94. In-Nisa huma essenzjali għall-Missjoni tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 13/07/1994.

1. Is-segwaċi kollha tal-Kristu jistgħu u għandhom ikunu, fil-Knisja, membri attivi bis-saħħa tal-Magħmudija u tal-Griżma tal-Isqof u, għall-miżżewġin, bis-saħħa tal-istess sagrament taż-Żwieġ.

Imma rrid nenfasizza llum, xi punti li jirrigwardaw l-impenn tal-mara, li bla dubju hija msejħa għal koperazzjoni propja tagħha – denjissma u importantissma – għall-missjoni tal-Knisja.

Parteċipi, bħall-fidili kollha, fl-uffiċċju saċerdotali, profetiku u rjali ta’ Kristu, hija tesprimi aspetti speċifiċi, korrispondenti u addattati għall-personalità femminili: u propju għal dan tirċievi xi kariżmi, li jiftħu toroq konkreti għall-missjoni tagħha.

2. Hawn ma nistax nirrepeti dak li ktibt fl-Ittra Apostolika Mulieris dignitatem, (15 ta’ Awissu 1988) u fl-Eżortazzjoni apostolika Christifideles laici (30 ta’ Diċembru 1988) dwar id-dinjità tal-mara u fuq is-sisien antropoloġiċi u tejoloġiċi tal-kondizzjoni femminili. Hemm tkellimt dwar is-sehem tagħha il-ħajja tas-soċjetà umana u nisranija u għall missjoni tal-Knisja b’referenza għall-familja, għall-kultura u għad-diversi stati tal-ħajja, għad-diversi setturi li fihom teżerċita l-attivita umana, għad-diversi esperjenzi ta’ ferħ u ta’ niket, saħħa u mard, suċċess u insuċċess, preżenti fil-ħajja ta’ kulħadd.

Skont il-prinċipju mxandar mis-Sinodu tal-1987, u mtenni mill-Christifideles laici (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, n. 51), “in-nisa jipparteċipaw fil-ħajja tal-Knisja mingħajr ebda diskriminazzjoni, ukoll fil-konsultazzjonijiet u fl-elaborazzjoni tad-deċiżjonijiet”. Neċessarjament tirriżulta għan-nisa l-possibiltà li jipparteċipaw fid-diversi kunsilli pastorali dijoċeżani u parrokkjali, kif ukoll fis-Sinodi dijoċeżani u fil-Kunċilji partikolari. Anzi, skont il-proposta tas-Sinodu, in-nisa, “għandhom ikunu assoċjati fit-tħejjija tad-dokumenti pastorali u tal-inizjattivi missjunarji, u għandhom ikunu magħrufa bħala koperatriċi tal-missjoni tal-Knisja fil-familja, fil-professjoni u fil-komunità ċivili” (Ivi, 51). Dawn huma kollha oqsma li fihom l-intervent ta’ nisa mħarrġa jistà jwassal għal kontribut kbir ta’ għaqal u moderazzjoni, ta’ kuraġġ u ta’ dedikazzjoni, ta’ spiritwalità u ta’ fervur għall-ġid tal Knisja u tas-soċjetà.

3. Fuq kollox l-impenn ekkleżjali tal-mara jistà u għandu jirrifletti d-dawl tar-rivelazzjoni evanġelika, li skontha mara kienet imsejħa biex tagħti, bħala rappreżentanta tal-ġeneru uman, il-kunsens għall-Inkarnazzjoni tal-Verb. Huwa r-rakkont tal-Annunzjazzjoni li jissuġġerixxi din il-verità, meta jgħarrafna li kien biss wara l- “fiat mihi” ta’ Marija, li kienet aċċettat li tkun omm il-Messija, “l-anġlu telaq mingħandha” (Lq 1, 38). L-anġlu kien wettaq il-missjoni tiegħu: setà jwassal lil Alla l-“iva” tal-umanità, imlissna minn Marija ta’ Nażżaret.

Waqt li ssegwi l-eżempju ta’ Marija, li Eliżabetta ftit żmien wara ipproklamat bejata minħabba li kienet emmnet (cf. Lc 1, 42), u waqt li niftakru li wkoll lil Marta, qabel il-qawmien ta’ Lażżru, Ġesù jitlob stqarrija ta’ fidi (cf. Ġw 11, 26), il-mara nisranija se tħossha li hija msejħa b’mod singolari biex tipprofessa u tixhed il-fidi. Il-Knisja teħtieġ xhieda deċiżi, koerenti, fidili, li, quddiem id-dubji u n-nuqqas ta’ twemmin hekk frekwenti f’bosta strati tas-soċjetà tallum, juru bil-kliem u bil-fatti l-għaqda dejjem ħajja tagħhom ma’ Kristu.

Ma nistgħux ninsew li, skont in-narrazzjoni evanġelika, fil-jum tal-Qawmien mill-Imwiet kienu n-nisa l-ewwel li xehdu din il-verità, waqt li ltaqgħu ma dubji u jistà jkun ċertu xettiċiżmu tad-dixxipli, li ma ridux jemmnu imma li fl-aħħar minn l-aħħar waslu li jaqsmu l-fidi tagħhom. Ukoll f’dak il-waqt wriet ruħha n-natura l-iktar intuwitiva tal-intelliġenza tal-mara, li tirrendiha iktar miftuħa għall-verità rivelata, maġġorment kapaċi tilqà s-sinifikat tal-fatti u li tilqà l-messaġġ evanġeliku. Tul il-korsa tas-sekli innumerevoli kienu l-provi ta’ din il-kapaċità u ta’ din il-prontezza.

4. Il-mara għandha attitudni għal kollox partikolari biex tittrażmetti l-fidi, għalhekk Ġesù nnifsu għamlilkom appell għall-evanġelizzazzjoni. Hekk seħħ mas-Sammaritana, li Ġesù jiltaqà magħha fuq il-“bir ta’ Ġakobb” u jagħżilha għall-ewwel espansjoni tal-fidi l-ġdida f’territorju li mhux Lhudi. L-Evanġelista jirrikordja li, wara li personalment ingħaqdet fil-fidi ma’ Kristu, is-Sammaritana tħaffef biex twassalha lil oħrajn. “Ejjew biex taraw raġel li qalli dak kollu li jien għamilt. Jewwilla forsi huwa l-Messija?” (Ġw 4, 29). Is-Sammaritana, mela, tillimita ruħha li tagħmel mistoqsija u tiġbed lill-koċittadini tagħha lejn Ġesù, bl-umiltà sinċiera li takkumpanja s-senjalazzjoni tal-iskoperta meraviljuża magħmula minnha.

Nistgħu nilmħu, fl-imġieba tagħha, il-kwalitajiet tipiċi tal-apostolat femminili wkoll fi żmienna: l-inizjattiva umli, ir-rispett tal-persuni mingħajr pretensjoni li jimponi mod ta’ turija, l-istedina biex tirrepeti l-esperjenza propja, bħala triq biex tasal għall-konvinzjoni personali tal-fidi.

5. Hemm bżonn ninnutaw li, fil-familja, il-mara għandha l-possibilità u r-responsabiltà tat-trażmissjoni tal-fidi fl-ewwel edukazzjoni tal-ulied. Lilha b’mod speċifiku jmiss id-dmir ferrieħi li twassalhom għall-iskoperta tad-dinja soprannaturali. Il-komunjoni profonda li tgħaqqadha magħhom tippermettilha li torjentahom b’mod effikaċi lejn Kristu.

Madankollu, dan id-dmir ta’ trażmissjoni tal-fidi, għall-mara, mhuwiex iddestinat li jiżvolġi ruħu biss fil-qasam tal-familja, imma – bħal ma naqraw fil-Christifideles laici – “ukoll fl-iktar postijiet edukattivi diversi u, f’termini iktar wiesgħa, f’dak kollu li jirrigwarda l-akkoljenza tal-kelma ta’ Alla, il-fehim tagħha u l-komunikazzjoni tagħha: ukoll l-istudju, ir-riċerka u t-tagħlim tejoloġiku” (n. 51). Dawn huma kollha ħjiel tar-rwol li l-mara għandha fil-qasam tal-katekeżi, li illum twessà fi spazji wiesgħa u differenti, li diversi minnhom kienu mpensabbli fiż-żminijiet l-imgħoddija.

6. U iktar; il-mara għandha qalb komprensiva, sensibbli, kompassjonevoli, li tippermettilha li tipprovdi stil delikat u konkret għall-karità. Nafu li fil-Knisja kien hemm nisa numerużi – reliġjużi u lajċi, ommijiet ta’ familja u xebbiet – li ddedikaw ruħhom għas-serħan tat-tbatijiet umani. Huma kitbu paġni meraviljużi ta’ dedikazzjoni għall-bżonnijiet tal-foqra, tal-morda, tal-immankati, tal-imwarrbin u ta’ dawk kollha li lbieraħ kienu – u spiss huma wkoll illum, abbandunati jew rifjutati mis-soċjetà. Kemm ismijiet jitilgħu mill-qlub għax-xuftejn meta wieħed irid jagħmel biss ħjiel għal dawk il-figuri erojċi tal-karità eżerċitata bil-mess u bil-ħila kollha femminili, kemm fl-intern tal-familji, kemm fl-istituti, kemm fil-każijiet ta’ mard fiżiku, kemm fil-konfronti ta’ persuni maħkuma mill-biżà morali, mill-oppressjoni, mill-isfruttament. Xejn minn dan kollu ma jaħrab mill-ħarsa divina, u wkoll il-Knisja iġġorr f’qalbha l-ismijiet u l-esperjenzi eżemplari ta’ tant rappreżentanti nobbli tal-karità: kultant tiktibhom fir-reġistru tal-qaddisin tagħha.

7. U fl-aħħarnett qasam sinifikattiv tal-apostolat femminili fil-Knisja huwa dak tal-animazzjoni tal-liturġija. Is-seħem femminili fiċ-ċelebrazzjonijiet, ġeneralment iktar numeruż minn dak maskili, juri l-impenn fil-fidi, is-sensibiltà spiritwali, l-inklinazzjoni għall-ħniena u l-attakkament tal-mara għat-talb liturġiku u għall-Ewkaristija.

Fuq din il-koperazzjoni tal-mara mas-saċerdot u mal-fidili l-oħra fiċ-Ċelebrazzjoni ewkaristika, nistgħu naraw projettat d-dawl tal-koperazzjoni tal-Verġni Marija ma’ Kristu, fl-Inkarnazzjoni u fir-Redenzjoni. Ecce ancilla Domini: “Hawn hi l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek” (Lq 1, 38). Marija hija l-mudell tal-mara nisranija fl-ispirtu u fl-attività, li jkabbar fid-dinja l-misteru tal-Verb inkarnat u redentur.

Fil-Knisja Ġesù afda it-titwil tal-opra tiegħu feddejja lill-ministeru tat-Tnax u tal-kollaboraturi u suċċessuri tagħhom: maġembhom, madankollu, ried il-koperazzjoni tan-nisa, kif jidher diġa billi assoċja lil Marija fl-opra tiegħu. B’mod iktar speċifiku, wera din l-intenzjoni bl-għażla ta’ Marija ta’ Magdala bħal portatriċi tal-ewwel messaġġ tal-Irxoxt lill-Appostli. Din hija kollaborazzjoni li toħroġ sa mill-bidu tal-evanġelizzazzjoni. Din irrepetiet ruħha imbagħad drabi bla tarf mill-ewwel sekli nsara kemm bħala attività edukattiva jew skolastika, kif ukoll bħala impenn ta’ apostolat kulturali, jew ta’ azzjoni soċjali, jew ta’ kollaborazzjoni mal-parroċċi, id-dijoċesijiet, l-istituzzjonijiet kattoliċi differenti. Hu x’inhu jiddi fuq il-ministeru tal-mara d-dawl tal-Ancilla Domini u tan-nisa l-oħra eżemplari immortalati mill-Vanġelu. Ukoll jekk bosta minnhom jibqgħu mhux magħrufa, ħadd ma jintesa minn Kristu li, waqt li jirreferi ruħu lil Marija ta’ Betanja, li kienet sawbet fuq rasu ż-żejt ifuħ, iddikjara: “Dak li hija għamlet, jixxandar kull fejn jiġi ppridkat dan il-Vanġelu, fid-dinja kollha . . .” (cf. Mt 26, 13).

Niżżi ħajr lill-Mulej talli stajna niltaqgħu illum mill-ġdid f’din l-Awla.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb