96. In-Nisa u s-Saċerdozju Ministerjali


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 27/07/1994.

1. Il-mara tieħu sehem fis-saċerdozju komuni tal-fidili (cf. Lumen gentium, 10) f’bosta forom, imma b’mod speċjali bil-maternità.

Mhux biss dik spiritwali, imma wkoll dik li ħafna nisa jagħżlu bħala funzjoni naturali tagħħom propja, fir-rigward tal-koċepiment, għall-ġenerazzjoni u l-edukazzjoni tal-ulied: “tagħti lid-dinja bniedem”!

Dan huwa dmir, li fl-isfera tal-Knisja jinkludi vokazzjoni għolja u jsir missjoni, bl-inseriment tal-mara fis-saċerdozju komuni tal-fidili.

2. Fi żminijiet riċenti biżżejjed bdiet kull ma jmur tistabilixxi ruħha, fil-qasam kattoliku wkoll, it-talba min-naħa ta’ xi nisa għas-saċerdozju ministerjali. Din hija talba li tistrieħ, fir-realtà, fuq assunzjoni xejn sostenibbli: il-ministeru saċerdotali mhuwiex infatti funzjoni li tidħol għaliha skont kriterji soċjoloġiċi jew proċeduri ġuridiċi imma biss b’ubbidjenza għar-rieda ta’ Kristu.

Issa, Ġesù afda biss lill-persuni ta’ sess maskili d-dmir tas-saċerdozju ministerjali. Minkejja li kien stieden ukoll xi nisa biex isegwuh, u minkejja li kien talab il-koperazzjoni tagħhom, la sejjaħ u linqas daħħal xi waħda minnhom biex tkun parti mill-grupp li lilu kellu jafda s-saċerdozju ministerjali fil-Knisja tiegħu. Ir-rieda tiegħu tidher mill-kombinazzjoni tal-imġieba tiegħu, barra li minn ġesti sinifikattivi, li t-tradizzjoni nisranija interpretat b’mod kostanti bħala ndikazzjonijiet li għandhom jiġu segwiti.

3. Hekk jirriżulta mill-Vanġeli li Ġesù qatt ma bagħat lin-nisa fuq missjoni ta’ predikazzjoni, bħal ma għamel għall-grupp tat-Tnax, li kienu kollha ta’ sess maskili (cf. Lq 9, 1-6), u wkoll għat-Tnejn u Sebgħin, li fosthom ma tissemma ebda preżenza femminili (cf. Lq 10, 1-20). Lit-Tnax biss Ġesù jagħti l-awtorità fuq is-Saltna: “Jien inħejji għalikom saltna, bħal ma l-Missier ħejjiha għalija” (Lq 22, 29).

Lit-Tnax biss jagħti l-missjoni u l-qawwa li jagħmlu l-ewkaristija f’ismu (cf. Lq 22, 19): l-essenza tas-saċerdozju ministerjali. Lill-Appostli biss, wara l-qawmien mill-mewt tiegħu, jagħti l-poter li jaħfru d-dnubiet (cf. Ġw 20, 22-23) u biex jimpenjaw ruħhom fl-opra tal-evanġelizzazzjoni universali (cf. Mt 28, 18-20; Mk 16, 16-18).

Ir-rieda ta’ Kristu ġiet segwita mill-Appostli u mill-oħrajn responsabbli mill-ewwel komunitajiet, li taw bidu għat-tradizzjoni nisranija, minn dak iż-żmien dejjem eżistenti fil-Knisja. Din it-tradizzjoni ħassejt id-dmir li nsostni fl-Ittra Apostolika riċenti Ordinatio sacerdotalis (Ġwanni Pawlu II, Ordinatio sacerdotalis, 22 ta’ Mejju 1994: Insegnamenti di Giovanni Paolo II, XVII, 1 (1994) 1107 s.), waqt li ddikjarajt li “il-Knisja m’għandha bl-ebda mod il-fakoltà li tagħti lin-nisa l-ordinazzjoni saċerdotali u li din is-sentenza għandha tinżamm b’mod definittiv mill-fidili kollha tal-Knisja”. U hawn jinsab ir-riskju tal-fedeltà għall-ministeru pastorali kif kien imwaqqaf minn Kristu. U dan huwa dak li diġa kien iddikjarat minn Piju XII, illi fl-indikazzjoni li “il-Knisja m’għandha ebda setgħa fuq is-sustanza tas-sagramenti, jiġifieri dwar dak kollu li Kristu Mulej, b’xhieda tas-sorsi tar-Rivelazzjoni, ried li jinżamm fis-sinjal sagramentali”, kien ikkonkluda li hija hi miżmuma biex tilqà bħala regola “ “il-prattika tiegħu li tagħti biss lil xi rġiel l-ordinazzjoni saċerdotali” (cf. AAS 40 [1948] 5).

4. Ma jistax dak li jkun jikkontesta l-valur permanenti u normattiv ta’ din il-prattika billi jgħid li r-rieda murija minn Kristu kienet dovuta għall-mentalità eżistenti fi żmienu u għall-preġudizzji dak iż-żmien u wkoll wara mxerrda b’detriment tal-mara. Fir-realtà, Ġesù qatt ma’ qagħad għal mentalità sfavorevoli għall-mara u, anzi, irrejaġixxa kontra l-inugwaljanzi dovuti għad-differenza tas-sessi: billi sejjaħ diversi nisa biex isegwuh, huwa wera is-superament tiegħu tad-drawwiet u tal-mentaltà tal-ambjent. Jekk huwa rriserva s-saċerdozju ministerjali għall-irġiel, dan għamlu bil-libertà kollha, u fid-dispożizzjonijiet u l-għażliet tiegħu ma kien hemm ebda attitudni sfavorevoli fil-konfront tan-nisa.

5. Jekk wieħed ifittex li jaqbad il-mottiv li għalih Ġesù rriserva għall-irġiel l-aċċess għall-ministeru saċerdotali, dan jistà jiskoprih fil-fatt li s-Saċerdot jirrapreżenta lil Kristu stess fir-rapport tiegħu mal-Knisja. Madankollu, dan ir-rapport huwa ta’ ġeneru sponsali: Kristu huwa l-għarus (cf. Mt 9, 15; Ġw 3, 29; 2 Kor 11, 2; Ef 5, 25), il-Knisja hija l-għarusa (cf. 2 Kor 11, 2; Ef 5, 25-27.31-32; Ap 19, 7; 21, 9). Sabiex ir-rapport bejn Kristu u l-Knisja jkun espress b’mod validu fl-ordni sagramentali, huwa mela ndispensabbli li Kristu jkun irrapreżentat minn raġel. Id-distinzjoni tas-sessi hija sinifikattiva ħafna f’dan il-każ u ma tistax tkun injorata mingħajr ma jkun affettwat is-sagrament. Infatti n-natura speċifika tas-sinjal użat hija essenzjali fis-sagramenti. Il-Magħmudija dak li jkun irid jagħmilha bl-ilma li jaħsel; ma jistax jagħmilha biż-żejt, li jdellek, alavolja ż-żejt iqum iktar mill-ilma. B’mod simili, is-sagrament tal-ordni sagri jiċċelebra ruħu bl-irġiel, mingħajr ma jqanqal ebda dubju dwar il-valur tal-persuni. Hekk dak li jkun jistà jifhem id-dutrina konċiljari li skontha il-Presbiteri, ordnati “b’mod li jistgħu jaġixxu fl-isem personali ta’ Kristu, Kap tal-Knisja” (Presbyterorum ordinis, 2), “jeżerċitaw il-funzjoni ta’ Kristu Kap u Ragħaj għall-parti tal-awrorità li tmiss lilhom” (n. 6).

Ukoll fl-Ittra Apostolika Mulieris dignitatem tiġi spjegata l-għaliex tal-għażla ta’ Kristu, konservata b’mod fidil mill-Knisja Kattolika fil-liġijiet tagħha u fid-dixxiplina tagħha (cf. nn. 26-27).

6. Mill-bqija jinħtieġ ninnutaw li l-vera promozzjoni tal-mara tikkonsisti fli tkun promossa f’dak li huwa propju u dak li jaqbel lilha fil-kwalità tagħha ta’ mara, jiġifieri ta’ krejatura differenti mir-raġel, imsejħa biex tkun hija stess, xejn inqas mir-raġel, mudell ta’ personalità umana. Din hija l-“emanċipazzjoni” korrispondenti għall-indikazzjonijiet u għad-dispożizzjonijiet ta’ Ġesù, li ried jattribwixxi lill-mara missjoni propja għaliha, f’komformità mad-diversità naturali tagħha mir-raġel.

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni tinfetaħ it-triq tal-iżvilupp ta’ personalità tal-mara, li tistà toffri lill-umanità, u b’mod speċjali lill-Knisja, servizz komformi għall-kwalitajiet tagħha.

7. Nistgħu mela nikkonkludu billi niddikjaraw li Ġesù, li billi ma attribwixxiex is-saċerdozju ministerjali lill-mara, ma qegħdhiex f’kondizzjoni ta’ inferjorità, ma ċaħħadhiex minn dritt li setà kien jappartieni lilha, ma kisirx l-ugwaljanza tal-mara mar-raġel, imma pjuttost għaraf u rrispetta d-dinjità tagħha. Waqt li waqqaf il- ministeru saċerdotali għall-irġiel, ma kellu ebda ntenzjoni li jagħtihom superjorità, imma li jsejħilhom għal servizz umli, konformi mas-servizz li tiegħu Bin il-bniedem kien il-mudell (cf. Mk 10, 45; Mt 20, 28). Waqt li ddestina l-mara għal missjoni korrispondenti għall-personalità tagħha, għollilha d-dinjità u kkonfermalha d-dritt għal oriġinalità propja wkoll fil-Knisja.

8. L-eżempju ta’ Marija, omm Ġesù, issaħħaħ il-wirja tar-rispett tad-dinjità tal-mara fil-missjoni afdata lilha fil-Knisja.

Marija ma ġietx imsejħa għas-saċerdozju ministerjali: madankollu l-missjoni riċevuta minnha ma kellhiex inqas valur minn ministeru pastorali, anzi kinilha superjuri sew. Hija rċeviet missjoni materna ta’ livell eċċellenti: li tkun omm Ġesù Kristu, u allura Theotokos, Omm Alla. Missjoni li tespandi ruħha f’maternità fir-rigward tal-bnedmin kollha fl-ordni tal-grazzja.

L-istess wieħed jistà jgħidu għall-missjoni tal-maternità li n-nisa jassumu fil-Knisja (cf. Ġwanni Pawlu II, Mulieris dignitatem, 47). Huma mqiegħda minn Kristu fid-dawl skwiżit ta’ Marija li jiddi mill-quċċata tal-Knisja u tal-ħolqien.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb