Il-bidla li ġġib fina l-Ewkaristija


Il-Ħadd, 14 ta’ Ġunju 2020: Omelija ta’ Corpus Domini mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Ħal Balzan …

Capture.PNGaaaaa

Il-bidla li ġġib fina l-Ewkaristija

Waħda mill-affarijiet sbieħ f’dawn l-aħħar ġimgħat f’din l-esperjenza diffiċli tal-pandemija kienet il-possibbiltà li aħna nsegwu l-quddies jew fuq it-TV jew online f’mumenti differenti tal-ġurnata. Kienet grazzja li aħna nistgħu ninġabru, nitolbu fis-skiet, u anke nsiru iktar midħla tal-kelma ta’ Alla.

Imma aħna nafu li din mhijiex alternattiva għal li niltaqgħu flimkien, mhijiex l-istess bħal meta niltaqgħu hawnhekk flimkien fil-knisja. L-ewwelnett għax meta niltaqgħu, niltaqgħu bħala l-komunità flimkien u din fiha nfisha hi valur għalina li nemmnu f’Ġesù. Imma wkoll għax meta aħna nsegwu l-quddiesa u naslu għall-mument meta l-qassis jgħid: “…henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tal-Ħaruf” aħna nistgħu biss nagħmlu t-tqarbina tax-xewqa meta naraw il-quddiesa fuq it-TV, mentri hawn nistgħu nirċievu lil Ġesù fina.

Alla jaf iċ-ċirkustanzi li għexna u li għadna qegħdin ngħixu minħabba din il-pandemija, u jrid li aħna nieħdu ħsieb is-saħħa u l-ħajja tagħna u ta’ ħaddieħor. Għalhekk ma jippretendix minna dak li ma nistgħux. Imma żgur li daż-żmien għenna wkoll biex nagħrfu aktar, jekk naħsbu ftit sew, it-tifsira tal-Ewkaristija, u kemm hi importanti li nirċievu l-Ewkaristija meta għandna din il-possibbiltà – għalina u għall-ħajja tagħna. Il-festa li qed niċċelebraw illum tfakkarna f’dan.

Nixtieq insemmi dawn it-tliet punti li naraw fil-kelma ta’ Alla llum.

L-ewwel nett l-Ewkaristija tagħtina l-ħajja. Ġesù hawnhekk jagħmilha ċara, u għalhekk jitkellem fuq l-ikel. Disa’ darbiet f’din is-silta qasira jsemmi b’xi mod jew ieħor l-ikel. Irid ifissrilna – in-nies dak iż-żmien għall-bidu ma fehmuhx imma aktar tard fehmu x’ried jgħid –li l-Ewkaristija hija importanti għall-ħajja tagħna, biex aħna nirċievu l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fina u biex din tgħinna hawnhekk, u tgħinna fil-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk l-Ewkaristija, dan ir-rigal kbir li tana Alla, hi tant importanti għall-ħajja. Lilna tagħtina l-ħajja issa u twassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Dan bħalma l-ikel li nieklu hu meħtieġ biex ngħixu. Imma d-differenza bejn l-ikel li nieklu u l-Ewkaristija qiegħda hawn: meta nieklu, l-ikel nibdluh fina; l-Ewkaristija għandha l-għan li tibdilna fih, fi Kristu. Tgħinna biex inkunu aktar nixbhu lilu fil-ħajja tagħna.

L-Ewkaristija hija wkoll dik li tgħaqqadna flimkien. Smajna fit-Tieni Qari, l-Ewwel Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, fejn jgħid: “la l-ħobża hi waħda, aħna, li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed”. Aħna nieħdu sehem mill-istess Ġesù, u għalhekk imsejħin biex inkunu magħqudin flimkien. L-Ewkaristija, jekk inħalluha, tgħinna biex aħna nkunu strumenti ta’ għaqda, ta’ mħabba, u mhux ta’ diviżjoni għaliex Ġesù fina qatt ma jġib il-firda jew il-konflitt jew id-diviżjoni, imma jgħinna biex ikollna dan l-ispirtu ta’ għaqda.

L-Ewkaristija tfisser ukoll servizz, għotja. Innutaw il-kliem tal-konsagrazzjoni, li hu l-kliem li qal Ġesù fl-Aħħar Ċena: “Dan huwa ġismi li jingħata għalikom…dan huwa demmi li jinxtered għalikom.” Fil-kliem tal-konsagrazzjoni stess hemm it-tifsira tal-Ewkaristija għall-ħajja tagħna: li aħna msejħin biex, bħal Ġesù, ħajjitna tkun għotja għall-oħrajn. Iktar ma ngħixuha hekk, iktar inkunu qed ngħixu l-Ewkaristija.

Għalhekk ngħixu l-Ewkaristija fil-ħajja tagħna ta’ kuljum meta nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn, meta ngħinu lil dawk li huma fit-tbatija, meta nfittxu li nibnu ambjent ta’ rispett u mħabba lejn kull bniedem. U l-kontra jgħodd ukoll. Inkunu qed inkasbru l-Ewkaristija li nirċievu jekk aħna bi kliemna nweġġgħu lill-oħrajn, jekk aħna ninsultaw lill-oħrajn. Ħu, per eżempju l-hate speech li mhux biss nisimgħu fuqu imma narawh kontinwament minn nies li sfortunatament il-mibegħda li għandhom qed joħorġuha u juruha lil kulħadd. Ma jistax ikun li aħna nirċievu l-Ewkaristija u f’qalbna u fi kliemna jkollna din l-attitudni ta’ mibegħda lejn l-oħrajn, li aħna per eżempju nifirdu n-nies minħabba kulur jew razza, li aħna nweġġgħu lill-oħrajn bi kliemna. Għalhekk l-Ewkaristija hija stedina kbira għalina biex aħna ngħixu l-attitudnijiet ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna.

Ejjew nitolbu lil Alla din il-grazzja llum li aħna dejjem ngħożżu l-Ewkaristija f’ħajjitna – din il-preżenza tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù fina; nitolbuh biex jagħtina l-ħajja permezz tal-Ewkaristija, jgħaqqadna flimkien bħala l-komunità tiegħu, u jgħinna biex ħajjitna tkun dejjem ta’ servizz u għotja lil xulxin, strumenti veri ta’ mħabba kif għallimna hu.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.