mod partikolarment ċar fid-dawl tal-Vanġelu u tal-figura sublimi ta’ Marija.

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Emanuel Zarb